VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIR-RENJU UNIT

(16-19 TA’ SETTEMBRU 2010)

QUDDIESA TAL-BEATIFIKAZZJONI

TAL-VENERABBLI KARDINAL JOHN HENRY NEWMAN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 Cofton Park of Rednal – Birmingham

Il-Ħadd 19 ta’ Settembru 2010

Għeżież aħwa fi Kristu,

Dan il-jum li ġabarna flimkien hawn f’Birmingham hu wieħed tassew speċjali.  Qabel xejn, hu Jum il-Mulej, il-Ħadd, il-jum li fih is-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu qam mil-mewt u bidel għal dejjem il-kors ta’ l-istorja tal-bnedmin, waqt li offra ħajja u tama ġdida lil dawk kollha li qed jgħixu fid-dlam u d-dell tal-mewt.  Din hi r-raġuni li għaliha Nsara mid-dinja kollha jissieħbu flimkien f’dan il-jum biex jagħtu ġieħ u jroddu ħajr lil Alla għall-għeġubijiet kbar li hu għamel għalina.  Dan il-Ħadd partikulari jimmarka wkoll mument li għandu tifsira għolja fil-ħajja tan-nazzjon Brittaniku, għax hu l-jum magħżul biex ifakkar is-sebgħin anniversarju mill-Battalja tal-Brittanja.  Jien li ġarrabt u batejt il-jiem mudlama tar-reġim Nażista fil-Ġermanja, inħossni profondament imqanqal li ninsab hawn magħkom f’din l-okkażjoni, u li niftakar f’kemm ċittadini sħabkom issagrifikaw ħajjithom, u b’kuraġġ waqfu lill-qawwiet ta’ dik l-ideoloġija ħażina.  Ħsiebi jmur b’mod partikulari fuq Coventry, hawn fil-qrib, li sofriet bumbardament hekk qawwi u telfa kbira ta’ ħajjiet f’Novembru 1940.  Sebgħin sena wara, aħna niftakru b’mistħija u niket fid-daqqa kerha tal-mewt u l-qerda li ġġib magħha l-gwerra, u nġeddu l-impenn tagħna li naħdmu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni kull fejn hemm tagħfas it-theddida tal-kunflitt.  Imma hemm ukoll raġuni oħra, iktar ta’ ferħ, għaliex dan hu jum kbir għall-Gran Brittanja, għall-Midlands, għal Birmingham.  Dan hu l-jum li qed jara lill-Kardinal John Henry Newman formalment mgħolli għall-ġieħ ta’ l-altari u ddikjarat Beatu.

 

Irrodd ħajr lill-Arċisqof Bernard Longley għad-diskors sabiħ tiegħu ta’ merħba fil-bidu tal-Quddiesa dal-għodu.  Insellem lil dawk kollha li ħadmu qatigħ fuq medda ta’ bosta snin biex jippromovu l-kawża tal-Kardinal Newman, fosthom is-Saċerdoti ta’ l-Oratorju ta’ Birmingham u l-membri tal-Familja Spiritwali Das Werk.  U nsellem lilkom ilkoll li ġejtu mill-Gran Brittanja, l-Irlanda, u anki lil hemm; nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom għal din iċ-ċelebrazzjoni, li fiha qed nagħtu glorja u ġieħ lil Alla għall-virtujiet erojċi ta’ Ingliż li għex ħajja qaddisa.

 

L-Ingilterra għandha tradizzjoni twila ta’ qaddisin martri, li x-xhieda qalbiena tagħhom għal sekli sħaħ wieżnet u nebbħet lill-komunità Kattolika f’din l-art.  Imma hu sewwa u xieraq li l-lum nagħrfu l-qdusija ta’ konfessur, iben dan in-nazzjon li, għalkemm ma ġiex imsejjaħ biex ixerred demmu għall-Mulej, ta xhieda elokwenti tiegħu matul ħajja twila mogħtija għall-ministeru saċerdotali, u speċjalment għall-predikazzjoni, it-tagħlim, u l-kitba.  Hu jixraqlu tassew jieħu postu fil-linja twila ta’ qaddisin u għorrief minn dawn il-gżejjer, San Beda, Santa Hilda, San Ælred, il-Beatu Duns Scotus, biex inkun semmejt biss ftit.  Fil-Beatu John Henry, dik it-tradizzjoni ta’ skulari twajba, ta’ għerf uman profond u ta’ mħabba qawwija għall-Mulej tat il-frott għani tagħha, bħala sinjal tal-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu li tgħammar fil-fond ta’ qalb il-poplu ta’ Alla, u ssawwab doni kotrana ta’ qdusija.

 

Il-motto tal-Kardinal Newman, Cor ad cor loquitur, jew “Qalb tkellem lil qalb”, idaħħalna iktar fl-għarfien tiegħu tal-ħajja Nisranija bħala sejħa għall-qdusija, li hu stess ġarrab bħala xewqa qawwija tal-qalb umana li tidħol f’xirka intima mal-Qalb ta’ Alla.  Hu jfakkarna li l-fedeltà għat-talb bil-mod il-mod tibdilna fix-xebh tagħna ma’ Alla.  Kif kiteb f’waħda mid-diversi omeliji sublimi tiegħu, “id-drawwa tat-talb, il-prattika li wieħed f’kull żmien, f’kull post, f’kull ħtieġa jdur lejn Alla u d-dinja li ma jarax – it-talb, ngħid jien, għandu dak li nistgħu nsejħulu effett naturali li jispiritwalizza u jgħolli ’l fuq ir-ruħ.  Il-bniedem ma jibqax dak li kien qabel; ftit ftit… jixrob fih sett ta’ ideat ġodda, u jisseddaq bi prinċipji ġodda” (Parochial and Plain Sermons, iv, 230-231).  Il-Vanġelu tal-lum jgħidilna li ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien (ara Lq 16:13), u t-tagħlim tal-Beatu John Henry dwar it-talb jurina kif il-fidil Nisrani jidħol għal kollox fis-servizz ta’ l-Imgħallem waħdieni u veru, li waħdu jixraqlu l-qima inkundizzjonata tagħna (ara Mt 23:10).  Newman jgħinna nifhmu dan kif japplika għall-ħajja tagħna ta’ kuljum: jgħidilna li l-Imgħallem divin tagħna ta ħidma speċifika lil kull wieħed u waħda minna, “servizz preċiż” maħsub unikament għal kull individwu: “Jien għandi l-missjoni tiegħi x’naqdi”, kiteb, “jien ħolqa f’katina, rabta li tgħaqqad flimkien il-persuni.  Hu ma ħalaqnix għalxejn.  Inkun nagħmel it-tajjeb, u nwettaq il-ħidma tiegħu; inkun anġlu tal-paċi, predikatur tal-verità fil-post fejn ngħix… jekk inżomm il-kmandamenti tiegħu u naqdih fis-sejħa li għamilli” (Meditations and Devotions, 301-302).

 

Is-servizz preċiż li għalih kien imsejjaħ il-Beatu John Henry kien jitlob minnu li jħaddem l-intellett mirqum u l-pinna prolifika tiegħu għall-iktar “materji [importanti] tal-ġurnata”.  Il-fehmiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn fidi u raġuni, dwar il-post vitali tar-reliġjon rivelata f’soċjetà ċivilizzata, u dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni miftuħa u wiesgħa ta’ l-edukazzjoni mhux biss kienu kienu ta’ importanza qawwija għall-Ingilterra Vittorjana, imma għadhom il-lum inebbħu u jdawlu lil ħafna madwar id-dinja.  Nixtieq b’mod partikulari nfaħħar il-viżjoni tiegħu ta’ l-edukazzjoni, li għamlet tant biex sawret l-ethos li l-lum hu l-enerġija wara l-iskejjel u l-kulleġġi Kattoliċi.  Ħadha qatta’ bla ħabel kontra idea riduttiva u utilitarjana, u fittex jikseb ambjent edukattiv fejn it-taħriġ intellettwali, id-dixxiplina morali u l-impenn reliġjuż jixxierku flimkien.  Il-proġett tat-twaqqif ta’ Università Kattolika fl-Irlanda tah l-opportunità li jiżviluppa l-ideat tiegħu dwar is-suġġett, u l-ġabra ta’ diskorsi li hu ppubblika fil-ktieb The Idea of a University toffri ideal li minnu dawk kollha mdaħħlin fil-formazzjoni akkademika jistgħu jibqgħu jitgħallmu.  U tabilħaqq, x’mira aħjar jistgħu jpoġġu quddiemhom l-għalliema tar-reliġjon minn dik is-sejħa famuża tal-Beatu John Henry għal lajkat intelliġenti u mgħallem sewwa: “Nixtieq nara lajkat, mhux arroganti, mhux mgħaġġel biex jitkellem, mhux li jieħu gost jargumenta, imma nies li jafu sew ir-reliġjon tagħhom, li jidħlu b’ruħhom u ġisimhom fiha, li jafu fejn hu posthom, li jafu x’tagħlim iżommu u ma jżommux, li l-kredu tagħhom jafuh hekk tajjeb li jistgħu joħorġu għonqhom għalih, u l-istorja jafu tant minnha li għandhom il-ħila jiddefenduha” (The Present Position of Catholics in England, ix, 390)!  F’dan il-jum meta l-awtur ta’ dawn il-kelmiet qed jiġi mgħolli għall-ġieħ ta’ l-altari, nitlob li, bl-interċessjoni u fuq l-eżempju tiegħu, dawk kollha li huma mdaħħlin fil-ħidma tat-tagħlim u l-katekeżi jitħeġġu għal sforz ikbar, imnebbħin mill-viżjoni li hu jqiegħed quddiemna b’mod hekk ċar.

 

Waqt li hu l-wirt intellettwali li ħallielna John Henry Newman li ġustament irċieva l-aktar attenzjoni fil-letteratura vasta li nkitbet dwar ħajtu u ħidmietu, f’din l-okkażjoni jien nippreferi nagħlaq b’riflessjoni qasira fuq ħajtu bħala saċerdot, bħala ragħaj ta’ l-erwieħ.  Il-ħlewwa u l-umanità li hemm moħbija fil-valur li kien jagħti lill-ministeru pastorali huma espressi b’mod sabiħ ħafna fi priedka oħra famuża tiegħu: “Li kieku l-Anġli kellhom ikunu l-qassisin tagħkom, ħuti, huma ma kinux iħossu magħkom, jissimpatizzaw magħkom, tiġihom ħniena minnkom, iħossu bi mħabba għalikom, u jagħdrukom, kif nistgħu nagħmlu aħna; ma kinux ikunu jistgħu jagħmluha ta’ mudelli u rgħajja tagħkom, u jmexxukom mill-jien il-qadim tagħkom għal ħajja ġdida, kif jistgħu jagħmlu dawk li ġejjin minn ġo nofskom” (“Men, not Angels: the Priests of the Gospel”, Discourses to Mixed Congregations, 3).  Hu ħaddan din il-viżjoni hekk profondament umana tal-ministeru saċerdotali fl-għożża kbira tiegħu għall-poplu ta’ Birmingham matul is-snin li hu qatta’ fl-Oratorju li waqqaf, fejn kien iżur il-morda u l-foqra, ifarraġ lill-imnikkta, jieħu ħsieb ta’ dawk fil-ħabs.  Ma nistagħġbux li nhar mewtu, tant eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq tal-lokal hekk kif ġismu kien qed jinġarr lejn il-post tad-difna mhux iżjed minn nofs mil ’il bogħod minn hawn.  Mija u għoxrin sena wara, folol kbar inġabru għal darb’oħra biex jifirħu fl-għarfien solenni min-naħa tal-Knisja tal-qdusija li tispikka f’dan il-missier tant maħbub ta’ l-erwieħ.  X’mod aħjar nistgħu nsibu biex nesprimu l-ferħ ta’ dan il-mument milli nduru fuq Missierna tas-Sema u minn qalbna rroddulu ħajr, waqt li nitolbu bil-kliem li l-Beatu John Henry Newman qiegħed fuq xofftejn il-kor ta’ l-anġli fis-Sema:

 

Il-ġieħ lil Alla l-Għoli, is-Sid,

u f’qiegħ il-art is-sliem.

Fi kliemu kollu ġmiel u sebħ,

triqatu sħaħ f’kull żmien!

(The Dream of Gerontius).

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard