Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2011

 

Għeżież ħuti,

 

Il-qari li għadna kemm smajna, meħud mill-Ittra ta’ San Pawlu Appostlu lil Titu, jiftaħ solennement bil-kelma “apparuit”, li mbagħad tirritorna mill-ġdid anki fil-qari tal-Quddiesa tas-Sebħ: apparuit – “dehret”. Din hi kelma programmatika li biha l-Knisja, biex bħal tiġbor kollox, trid tesprimi l-essenza tal-Milied. Qabel, il-bnedmin kienu tkellmu u ħolqu xbihat umani ta’ Alla b’diversi modi. Alla nnifsu kien kellem lill-bnedmin b’diversi manjieri (ara Lhud 1:1: qari fil-Quddiesa tal-Jum). Imma issa seħħet xi ħaġa iżjed: deher hu. Wera ruħu. Ħareġ mid-dawl inaċċessibbli li fih jgħammar. Hu stess ġie f’nofsna. Dan kien għall-Knisja tal-qedem il-ferħ kbir tal-Milied: deher Alla. M’għadhiex biss xi idea, mhux biss xi ħaġa li wieħed iħoss minn dan il-kliem. Alla “deher”. Imma issa nistaqsu: Kif deher? Min huwa tassew? Il-qari tal-Quddiesa tas-Sebħ jgħid hekk dwar dan: “dehret it-tjieba ta’ Alla… u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin” (Tit 3:4). Għall-bnedmin ta’ qabel il-Kristjaneżmu, li quddiem l-orruri u l-kontradizzjonijiet tad-dinja kienu jibżgħu li lanqas Alla ma kien għalkollox tajjeb, imma seta’ wkoll ikun kiefer u arbitrarju, din kienet vera “epifanija”, id-dawl kbir li dehrilna: Alla hu tjieba pura. Illum ukoll, persuni li ma jirnexxilhomx iżjed jagħrfu lil Alla fil-fidi, jistaqsu jekk il-qawwa li fl-aħħar mill-aħħar fuqha hi mwaqqfa u żżomm sħiħa d-dinja hix tassew tajba, jew jekk il-ħażen hux daqstant ieħor b’saħħtu u oriġinarju daqs it-tajjeb u s-sabiħ, li f’mumenti ta’ dawl niltaqgħu magħhom fil-kożmu tagħna. “Dehret it-tjieba ta’ Alla… u mħabbtu għall-bnedmin”: din hi ċertezza ġdida u konsolanti li tingħatalna fil-Milied.

 

Fit-tliet Quddisiet tal-Milied il-liturġija tikkwota silta meħuda mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija, li tfisser b’mod iżjed konkret l-epifanija li seħħet fil-Milied: “Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: ‘Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem’. Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qies… fis-saltna tiegħu” (Iż 9:5s). Ma nafux jekk il-profeta b’din il-kelma kienx qed jaħseb f’xi tarbija mwielda fil-perjodu storiku tiegħu. Imma jidher impossibbli. Dan hu l-uniku test fit-Testment il-Qadim li fih dwar tarbija, dwar essri uman jingħad: ismu jkun Alla setgħan, Missier għal dejjem. Ninsabu quddiem viżjoni li tmur bil-wisq lil hemm mill-mument storiku għal dak li hu misterjuż, u jinsab fil-futur. Tarbija, fid-dgħufija kollha tagħha, hi Alla setgħan. Tarbija, fil-faqar u d-dipendenza kollha tagħha, hi Missier għal dejjem. “U s-sliem bla qies”. Il-profeta qabel kien tkellem dwaru bħala “dawl kbir” u dwar il-paċi li tiġi minnu kien stqarr li l-bastun tal-argużin, kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa, kull mantell mgħargħar fid-demm, jispiċċaw għall-ħruq (ara Iż 9:1,3-4).

 

Deher Alla – f’tarbija. Proprju hekk hu jeħodha kontra kull vjolenza u jwassal messaġġ li hu paċi. F’dan il-mument, li fih id-dinja hi kontinwament mhedda mill-vjolenza f’bosta mkejjen u b’bosta modi; li fih hemm dejjem mill-ġdid bsaten tal-argużin u mantelli mgħarrgħa fid-demm, nitkarrbu lill-Mulej: Int, Alla setgħan, dhert bħala tarbija u dhert quddiemna bħala Dak li jħobbna u li jirbaħ permezz ta’ mħabbtu. U wrejtna li, flimkien miegħek, irridu nkunu bennejja tal-paċi. Inħobbu l-mod kif int sirt tarbija, kif teħodha kontra l-vjolenza, imma nbatu minħabba l-fatt li l-vjolenza għadha għaddejja fid-dinja, u hekk nitolbuk ukoll: uri l-qawwa tiegħek, o Alla. F’dan iż-żmien tagħna, f’din id-dinja tagħna, agħmel li l-bsaten tal-argużini, il-mantelli mgħarrgħa fid-demm, u l-qrieq tas-suldati li jħabbtu fit-taqtigħa jiġu maħruqa, biex hekk il-paċi tiegħek tirbaħ f’din id-dinja tagħna.

 

Il-Milied hu epifanija – il-manifestazzjoni ta’ Alla u tad-dawl kbir tiegħu f’tarbija li twieldet għalina. Imwieled fl-istalla ta’ Betlehem, mhux fil-palazzi tas-slaten. Meta, fl-1223, San Franġisk ta’ Assisi ċċelebra fi Greccio l-Milied b’baqra u ħmar u maxtura kollha tiben, dehret dimensjoni ġdida tal-misteru tal-Milied. Franġisku ta’ Assisi sejjaħ il-Milied “il-festa tal-festi” – iktar mis-solennitajiet l-oħra kollha – u ċċelebraha b’“għożża li ma titfissirx” (2 Celano, 199: Fonti Francescane, 787). Kien ibus b’devozzjoni kbira x-xbihat tal-Bambin u jlissen kliem ta’ ħlewwa bħal tat-tfal, jirrakkontalna Tumas ta’ Celano (ivi). Għall-Knisja tal-qedem, il-festa tal-festi kienet l-Għid: fil-qawmien, Kristu kien sfronda l-bibien tal-mewt u hekk qaleb id-dinja ta’ taħt fuq: kien ħoloq għall-bniedem post f’Alla nnifsu. Imma Franġisku ma bidilx, ma riedx jibdel din il-ġerarkija oġġettiva tal-festi, l-istruttura interna tal-fidi biċ-ċentru tagħha fil-Misteru tal-Għid. Madankollu, permezz tiegħu u tal-mod kif kien jemmen seħħet xi ħaġa ġdida: Franġisku skopra fi profondità ġdida għalkollox l-umanità ta’ Ġesù. Din li Alla sar bniedem dehret evidenti għalih bl-ogħla mod fil-mument li fih l-Iben ta’ Alla, imwieled mill-Verġni Marija, ġie mfisqi fil-faxex u mqiegħed f’maxtura. Il-Qawmien jippresupponi l-Inkarnazzjoni. L-Iben ta’ Alla bħala tarbija, bħala veru bin il-bniedem – dan mess profondament il-qalb tal-Qaddis ta’ Assisi, u bidel il-fidi fi mħabba. “Dehret it-tjieba ta’ Alla u mħabbtu għall-bnedmin”: din il-frażi ta’ San Pawl allura kisbet profondità kollha kemm hi ġdida. Fit-tarbija fl-istalla ta’ Betlehem, nistgħu, biex ngħidu hekk, immissu lil Alla u mmellsuh. Hekk is-sena liturġika rċiviet it-tieni ċentru tagħha f’festa li, qabelxejn, hija festa tal-qalb.

 

Dan kollu ma għandu ebda sentimentaliżmu fih. Proprju fl-esperjenza ġdida tar-realtà tal-umanità ta’ Ġesù jidher il-misteru kbir tal-fidi. Franġisku kien iħobb lil Ġesù, it-tarbija, għax f’din it-tarbija dehret ċara għalih l-umiltà ta’ Alla. Alla sar fqir. L-Iben tiegħu twieled fil-faqar tal-istalla. F’Ġesù tarbija, Alla sar dipendenti, fil-ħtieġa tal-imħabba ta’ persuni umani, f’kundizzjoni li jittallab l-imħabba tagħhom, u tagħna. Illum il-Milied sar festa tal-ħwienet, li t-tpetpit għammiexi tagħhom jaħbi l-misteru tal-umiltà ta’ Alla, li jistedinna għall-umiltà u għas-sempliċità. Nitolbu lill-Mulej jgħinna biex b’ħarsitna mmorru lil hemm mill-faċċati jleqqu ta’ dan iż-żmien ħalli warajhom insibu t-tarbija fl-istalla ta’ Betlehem, biex hekk niskopru l-veru ferħ u l-veru dawl.

 

Fil-maxtura, li kien hemm bejn il-baqra u l-ħmar, Franġisku ried li jiċċelebra l-Ewkaristija mqaddsa (ara 1 Celano, 85: Fonti, 469). Imbagħad, fuq din il-maxtura nbena altar, biex hemm fejn darba l-annimali kienu kielu t-tiben, issa l-bnedmin setgħu jirċievu, għas-salvazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem, il-laħam tal-Ħaruf bla tebgħa Ġesù Kristu, kif jirrakkonta Celano (ara 1 Celano, 87: Fonti, 471). Fil-Lejl qaddis ta’ Greccio, Franġisku bħala djaknu kien kanta hu stess b’leħen għoli l-Vanġelu tal-Milied. Grazzi għall-għana sabiħ tal-Milied tal-patrijiet, iċ-ċelebrazzjoni dehret kollha bħal tqanqila waħda ta’ ferħ (ara 1 Celano, 85 u 86: Fonti, 469 u 470). Proprju l-laqgħa mal-umiltà ta’ Alla nbidlet f’ferħ: it-tjieba tiegħu toħloq il-vera festa.

 

Min illum ikun jixtieq jidħol fil-Knisja tat-Twelid ta’ Ġesù f’Betlehem, jiskopri li l-bieb, li darba kien għoli ħames metri u nofs u minnu l-imperaturi u l-kaliffi kienu jidħlu ġewwa fil-binja, ġie fil-parti kbira tiegħu imkaħħal b’ħajt. Baqgħet biss fetħa baxxa ta’ metru u nofs. L-intenzjoni aktarx kienet biex jipproteġu aħjar il-knisja kontra attakki li setgħu jsiru, imma fuq kollox biex jevitaw li jidħlu biż-żiemel fid-dar ta’ Alla. Min jixtieq jidħol fil-post tat-twelid ta’ Ġesù, irid jitbaxxa. Jidhirli li hawn tidher verità iżjed profonda, li rridu nħalluha tmissilna qalbna f’dan il-Lejl qaddis: jekk irridu nsibu lil Alla li deher bħala tarbija, allura rridu ninżlu miż-żiemel tar-raġuni “mdawla” tagħna. Irridu nwarrbu ċ-ċertezzi foloz tagħna, is-suppervja intellettwali tagħna, li ma tħalliniex nagħrfu kemm Alla hu qrib tagħna. Irridu nsegwu l-mixja interjuri ta’ San Franġisk – il-mixja lejn dik is-sempliċità estrema esterjuri u interjuri li lill-qalb tagħmilha kapaċi tara. Irridu nitbaxxew, immorru spiritwalment, biex ngħidu hekk, bil-mixi, biex nistgħu ngħaddu mill-bieb tal-fidi u nidħlu niltaqgħu ma’ Alla li hu differenti mill-preġudizzji u mill-fehmiet tagħna: Alla li jinħeba fl-umiltà ta’ tarbija tat-twelid. Hekk niċċeleberaw il-liturġija ta’ dan il-Lejl qaddis u ma niqfux fuq dak li hu materjali, li jista’ jitkejjel jew jintmess. Inħallu jagħmilna sempliċi lil dak Alla li juri ruħu lill-qalb li ssir sempliċi. U nitolbu f’din is-siegħa qabelxejn anki għal dawk kollha li jkollhom jgħixu l-Milied fil-faqar, fit-tbatija, fil-qagħda ta’ migranti, bex jidher għalihom raġġ tat-tjieba ta’ Alla; biex tmiss lilhom u lilna dik it-tjieba li Alla, bit-twelid ta’ Ibnu fi stalla, ried iġib fid-dinja. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard