Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 24 ta’ Diċembru 2010

 

Għeżież ħuti!

 

“Inti ibni, illum jien nissiltek” – b’din il-kelma tat-tieni Salm, il-Knisja tiftaħ il-liturġija tal-Lejl Qaddis. Hi taf li din il-kelma oriġinarjament kienet parti mir-ritwal tal-inkurunazzjoni tas-sultan ta’ Iżrael. Is-sultan, li fil-verità hu essri uman bħall-bqija tal-bnedmin, isir “bin Alla” permezz tas-sejħa u l-insedjament fl-uffiċċju tiegħu: hi speċi ta’ adozzjoni min-naħa ta’ Alla, att ta’ deċiżjoni, li permezz tiegħu hu jagħti lil dak il-bniedem eżistenza ġdida, jiġbdu lejh fl-essri proprju tiegħu. B’mod iżjed ċar il-qari meħud mill-Profeta Iżaija, li għadna kemm smajna, jippreżenta l-istess proċess f’sitwazzjoni ta’ tiġrib u ta’ theddida għal Iżrael: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben. Is-setgħa tkun fuq spallejh” (9:5). L-insedjament fl-uffiċċju tas-sultan hu bħal twelid ġdid. Proprju bħala mwieled ġdid bid-deċiżjoni personali ta’ Alla, bħal tarbija ġejja minn Alla, is-sultan jirrappreżenta tama. Fuq spallejh hemm jistrieħ il-futur. Huwa jżomm il-wegħda tal-paċi. Fil-lejl ta’ Betlehem, din il-kelma profetika saret realtà b’mod li fi żmien Iżaija kont għadek ma tistax timmaġinah. Iva, issa hu verament tarbija Dak li fuq spallejh għandu s-setgħa. Fih tidher ir-regalità ġdida li Alla jagħti lid-dinja. Din it-tarbija hi tassew imwielda minn Alla. Hija l-Kelma eterna ta’ Alla, li tgħaqqad flimkien l-umanità u d-divinità. Għal din it-tarbija jgħoddu t-titli ta’ dinjità li l-kantiku tal-inkurunazzjoni ta’ Iżaija jagħtiha: Kunsillier tal-għaġeb – Alla setgħan – Missier għal dejjem – Prinċep tas-sliem (9:5). Iva, dan is-sultan ma għandux bżonn ta’ kunsilliera minn fost l-għorrief tad-dinja. Fih stess huwa jġorr l-għerf u l-kunsill ta’ Alla. Proprju fid-dgħufija ta’ tarbija huwa Alla b’saħħtu u hekk jurina, quddiem il-poteri kburija tad-dinja, il-qawwa li hi ta’ Alla.

 

Il-kelmiet tar-ritwal tal-inkurunazzjoni f’Iżrael, fil-verità, kienu dejjem biss ritwali ta’ tama, li kienu jipprevedu mill-bogħod futur li kellu jingħata minn Alla. Ħadd mis-slaten li ġew imsellma b’dan il-mod ma kien jikkorrispondi mal-kobor ta’ dawn il-kelmiet. Fihom, il-kelmiet kollha fuq il-filjolanza ta’ Alla, fuq l-insedjament fil-wirt tal-ġnus, fuq il-ħakma tal-artijiet imbiegħda (Salm 2:8) kienu jibqgħu biss riferiment għal ġejjieni – kważi sinjali ta’ tama, indikazzjonijiet li juru futur li f’dak il-mument kien għadu inkonċepibbli. Hekk it-twettiq tal-kelma li tibda fil-lejl ta’ Betlehem hu fl-istess waqt ħafna ikbar u – mill-perspettiva tad-dinja – iżjed umli minn dak li l-kelma tal-profeta kienet tħallik taħseb. Huwa ikbar, għax din it-tarbija hi tassew l-Iben ta’ Alla, tassew “Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier”. Id-distanza bla tarf bejn Alla u l-bniedem ġiet megħluba. Alla mhux biss mejjel widintu lejna, kif jgħidu s-Salmi; hu tassew “niżel”, daħal fid-dinja, sar wieħed minna biex jiġbidna lkoll lejh. Din it-tarbija hi tassew l-Għimmanu-El – Alla magħna. Is-saltna tiegħu tinfirex tassew sat-trufijiet tal-art. Fil-firxa universali tal-Ewkaristija mqaddsa, hu tabilħaqq bena gżejjer tas-sliem. Kull fejn din tiġi ċċelebrata hemm gżira tas-sliem, ta’ dak is-sliem li hu ta’ Alla. Din it-tarbija kebbset fil-bnedmin id-dawl tat-tjieba u tathom il-qawwa li jieqfu konta t-tirannija tal-poter. F’kull nisel hu jibni s-saltna tiegħu minn ġewwa, ibda mill-qalb. Imma huwa minnu wkoll li “l-bastun tal-argużin” ma ġiex imkisser. Illum ukoll jimmarċjaw bl-istorbju tagħhom il-qrieq tas-suldati u dejjem u mill-ġdid hemm il-“mantell mgħargħar fid-demm” (Iż 9:3s). Hekk jagħmel parti minn dan il-lejl il-ferħ għall-qrubija ta’ Alla. Irroddu ħajr għaliex, bħal tarbija, jingħata f’idejna, jittallab, biex ngħidu hekk, l-imħabba tagħna, isawwab il-paċi tiegħu fuq il-qalb tagħna. Madankollu, dan il-ferħ hu wkoll talba: Mulej, wettaq għalkollox il-wegħda tiegħek. Kisser il-bsaten tal-argużini. Aħraq il-qrieq li jagħmlu l-istorbju tal-gwerra. Agħmel li jintemm iż-żmien tal-mantelli mgħarrgħa fid-demm. Wettaq il-wegħda ta’ “sliem bla qies” (Iż 9:6). Niringrazzjawk għat-tjieba tiegħek, imma nitolbuk ukoll: uri l-qawwa tiegħek. Waqqaf fid-dinja l-ħakma tal-verità tiegħek, tal-imħabba tiegħek – is-“saltna tal-ġustizzja, tal-imħabba u tas-sliem”.

 

“Marija wildet l-ewwel iben tagħha” (Lq 2:7). B’din il-frażi, San Luqa jirrakkonta, b’mod assolutament nieqes mill-pathos, il-ġrajja kbira li l-kliem profetiku fl-istorja ta’ Iżrael kien bassar minn qabbel. Luqa jikkwalifika lit-tarbija bħala “l-ewwel iben”. Fil-lingwaġġ li ssawwar fl-Iskrittura Mqaddsa tal-Patt il-Qadim, “l-ewwel iben” ma jfissirx l-ewwel minn serje ta’ wlied oħra. Il-kelma “l-ewwel iben” hija titlu ta’ ġieħ, indipendentement mill-kwistjoni jekk imbagħad ġewx aħwa oħra jew le. Hekk, fil-Ktieb tal-Eżodu (4:22), Iżrael jiġi msejjaħ minn Alla “ibni l-kbir”, u b’dan qed jesprimi l-għażla tiegħu, id-dinjità unika tiegħu, l-imħabba partikulari ta’ Alla l-Missier. Il-Knisja li kienet għadha titwieled kienet taf li f’Ġesù din il-kelma kienet irċiviet profondità ġdida; li fih huma miġbura l-wegħdiet magħmula lil Iżrael. Hekk l-Ittra lil-Lhud issejjaħ lil Ġesù “l-Iben il-Kbir” sempliċiment biex tikkwalifikah, wara l-preparazzjonijiet tat-Testment il-Qadim, bħala l-Iben li Alla jibgħat fid-dinja (ara Lhud 1:5-7). L-ewwel iben jappartieni b’mod partikulari għal Alla, u għalhekk hu – bħal f’ħafna reliġjonijiet – kellu jingħata b’mod partikulari lil Alla biex ikun mifdi permezz ta’ sagrifiċċju li jeħodlu postu, kif San Luqa jirrakkonta fl-episodju tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju. L-ewwel iben hu ta’ Alla b’mod partikulari, hu, biex ngħidu hekk, iddestinat għas-sagrifiċċju. Fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib, id-destinazzjoni tal-iben il-kbir isseħħ b’mod uniku. Fih innifsu, hu joffri l-umanità lil Alla u jgħaqqad il-bniedem u lil Alla b’mod tali li Alla jsir kollox f’kulħadd. San Pawl, fl-Ittri lill-Kolossin u lill-Efesin, wessa’ u niżel iktar fil-fond ta’ din l-idea ta’ Ġesù bħala l-iben il-kbir: Ġesù, jgħidulna dawn l-Ittra, huwa l-kbir fost il-ħlejjaq kollha – il-veru arċitip tal-bniedem li fuqu Alla sawwar il-bniedem ħlejqa tiegħu. Il-bniedem jista’ jkun xbieha ta’ Alla, għax Ġesù hu Alla u Bniedem, ix-xbieha vera ta’ Alla u tal-bniedem. Huwa l-kbir li qam mill-imwiet, jgħidulna wkoll dawn l-Ittri. Fil-Qawmien, hu ġarraf il-ħajt tal-mewt għalina lkoll. Fetaħ għall-bniedem id-dimensjoni tal-ħajja ta’ dejjem fil-komunjoni ma’ Alla. Fl-aħħar nett, naqraw: hu l-ewwel wieħed fost ħafna aħwa. Iva, issa hu wkoll l-ewwel minn serje ta’ aħwa, l-ewwel wieħed, jiġifieri, li jniedi għalina l-komunjoni ma’ Alla. Hu joħloq il-fraternità vera – mhux il-fraternità, sfigurata mid-dnub, ta’ Kajjin u Abel, ta’ Romolu u Remu, imma l-fraternità ġdida li fiha aħna l-istess familja ta’ Alla. Din il-familja ġdida ta’ Alla tibda fil-mument li fih Marija tfisqi lill-“ewwel iben” tagħha fil-faxex u tmiddu fil-maxtura. Nitolbuh: Mulej Ġesù, int li ridt titwieled bħala l-ewwel wieħed fost ħafna aħwa, agħtina l-vera fraternità. Għinna biex insiru nixbhuk. Għinna biex nagħrfu fl-ieħor li għandu bżonn tiegħi, f’dawk li jbatu jew li huma abbandunati, fil-bnedmin kollha, il-wiċċ tiegħek, u biex ngħixu flimkien miegħek bħala aħwa biex insiru familja, il-familja tiegħek.

 

Fl-aħħar il-Vanġelu tal-Milied jirrakkontalna li għadd kbir ta’ anġli mill-eżerċtu tas-sema faħħru lil Alla u qalu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin, li huwa jħobb” (Lq 2:14). Il-Knisja, fil-Glorja, kabbret dan it-tifħir, li l-anġli intonaw quddiem il-ġrajja tal-Lejl Qaddis, u għamlet minnu innu ta’ ferħ fuq il-glorja ta’ Alla. “Irroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek”. Irroddulek ħajr għall-ġmiel, għall-kobor, għat-tjieba tiegħek, li f’dan il-lejl qed jidhru quddiemna. Id-dehra tal-ġmiel, tas-sabiħ, thennina mingħajr ma hemm bżonn nistaqsu dwar is-siwi tiegħu. Il-glorja ta’ Alla, li minnha ġej kull ġmiel, timliena bl-istagħġib u bil-ferħ. Min jilmaħ lil Alla jħoss il-ferħ, u f’dan il-lejl aħna naraw xi ħaġa mid-dawl tiegħu. Imma dwar il-bnedmin ukoll jitkellem il-messaġġ tal-anġli fil-Lejl Qaddis: “Sliem fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb”. It-traduzzjoni Latina ta’ din il-kelma, li nużaw fil-liturġija u li tmur lura għal Ġirolmu, iddoqq differenti: “Sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. L-espressjoni “il-bnedmin ta’ rieda tajba” proprju fl-aħħar għexieren ta’ snin daħlet b’mod partikulari fil-vokabularju tal-Knisja. Imma liema traduzzjoni hi tajba? Irridu naqraw iż-żewġ testi flimkien; hekk biss nifhmu l-kelma tal-anġli kif suppost. Tkun żbaljata interpretazzjoni li tagħraf biss il-ħidma esklussiva ta’ Alla, bħallikieku hu ma sejjaħx lill-bniedem għal tweġiba ħielsa ta’ mħabba. Imma tkun żbaljata wkoll interpretazzjoni moralizzanti, li skontha l-bniedem bir-rieda tajba tiegħu jista’, biex ngħidu hekk, jifdi lilu nnifsu. Iż-żewġ affarijiet imorru flimkien: grazzja u libertà; l-imħabba ta’ Alla, li tiġi qabilna u li mingħajrha ma nistgħux inħobbuh, u t-tweġiba tagħna, li hu jistenna u li lilha, fit-twelid ta’ Ibnu, saħansitra jitlobna. In-nisġa ta’ grazzja u libertà, in-nisġa ta’ sejħa u tweġiba ma nistgħux naqsmuha f’partijiet separati minn xulxin. It-tnejn huma minsuġa bejniethom b’mod sħiħ. Hekk din il-kelma hi fl-istess waqt wegħda u sejħa. Alla ġie qabilna bid-don ta’ Ibnu. Dejjem mill-ġdid Alla jimxi qabilna b’mod li ma nistennewhx. Ma jehdiex ifittixna, jerfagħna kull darba li niġu bżonn. Ma jitlaqx in-nagħġa l-mitlufa fid-deżert li fih intilfet. Alla ma jħallix id-dnub tagħna jifxlu. Hu kull darba jerġa’ jibda mill-ġdid magħna. Madankollu jistenna li aħna nħobbu flimkien miegħu. Hu jħobbna biex nistgħu nsiru persuni li jħobbu flimkien miegħu u hekk jista’ jkun hawn il-paċi fuq l-art.

 

Luqa ma qalx li l-anġli kantaw. Hu jikteb b’mod l-aktar sobrju: il-qtajja’ tas-sema faħħru lil Alla u qalu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet…” (Lq 2:13s). Imma minn dejjem il-bnedmin kienu jafu li kliem l-anġli hu differenti minn dak tal-bnedmin; li proprju f’dan il-lejl tal-aħbar it-tajba dan kien għana li fih il-glorja sublimi ta’ Alla iddiet. Hekk dan l-għana tal-anġli sa mill-bidu nftiehem bħala mużika ġejja minn Alla, anzi, bħala stedina biex ningħaqdu fil-kant, fil-ferħ tal-qalb għax aħna maħbubin minn Alla. Cantare amantis est, jgħid Santu Wistin: il-kant hu ħaġa ta’ min iħobb. Hekk, matul is-sekli, il-kant tal-anġli sar dejjem mill-ġdid kant ta’ mħabba u ta’ ferħ, kant ta’ dawk li jħobbu. F’din is-siegħa aħna nixxierku mimlija gratitudni ma’ dak il-kant taż-żminijiet kollha, li jgħaqqad flimkien sema u art, anġli u bnedmin. Iva, irroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek. Nirringrazzjawk ta’ mħabbtek. Agħmel li nsiru dejjem iżjed persuni li jħobbu flimkien miegħek u allura persuni ta’ paċi. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard