Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 25 ta’ Diċembru 2008

 

Għeżież ħuti!

 

“Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli? Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art”. Hekk jgħanni Iżrael f’wieħed mis-Salmi tiegħu (113:5s), fejn jgħollu flimkien il-kobor ta’ Alla u t-tjieba tiegħu hekk qrib tal-bnedmin. Alla jgħammar fil-għoli, imma jitbaxxa… Alla hu immensament kbir u bil-wisq ogħla minna. Din hi l-ewwel esperjenza tal-bniedem. Id-distanza tidher bla tarf. Il-Ħallieq tal-univers, Dak li jmexxi kollox, hu ħafna mbiegħed minna: hekk jidher għall-bidu. Imma mbagħad tiġi l-esperjenza sorprendenti: Dak li ħadd mhu daqsu, li “qiegħed fil-għoli”, dan iħares lejn il-baxx. Jitbaxxa. Hu jara lilna u jara lili. Din il-ħarsa ta’ Alla ’l isfel hi iżjed minn sempliċi ħarsa minn fuq. Meta Alla jħares, hu qed jaġixxi. Il-fatt li hu qed jarani, iħares lejja, jibdel lili u lid-dinja madwari. Hekk dritt jissokta s-Salm: “Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken…”. Bil-ħarsa tiegħu ’l isfel hu jerfagħni, bit-tjieba tiegħu jaqbadli idi u jgħinni nitla’, proprju lili, mill-baxx lejn l-għoli. “Alla jitbaxxa”. Din il-kelma hi kelma profetika. Fil-lejl ta’ Betlehem, hi kisbet tifsira kompletament ġdida. Il-fatt li Alla jitbaxxa kiseb realiżmu li qatt ma kien instema’ bħalu jew ġie mistħajjel qabel. Hu jitbaxxa – jiġi, proprju hu, bħala tarbija hawn isfel sal-miżerja tal-istalla, simbolu ta’ kull bżonn u stat ta’ abbandun tal-bnedmin. Alla jinżel tassew. Isir tarbija u joqgħod fil-kundizzjoni ta’ dipendenza totali li hi proprja ta’ essri uman li għadu kemm twieled. Il-Ħallieq li kollox iżomm f’idejh, li minnu aħna lkoll niddependu, jiċċekken u jsir fil-bżonn tal-imħabba umana. Alla jinsab fl-istalla. Fit-Testment il-Qadim it-Tempju kien meqjus kważi l-banketta li fuqha jserraħ riġlejh Alla; u l-arka mqaddsa bħala l-post li fih hu, b’mod misterjuż, kien preżenti qalb il-bnedmin. Hekk kienu jemmnu li fuq it-Tempju, b’mod mistur, kien hemm tittajjar is-sħaba tal-glorja ta’ Alla. Issa din tinsab fuq l-istalla. Alla hu fis-sħaba tal-miżerja ta’ tarbija bla lukanda: xi sħaba misterjuża u madankollu – sħaba tal-glorja! Fil-fatt, b’liema mod il-preferenza tiegħu għall-bniedem, il-preokupazzjoni tiegħu għalih setgħet tidher ikbar u iżjed safja minn hekk? Is-sħaba tas-satra, tal-faqar tat-tarbija għalkollox fil-bżonn tal-imħabba, hija fl-istess waqt is-sħaba tal-glorja. Għax xejn ma jista’ jkun iżjed sublimi, iżjed kbir mill-imħabba li b’dan il-mod titbaxxa, tinżel, issir dipendenti. Il-glorja tal-veru Alla ssir viżibbli meta jinfetħulna l-għajnejn ta’ qalbna quddiem l-istalla ta’ Betlehem.

 

Ir-rakkont tal-Milied skont San Luqa, li għadna kemm smajna fis-silta tal-Vanġelu, jirrakkontalna li Alla l-ewwel li refa’ xi ftit il-velu tas-satra tiegħu kien quddiem persuni ta’ kundizzjoni baxxa ħafna, quddiem persuni li fis-soċjetà kbira kienu pjuttost mistkerrha: quddiem ir-ragħajja li fir-raba’ tal-qrib f’Betlehem kienu qed jgħassu l-annimali. Luqa jgħidilna li dawn il-persuni kienu “għassa”. Nistgħu hekk inħossuna msejħa għal motiv ċentrali tal-messaġġ ta’ Ġesù, li fiha ripetutement u b’urġenza dejjem tikber sal-Ġnien taż-Żebbuġ tirritorna l-istedina għas-sahra – biex nibqgħu mqajmin ħalli nintebħu bil-miġja tal-Mulej u nkunu mħejjija għaliha. Għalhekk hawn ukoll il-kelma forsi tfisser iktar milli sempliċiment wieħed jibqa’ mqajjem fis-sigħat tal-lejl. Kienu persuni li tassew jishru, li fihom is-sens ta’ Alla u tal-qrubija tiegħu kien ħaj. Persuni li kienu jistennew lil Alla u ma kinux jirrassenjaw ruħhom li minn barra kienu jidhru mbiegħda minnu fil-ħajja ta’ kuljum. Lil qalb li tishar jista’ jaslilha l-messaġġ ta’ ferħ kbir: f’dan il-lejl twieled għalikom is-Salvatur. Il-qalb li tishar biss hi kapaċi temmen fil-messaġġ. Il-qalb li tishar biss tista’ xxerred il-kuraġġ li nimxu biex insibu lil Alla fil-kundizzjonijiet ta’ tarbija fl-istalla. Nitolbu f’din is-siegħa lill-Mulej biex jgħin lilna wkoll insiru persuni li kapaċi nishru.

 

San Luqa jirrakkontalna wkoll li l-istess ragħajja, il-glorja ta’ Alla “iddiet madwarhom”, ġew imdawra bi sħaba ta’ dawl, sabu ruħhom fil-ġmiel qawwi ta’ din il-glorja. Imdawrin minn sħaba qaddisa huma jisimgħu l-kant ta’ tifħir tal-anġli: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”. U min huma dawn il-bnedmin li jogħġbu lilu jekk mhux iċ-ċkejknin, dawk li jishru, dawk li jistennew, jittamaw fit-tjieba ta’ Alla u jfittxuh billi jħarsu lejh ġej mill-bogħod?

 

Fil-Missirijiet tal-Knisja nistgħu nsibu kumment sorprendenti dwar il-kant li bih l-anġli jsellmu lill-Feddej. Sa dak il-ħin – jgħidu l-Padri – l-anġli kienu jafu lil Alla fil-kobor tal-univers, fil-loġika u fil-ġmiel tal-kożmu li ġejjin minnu u jirriflettu lilu. Kienu laqgħu, biex ngħidu hekk, il-kant sieket ta’ tifħir tal-ħolqien u kienu bidluh f’mużika tas-sema. Imma issa seħħet ħaġa ġdida, li saħansitra ħawdithom. Dak li dwaru jitkellem l-univers, Alla li jwieżen u jżomm kollox f’idejh – hu stess kien daħal fl-istorja tal-bnedmin, kien sar wieħed li jaġixxi u jbati fl-istorja. Mis-sens hieni ta’ stagħġib li ġabet din il-ġrajja li huma qatt ma stħajlu f’moħħhom, minn dan it-tieni mod ġdid li bih Alla kien deher – jgħidu l-Padri – twieldet għanja ġdida, li strofa minnha l-Vanġelu tal-Milied żammhielna biex nisimgħuha: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin!”. Nistgħu forsi ngħidu li, skont l-istruttura tal-poeżija Ebrajka, dan il-versett doppju fiż-żewġ partijiet tiegħu fil-verità qed jgħid l-istess ħaġa, imma minn perspettiva differenti. Il-glorja ta’ Alla hi fl-ogħla tas-smewwiet, imma dan l-għoli ta’ Alla issa jinsab fi stalla, dak li kien baxx sar sublimi. Il-glorja tiegħu tinsab fuq l-art, hija l-glorja tal-umiltà u tal-imħabba. U mill-ġdid: il-glorja ta’ Alla hija l-paċi. Fejn hemm hu, hemmhekk hemm il-paċi. Hu jinsab hemm fejn il-bnedmin ma jridux b’mod awtonomu jagħmlu ġenna mill-art, u għal dan jinqdew bil-vjolenza. Hu jinsab mal-persuni li għandhom qalbhom tishar; maċ-ċkejknin u ma’ dawk li jikkorrispondu għall-azzjoni tiegħu li fiha jrid jgħollina, jgħolli lil min hu umli u jħobb. Lil dawn hu jagħtihom il-paċi tiegħu, biex permezz tagħhom il-paċi tidħol f’din id-dinja.

 

It-teologu Medjevali Guliermu ta’ S. Thierry darba qal: Alla ra li l-kobor tiegħu – ibda minn Adam – kien qed jipprovoka reżistenza fil-bniedem; li l-bniedem iħossu limitat f’dak li hu u mhedded fil-libertà tiegħu. Għalhekk Alla għażel triq ġdida. Sar Tarbija. Għamel lilu nnifsu dipendenti u dgħajjef, fil-ħtieġa tal-imħabba tagħna. Issa – jgħidilna dak Alla li sar Tarbija – ma tistgħux tibżgħu iżjed minni, issa tistgħu biss tħobbuni.

 

Bi ħsibijiet bħal dawn nersqu f’dan il-lejl lejn it-Tarbija ta’ Betlehem – lejn dak Alla li għalina ried isir tarbija. Fuq kull tarbija hemm l-eku tat-tarbija ta’ Betlehem. Kull tarbija titlob l-imħabba tagħna. Ejjew mela f’dan il-lejl naħsbu b’mod partikulari anki f’dawk it-trabi li huma mċaħħda mill-imħabba tal-ġenituri. Fit-tfal tat-triq li m’għandhomx id-don tas-sħana tad-dar. Fit-tfal li jiġu brutalment użati bħala suldati u jsiru strumenti tal-vjolenza, flok ma jistgħu jwasslu r-rikonċiljazzjoni u l-paċi. Fit-tfal li permezz tal-industrija tal-pornografija u tax-xejriet l-oħra kollha moqżieża ta’ abbuż jiġu midruba fil-fond nett ta’ ruħhom. It-Tarbija ta’ Betlehem hija sejħa ġdida lilna, biex nagħmlu kulma nistgħu biex jintemm it-tiġrib ta’ dawn it-tfal; biex nagħmlu kulma nistgħu biex id-dawl ta’ Betlehem imiss il-qlub tal-bnedmin. Bil-konverżjoni tal-qlub biss, b’bidla fil-ġewwieni tal-bniedem biss tista’ tiġi megħluba l-kawża ta’ dak il-ħażen kollu, jista’ jintrebaħ il-poter tal-ħażin. Id-dinja tinbidel biss jekk jinbidlu l-bnedmin, u biex jinbidlu, il-bnedmin għandhom bżonn tad-dawl li jiġi mingħand Alla, ta’ dak id-dawl li b’mod hekk mhux mistenni daħal fil-lejl tagħna.

 

U la qed nitkellmu fuq it-Tarbija ta’ Betlehem, ejjew naħsbu wkoll fil-post li jwieġeb għall-isem ta’ Betlehem; naħsbu f’dak il-pajjiż li fih Ġesù għex u li hu tant ħabb. U nitolbu biex hemm tinħoloq il-paċi. Ħa jieqfu l-mibegħda u l-vjolenza. Ħa titqanqal il-fehma reċiproka, jinfetħu l-qlub u hekk jinfetħu l-fruntieri. Ħa tinżel il-paċi li għannew l-anġli f’dak il-lejl.

 

Fis-Salm 96 Iżrael, u miegħu l-Knisja, ifaħħru l-kobor ta’ Alla li jidher fil-ħolqien. Il-ħlejjaq kollha jiġu msejħa biex ikantaw din l-għanja ta’ tifħir, u allura hemm insibu wkoll l-istedina: “Jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk, quddiem il-Mulej, għax ġej” (12s). Il-Knisja dan is-Salm taqrah ukoll bħala profezija u, fl-istess ħin, missjoni. Il-miġja ta’ Alla f’Betlehem kienet fil-ħemda. Ir-ragħajja biss, li kienu qed jgħassu, ġew għal mument maħtufa mill-ġmiel kollu dawl tal-wasla tiegħu u setgħu jisimgħu parti minn dik l-għanja ġdida li kienet twieldet mill-istagħġib u mill-ferħ tal-anġli għall-miġja ta’ Alla. Din il-miġja siekta tal-glorja ta’ Alla tkompli matul iż-żminijiet. Hemm fejn hemm il-fidi, fejn il-kelma tiegħu hi mlissna u mismugħa, Alla jiġbor il-bnedmin flimkien u jingħata għalihom fil-Ġisem tiegħu, jibdilhom f’Ġismu. Hu “jiġi”. U hekk tistenbaħ il-qalb tal-bnedmin. Il-kant ġdid tal-anġli jsir kant tal-bnedmin li, fiż-żminijiet kollha b’mod dejjem ġdid, ikantaw il-miġja ta’ Alla bħala tarbija u jithennew mill-ġewwieni tagħhom. U s-siġar tal-bosk jiġu quddiem il-Mulej u jithennew. Is-siġra fi Pjazza San Pietru titkellem dwaru, trid twassal il-ġmiel tiegħu u tgħid: Iva, hu ġie u s-siġar kollha tal-bosk jgħannulu. Is-siġar fil-bliet u fid-djar għandhom ikunu iżjed minn sempliċi drawwa ta’ din il-festa: huma juruna lil Dak li hu r-raġuni tal-ferħ tagħna – Alla li ġej, Alla li għalina sar tarbija. Il-kant ta’ tifħir, fil-fond nett tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar jitkellem dwaru li hu l-istess siġra tal-ħajja li ksibna mill-ġdid. Bil-fidi fih nirċievu l-ħajja. Fis-Sagrament tal-Ewkaristija hu jingħata għalina – jagħtina ħajja li twassal sal-eternità. F’din is-siegħa aħna nkantaw ukoll l-għana ta’ tifħir mal-ħolqien u l-ġieħ tagħna fl-istess waqt isir talba: Iva, Mulej, urina ftit mill-ġmiel kbir tal-glorja tiegħek. U agħtina l-paċi fuq l-art. Agħmilna bnedmin tal-paċi tiegħek. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard