Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 25 ta’ Diċembru 2007

 

Għeżież ħuti!

 

“Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (ara Lq 2:6s). Dawn il-frażijiet dejjem imissulna qalbna mill-ġdid. Wasal il-mument li l-Anġlu kien ħabbar sa minn qabel f’Nazaret: “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli” (ara Lq 1:31). Wasal il-mument li Iżrael kien stenna sa minn tant sekli, f’tant sigħat mudlama – il-mument b’xi mod mistenni mill-umanità kollha, imqar jekk mhux ċar kif: li Alla se jieħu ħsieb tagħna, li se joħroġ mill-moħba tiegħu, li d-dinja se tikseb lura saħħitha u li hu se jġedded kollox. Nistgħu nimmaġinaw b’kemm preparazzjoni interjuri, b’kemm imħabba Marija marret tiltaqa’ ma’ dik is-siegħa. L-aċċenn qasir “fisqietu u medditu” jħallina nilmħu xi ħaġa mill-ferħ qaddis u mill-ħeġġa siekta ta’ dik il-preparazzjoni. Il-faxex kienu lesti, biex it-tarbija setgħet tiġi milqugħa kif imiss. Imma fil-lukanda ma kienx hemm post. B’xi mod l-umanità qed tistenna lil Alla, li hu joqrob lejha. Imma meta jasal il-mument, ma għandhiex post għalih. Hi wisq imħabbta biha nfisha, għandha bżonn b’mod hekk esiġenti tal-ispazju kollu u taż-żmien kollu għall-ħwejjeġ tagħha, li ma jibqa’ xejn għall-ieħor – għall-proxxmu, għall-fqir, għal Alla. U aktar ma l-bnedmin jistagħnew, aktar jimlew kollox bihom infushom. Wisq inqas jista’ jidħol l-ieħor.

 

Ġwanni, fil-Vanġelu tiegħu, ifittex l-essenzjal u jinżel fil-fond tal-aħbar qasira ta’ San Luqa dwar is-sitwazzjoni f’Betlehem: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (1:11). Dan qed jirreferi qabelxejn għal Betlehem: Bin David ġie fil-belt tiegħu, imma jkollu jitwieled fi stalla, għax fil-lukanda ma hemmx post għalih. Jirriferi mbagħad għal Iżrael: il-mibgħut jiġi għand niesu, imma dawn ma jriduhx. Fir-realtà qed jirriferi għall-umanità kollha: Dak li bih saret id-dinja, il-Verb ħallieq li kien sa mill-bidu, jidħol fid-dinja, imma ma jiġix mismugħ, ma jiġix milqugħ.

 

Dawn il-kelmiet jirriferu żgur għalina, kull wieħed u waħda minna u s-soċjetà flimkien. Għandna ħin għall-proxxmu li għandu bżonn tal-kelma tagħna, tiegħi, tal-imħabba tiegħi? Għal min qed ibati u għandu bżonn l-għajnuna? Għall-migrant jew ir-rifuġjat li qed ifittex kenn? Għandna ħin u wisa’ għal Alla? Jista’ hu jidħol fil-ħajja tagħna? Isib spazju fina, jew okkupajna għalina nfusna l-ispazji kollha tal-ħsieb tagħna, tal-aġir tagħna, tal-ħajja tagħna?

 

Għall-grazzja ta’ Alla, l-aħbar negattiva mhix l-unika waħda, lanqas l-aħħar waħda li nsibu fil-Vanġelu. Bħalma f’Luqa niltaqgħu mal-imħabba tal-omm Marija u l-fedeltà ta’ San Ġużepp, is-sahra tar-ragħajja u l-ferħ kbir tagħhom, bħalma f’Mattew niltaqgħu maż-żjara tal-Maġi għorrief, li ġew mill-bogħod, hekk ukoll fi Ġwanni jingħad: “Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12). Jeżistu dawk li jilqgħuh u hekk, ibda mill-istalla, mill-estern, tikber fis-skiet id-dar ġdida, il-belt ġdida, id-dinja ġdida. Il-messaġġ tal-Milied jgħinna nintebħu bid-dalma ta’ dinja magħluqa, u b’dan jurina bla dubju ta’ xejn realtà li naraw ta’ kuljum. Imma jgħidilna wkoll li Alla ma jħallix lil min jaqflu barra. Hu jsib spazju, forsi jidħol mill-istalla; jeżistu bnedmin li jaraw id-dawl tiegħu u jgħadduh lill-oħrajn. Permezz tad-dawl tal-Vanġelu, l-Anġlu jkellem lilna wkoll, u fil-liturġija mqaddsa d-dawl tal-Feddej jidħol fil-ħajja tagħna. Sew jekk aħna ragħajja jew għorrief – id-dawl u l-messaġġ tiegħu jsejħulna biex nibdew mexjin, biex noħorġu mill-għeluq tax-xewqat u l-interessi tagħna ħa mmorru niltaqgħu mal-Mulej u nadurawh. Nadurawh billi niftħu d-dinja għall-verità, għat-tajjeb, għal Kristu, għas-servizz ta’ dawk li huma emarġinati u li fihom hu qed jistenniena.

 

F’xi rappreżentazzjonijiet tal-Milied tal-Medjuevu tardiv u tal-bidu taż-żmien modern l-istalla tidher bħala palazz xi ftit imġarraf. Għadek tista’ tara l-kobor ta’ darba, imma issa dan spiċċa fir-rovina, il-ħitan tfarrku – sar, appuntu, stalla. Imqar jekk ma għandha ebda bażi storika, din l-interpretazzjoni, bil-mod metaforiku tagħha, tesprimi xorta waħda xi ħaġa mill-verità li hemm moħbija fil-misteru tal-Milied. It-tron ta’ David, li lilu kien imwiegħed li jibqa’ għal dejjem, hu battal. Hemm oħrajn jaħkmu fuq l-Art Imqaddsa. Ġużeppi, id-dixxendent ta’ David, hu sempliċi ħaddiem tal-id; il-palazz, fil-fatt, sar daqsxejn ta’ għarix. David innifsu kien beda bħala ragħaj. Meta Samwel fittxu biex jidilku, dehret ħaġa impossibbli u kontradittorja li ragħaj-tfajjel bħal dan seta’ jsir dak li jġorr il-wegħda ta’ Iżrael. Fl-istalla ta’ Betlehem, proprju hemm fejn kien il-punt tat-tluq, terġa’ tibda r-regalità Davidika b’mod ġdid – f’dik it-tarbija mgeżwra fil-faxex u mqiegħda f’maxtura. It-tron il-ġdid li minnu dan David se jiġbed id-dinja lejh hu s-Salib. It-tron il-ġdid – is-Salib – jikkorrispondi mal-bidu ġdid fl-istalla. Imma proprju hekk jinbena l-veru palazz Davidiku, ir-regalità vera. Hekk dan il-palazz ġdid hu tant differenti minn kif il-bnedmin jistħajlu palazz u s-setgħa ta’ sultan. Huwa l-komunità ta’ dawk li jħallu tiġbidhom l-imħabba ta’ Kristu u miegħu jsiru ġisem wieħed, umanità ġdida. Is-setgħa li ġejja mis-Salib, is-setgħa tat-tjieba li tingħata – din hi l-vera regalità. L-istalla ssir palazz – proprju minn dan il-bidu, Ġesù jibni l-komunità ġdida u kbira tiegħu, li l-kelma-muftieħ għaliha jkantawha l-Anġli fis-siegħa ta’ twelidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” – bnedmin li jqiegħdu r-rieda tagħhom f’tiegħu, u hekk isiru bnedmin ta’ Alla, bnedmin ġodda, dinja ġdida.

 

Girgor ta’ Nissa, fl-omeliji tiegħu tal-Milied, żviluppa l-istess viżjoni billi telaq mill-messaġġ tal-Milied fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Għammar fostna” (Ġw 1:14). Girgor japplika din il-kelma tal-għamara għall-għamara ta’ ġisimna, li sar għajjien u dgħajjef; espost kullimkien għall-uġigħ u għat-tbatija. U japplikaha għall-kożmu kollu, mifni u sfigurat mid-dnub. X’kien jgħid li kellu jara l-kundizzjonijiet li fihom tinsab din l-art illum minħabba l-abbuż tal-enerġiji u l-isfruttament egoistiku tagħhom mingħajr ħadd ma jagħti kas? Anselmu ta’ Canterbury, b’mod kważi profetiku, darba fisser minn qabel dak li llum aħna qed naraw f’dinja mniġġsa u bil-futur tagħha mhedded: “Kollox kien bħal mejjet, kien tilef id-dinjità tiegħu, magħmul biex jaqdi lil dawk li jweġġħu lil Alla. L-elementi tad-dinja kienu mgħaffġa, kienu tilfu l-ġmiel tagħhom minħabba l-abbuż ta’ dawk li kienu jassruhom għall-idoli tagħhom, li mhux għalihom kienu ġew maħluqa” (PL 158, 955s). Hekk, skont il-viżjoni ta’ Girgor, l-istalla fil-messaġġ tal-Milied tirrappreżenta l-art li mhix ittrattata tajjeb. Kristu ma jerġax jibni palazz kien li kien. Hu ġie biex irodd lill-ħolqien, lill-kożmu l-ġmiel tiegħu u d-dinjità tiegħu: dan hu li jibda fil-Milied u jġagħal lill-Anġli jxandru bil-ferħ. L-art tiġi mġedda proprju għall-fatt li tiġi miftuħa għal Alla, li tikseb mill-ġdid id-dawl veru tiegħu u, fis-sintonija bejn rieda umana u rieda divina, fl-għaqda tal-għoli mal-baxx, tirkupra mill-ġdid il-ġmiel tagħha, id-dinjità tagħha. Hekk il-Milied hu festa tal-ħolqien mibni mill-ġdid. Ibda minn dan il-kuntest il-Padri jinterpretaw l-għana tal-Anġli fil-Lejl qaddis: din hi l-espressjoni tal-ferħ għall-fatt li l-għoli u l-baxx, is-sema u l-art reġgħu sabu ruħhom magħqudin mill-ġdid; li l-bniedem hu mill-ġdid magħqud ma’ Alla. Skont il-Padri, jagħmel parti mill-għana tal-Anġli tal-Milied li issa Anġli u bnedmin jistgħu jgħannu flimkien u b’dan il-mod il-ġmiel tal-kożmu jesprimi ruħu fil-ġmiel tal-għana ta’ tifħir. Il-kant liturġiku – dejjem skont il-Padri – għandu dinjità partikulari għax hu kant flimkien mal-kori tas-Sema. Hu l-laqgħa ma’ Ġesù Kristu li jagħtina li nisimgħu l-kant tal-Anġli, u hekk joħloq il-vera mużika li tiġi fix-xejn meta nitilfu din il-ħila li nkantaw ma’ u nisimgħu ma’.

 

Fl-istalla ta’ Betlehem is-sema u l-art jitbewsu. Is-sema niżel fuq l-art. Għalhekk, minn hemm joħroġ dawl għaż-żminijiet kollha; għalhekk hemmhekk jixgħel il-ferħ; għalhekk hemm jitwieled l-għana. Fl-aħħar tal-meditazzjoni tagħna tal-Milied nixtieq nikkwota kelma mill-isbaħ ta’ Santu Wistin. Meta jinterpreta l-invokazzjoni tat-Talba tal-Mulej: “Missierna li inti fis-smewwiet”, hu jistaqsi: dawn x’inhuma – is-smewwiet? U fejn huma s-smewwiet? U t-tweġiba li ssegwi hi sorprendenti: “…li inti fis-smewwiet – jiġifieri jfisser: fil-qaddisin u fil-ġusti. Is-smewwiet huma, iva, l-ogħla korpi tal-univers, imma madankollu korpi, li ma jistgħux jeżistu jekk mhux f’post. Jekk, imma, nemmnu li l-post ta’ Alla hu fis-smewwiet bħal fl-aktar partijiet għoljin tad-dinja, allura l-għasafar kienu jkunu iktar xortihom tajba minna, għax jgħixu iżjed qrib ta’ Alla. Imma m’hemmx miktub: ‘Il-Mulej hu qrib ta’ dawk li jgħixu fuq l-għoljiet jew fuq il-muntanji’, imma: ‘Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma’ (Salm 34:19), espressjoni li tirriferi għall-umiltà. Bħalma l-midneb jiġi msejjaħ ‘art’, hekk bil-maqlub il-ġust jista’ jissejjaħ ‘sema’” (Serm. in monte II 5, 17). Is-smewwiet mhumiex xi ħaġa tal-ġeografija tal-ispazju, imma tal-ġeografija tal-qalb. U l-qalb ta’ Alla, fil-Lejl qaddis, tbaxxiet sa fi stalla: l-umiltà ta’ Alla huma s-Smewwiet. U jekk infittxu din l-umiltà, allura mmissu s-Smewwiet. Allura ssir ġdida l-art ukoll. Bl-umiltà tar-ragħajja ejjew nimxu, f’dan il-Lejl qaddis, lejn it-Tarbija fl-istalla! Immissu l-umiltà ta’ Alla, il-qalb ta’ Alla! Hekk il-ferħ tiegħu jmiss lilna u jdawwal iktar lid-dinja. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard