Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru 2006

 

Għeżież ħuti!

 

Għadna kemm smajna fil-Vanġelu l-kelma li l-Anġli, fil-Lejl qaddis, qalu lir-ragħajja u li issa l-Knisja tħabbar b’leħen għoli lilna: “Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:11s). Xejn ta’ barra minn hawn, xejn straordinarju, xejn tal-istagħġib ma jiġi mogħti bħala sinjal lir-ragħajja. Kulma se jaraw hi tarbija mfisqija fil-faxex li, bħat-trabi kollha, għandha bżonn lil ommha tieħu ħsiebha; tarbija li twieldet fi stalla u allura qiegħda mimduda mhux f’benniena, imma f’maxtura. Is-sinjal ta’ Alla hu t-tarbija fil-ħtieġa ta’ għajnuna u fil-faqar tagħha. Bil-qalb tagħhom biss ir-ragħajja jistgħu jaraw li f’din it-tarbija seħħet il-wegħda tal-Profeta Iżaija, li smajna fl-Ewwel Qari: “Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh” (Iż 9:5). Lanqas lilna ma ngħatalna xi sinjal differenti. L-anġlu ta’ Alla, permezz tal-messaġġ tal-Vanġelu, jistieden lilna wkoll nimxu bil-qalb tagħna biex naraw it-tarbija mimduda fil-maxtura.

 

Is-sinjal ta’ Alla hu s-sempliċità. Is-sinjal ta’ Alla hi t-tarbija. Is-sinjal ta’ Alla hu li hu jsir ċkejken għalina. Dan hu l-mod tiegħu ta’ kif isaltan. Hu ma jiġix bis-setgħa u l-grandjożitajiet li jidhru minn barra. Hu jiġi bħala tarbija – bla saħħa u fil-bżonn tal-għajnuna. Ma jridx jgħaffiġna taħtu bil-qawwa. Hu jneħħilna l-biża’ mill-kobor tiegħu. Hu jitlobna mħabbitna: għalhekk hu jsir tarbija. Xejn iżjed ma jrid minna jekk mhux imħabbitna, li permezz tagħha nitgħallmu minnufih kif nidħlu fis-sentimenti tiegħu, fil-ħsieb tiegħu u fir-rieda tiegħu – nitgħallmu ngħixu miegħu u nipprattikaw miegħu anki l-umiltà taċ-ċaħda li tagħmel parti mill-essenza tal-imħabba. Alla ċċekken biex aħna nistgħu nifhmuh, nilqgħuh, inħobbuh. Il-Missirijiet tal-Knisja, fit-traduzzjoni Griega tagħhom tat-Testment il-Qadim, sabu kelma tal-Profeta Iżaija li anki Pawlu jikkwota biex juri kif it-toroq ġodda ta’ Alla kienu ġa mħabbra fit-Testment il-Qadim. Hemm naqraw: “Alla qassar il-Kelma tiegħu” (Iż 10:23; Rum 9:28). Il-Padri din interpretawha f’sens doppju. L-Iben innifsu huwa l-Kelma, il-Logos; il-Kelma eterna ċċekknet – hekk ċkejkna li tidħol f’maxtura. Sar tarbija, biex il-Kelma ssir għalina xi ħaġa li nistgħu naqbduha f’idejna. Hekk Alla jgħallimna nħobbu liċ-ċkejknin. Hekk jgħallimna nħobbu lid-dgħajfin. Hekk jgħallimna r-rispett quddiem it-trabi. It-tarbija ta’ Betlehem tmexxilna ħarsitna lejn dawk it-tfal kollha li qed ibatu u jiġu abbużati fid-dinja, kemm dawk li twieldu u kemm dawk li għadhom ma twildux. Lejn it-tfal li, bħal suldati, jiġu mixħuta f’dinja ta’ vjolenza; lejn it-tfal li jkollhom jittallbu; lejn it-tfal li jbatu l-miżerja u l-ġuħ; lejn it-tfal li ma jduqu ebda mħabba. F’dawk kollha hemm it-tarbija ta’ Betlehem li ssejħilna biex nagħmlu xi ħaġa; isejħilna naġixxu dak Alla li sar ċkejken. Nitolbu f’dan il-lejl, biex id-dawl qawwi tal-imħabba ta’ Alla jmelles lil dawn it-tfal kollha, u nitolbu lil Alla jgħinna nagħmlu l-parti tagħna biex tiġi rrispettata d-dinjità tat-tfal; biex għal kulħadd ifeġġ id-dawl tal-imħabba, li l-bniedem għandu bżonnu iżjed mill-ħwejjeġ materjali meħtieġa biex jgħix.

 

U b’dan wasalna għat-tieni tifsira li l-Padri sabu fil-frażi: “Alla qassar il-Kelma tiegħu”. Il-Kelma li Alla jlissnilna fil-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa kienet, mal-medda taż-żminijiet, saret twila. Twila u kkumplikata mhux biss għan-nies sempliċi u analfabeti, imma saħansitra iktar u iktar għal dawk li kienu jafu l-Iskrittura Mqaddsa, għall-għorrief li, kjarament, kienu jinqabdu fid-dettalji u fil-problemi rispettivi, u kważi ma jirnexxilhomx iżjed isibu viżjoni flimkien. Ġesù “qassar” il-Kelma – reġa’ tana li naraw is-sempliċità u l-għaqda l-aktar profonda tiegħu. Dak kollu li jgħallmuna l-Liġi u l-profeti hu miġbur – jgħidilna – fil-kelma: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu… Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:37-40). Dan hu kollox – il-fidi kollha tinġabar f’dan l-att waħdieni ta’ mħabba li jħaddan lil Alla u l-bnedmin. Imma minnufih jitfaċċaw xi mistoqsijiet: Kif nistgħu nħobbu lil Alla b’moħħna kollu, jekk ma jirnexxiliniex insibuh bil-ħila mentali tagħna? Kif inħobbuh b’qalbna kollha u b’ruħna kollha, jekk din il-qalb tasal biex tilmħu biss mill-bogħod u tħoss tant ħwejjeġ kontradittorji fid-dinja li jżommu wiċċu mgħotti quddiemna? U hawn jiltaqgħu ż-żewġ modi kif Alla “qassar” il-Kelma tiegħu. Hu m’għadux imbiegħed minna. M’għadniex iżjed ma nafuhx. M’għadux ma jistax jintlaħaq minn qalbna. Sar tarbija għalina u b’dan neħħa kull ambigwità. Sar proxxmu tagħna, u b’dan il-mod reġa’ stabbilixxa x-xbieha tal-bniedem li, spiss, tidher f’għajnejna tant ma fihiex xi tħobb. Alla, għalina, sar don. Ta b’don lilu nnifsu. Ħa l-ħin għalina. Hu, l-Etern li hu ’l fuq miż-żmien, daħal fiż-żmien, refa’ ż-żmien tagħna fl-għoli sa ħdejh. Il-Milied sar il-festa tad-doni biex insiru nixbhu lil Alla li ta lilu nnifsu għalina. Ejjew inħallu l-qalb tagħna, ir-ruħ tagħna u l-moħħ tagħna jintmessu minn dan il-fatt! Fost il-ħafna rigali li nixtru u nirċievu ejjew ma ninsewx il-veru rigal: dak li nagħtu lil xulxin xi ħaġa minna nfusna! Li nagħtu lil xulxin mill-ħin tagħna. Li niftħu ż-żmien tagħna għal Alla. Hekk tiġi fix-xejn l-aġitazzjoni. Hekk jitwieled il-ferħ, hekk tinħoloq il-festa. U fil-festini ta’ dawn il-jiem ejjew niftakru fil-kelma tal-Mulej: “Meta tagħti ikla, tistedinx lil dawk li għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, imma stieden lil dawk li ma jistedinhom ħadd u ma jistgħux jistednuk lura huma” (ara Lq 14:12-14). U dan ifisser, appuntu, ukoll: Meta int għall-Milied tagħti r-rigali, tirregalax xi ħaġa biss lil dawk li huma mbagħad jagħtuk ir-rigali, imma agħti lil dawk li ma jirċievu xejn mingħand ħadd u li ma jistgħu jagħtuk xejn lura. Hekk għamel Alla nnifsu: hu jistedinna għall-ikla tiegħu tat-tieġ fejn ma nistgħu nagħtuh xejn lura, fejn nistgħu biss nirċievu bil-ferħ. Ejjew nixbhuh! Inħobbu lil Alla u, ibda minnu, anki lill-bniedem, biex imbagħad niskopru mill-ġdid, ibda mill-bnedmin, lil Alla b’mod ġdid!

 

Hekk insibu fl-aħħar nett għal darb’oħra t-tielet tifsira tal-istqarrija dwar il-Kelma li saret “qasira” u “ċkejkna”. Lir-ragħajja ntqalilhom li kienu se jsibu tarbija f’maxtura tal-annimali, li kienu dawk li kienu tassew jgħixu fl-istalla. Meta qraw lil Iżaija (1:3), il-Padri kkonkludew li ħdejn il-maxtura ta’ Betlehem kien hemm baqra u ħmar. Fl-istess ħin interpretaw it-test fis-sens li f’dan kien hemm simbolu tal-Lhud u tal-pagani – allura tal-umanità kollha – li għandhom bżonn, kemm dawn u kemm dawk bil-mod tagħhom, ta’ salvatur: ta’ dak Alla li sar tarbija. Il-bniedem, biex jgħix, għandu bżonn tal-ħobż, tal-frott tal-art u tax-xogħol tiegħu. Imma ma jgħixx biss bil-ħobż. Għandu bżonn tan-nutriment għal ruħu: għandu bżonn ta’ sens li jimla l-ħajja tiegħu. Hekk, għall-Padri, il-maxtura tal-annimali saret is-simbolu tal-altar, li fuqu jitqiegħed il-Ħobż li hu Kristu nnifsu: il-veru ikel għall-qlub tagħna. U hawn naraw mill-ġdid għal darb’oħra kif hu ċċekken: fid-dehra umli tal-ostja, ta’ biċċa ħobż, hu jagħtina lilu nnifsu.

 

Dwar dan kollu jitkellem is-sinjal li ngħata lir-ragħajja u li jingħata lilna: it-tarbija li ngħatatilna; it-tarbija li fiha Alla ċċekken għalina. Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li f’dan il-lejl inħarsu lejn il-presepju bis-sempliċità tar-ragħajja biex hekk nilqgħu l-ferħ li bih huma reġgħu lura d-dar (ara Lq 2:20). Nitolbuh jagħtina l-umiltà u l-fidi li bihom San Ġużepp ħares lejn it-tarbija li Marija kienet nisslet mill-Ispirtu s-Santu. Nitolbuh jagħtina li nħarsu lejh b’dik l-imħabba, li biha Marija osservatu. U nitolbu li hekk id-dawl, li r-ragħajja raw, idawwal ukoll lilna u li jitwettaq fid-dinja kollha dak li l-anġli kantaw f’dak il-lejl: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”. Amen!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard