Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2005

 

“Il-Mulej qalli: ‘Ibni int, jien illum nissiltek’” (Salm 2:7). B’dawn il-kelmiet tat-tieni Salm, il-Knisja tiftaħ il-Quddiesa tal-Lejl tal-Milied, li fih niċċelebraw it-twelid tal-Feddej tagħna Ġesù Kristu fl-istalla ta’ Betlehem. Darba, dan is-Salm kien jagħmel parti mir-rit tal-inkurunazzjoni tas-slaten ta’ Ġuda. Il-poplu ta’ Iżrael, minħabba li kien il-poplu l-magħżul, kien iħossu b’mod partikulari bin Alla, addottat minn Alla. Billi s-sultan kien il-personifikazzjoni ta’ dak il-poplu, l-intronizzazzjoni tiegħu kienet tingħax bħala att solenni ta’ adozzjoni min-naħa ta’ Alla, li fiha s-sultan kien jiġi, b’xi mod, involut fil-misteru nnifsu ta’ Alla. Fil-lejl ta’ Betlehem dawn il-kelmiet, li fil-fatt kienu iżjed l-espressjoni ta’ tama milli realtà preżenti, ħadu tifsira ġdida u mhux mistennija. It-Tarbija fil-maxtura hi tassew l-Iben ta’ Alla. Alla ma hux solitudni dejjiema, imma, ċirku ta’ mħabba fejn jingħata u jerġa’ jingħata reċiprokament, għax hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

 

Hemm iżjed minn hekk: f’Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, Alla nnifsu, Alla minn Alla, sar bniedem. Lilu l-Missier jgħidlu: “Inti ibni”. L-illum etern ta’ Alla niżel fl-illum li jgħaddi tad-dinja u kaxkar l-illum tagħna li jgħaddi fl-illum dejjiemi ta’ Alla. Alla hu hekk kbir li jista’ jiċċekken. Alla hu hekk qawwi li jista’ jsir bla saħħa u jiġi jiltaqa’ magħna f’tarbija li ma għandhiex x’jiddefendiha, biex aħna nistgħu nħobbuh. Alla hu hekk tajjeb li jiċċaħħad mill-kobor divin tiegħu u jinżel fl-istalla, biex aħna nistgħu nsibuh u biex hekk it-tjieba tiegħu tmiss ukoll lilna, tikkomunika magħna u tkompli taħdem permezz tagħna. Dan hu l-Milied: “Ibni int, jien illum nissiltek”. Alla sar wieħed minna, biex aħna nistgħu nkunu miegħu, insiru nixbhuh. Għażel bħala sinjal tiegħu t-Tarbija fil-maxtura: huwa hekk. B’dan il-mod nitgħallmu nsiru nafuh. U fuq kull tarbija jixħet xi ħaġa mir-raġġ ta’ dak l-illum, tal-qrubija ta’ Alla li jeħtieġ inħobbu u li lejha għandna nbaxxu rasna – fuq kull tarbija, anki fuq dik li għadha ma twelditx.

 

Ejjew nisimgħu kelma oħra mil-liturġija ta’ dan il-Lejl qaddis, din id-darba meħuda mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija: “In-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom” (9:1). Il-kelma “dawl” timraħ fil-liturġija kollha ta’ din il-quddiesa. Insibuha msemmija mill-ġdid fis-silta meħuda mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu: “Dehret il-grazzja” (2:1). L-espressjoni “dehret” ġejja mil-lingwaġġ Grieg u, f’dan il-kuntest, tgħid l-istess ħaġa li l-Lhudi jesprimi bil-kelma “dawl idda”: id-“dehra” – l-“epifanija” – hija d-dawl divin li jfeġġ fid-dinja mimlija dalma u miżgħuda bi problemi mhux solvuti. Fl-aħħar, il-Vanġelu jirrakkontalna li lir-ragħajja dehritilhom il-glorja ta’ Alla u “iddiet madwarhom” (Lq 2:9). Fejn tidher il-glorja ta’ Alla, hemm jixtered id-dawl fid-dinja. “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih”, jgħidilna San Ġwann (1 Ġw 1:5). Id-dawl hu għajn ta’ ħajja.

 

Imma d-dawl ifisser fuq kollox għarfien, ifisser verità f’kuntrast mad-dalma tal-gideb u tal-injoranza. Hekk id-dawl jagħtina l-ħajja, jurina t-triq. Imma mbagħad, id-dawl, billi jagħti s-sħana, ifisser ukoll imħabba. Fejn hemm l-imħabba, jidher dawl fid-dinja; fejn hemm il-mibegħda, id-dinja tkun fid-dlam. Iva, fl-istalla ta’ Betlehem deher id-dawl il-kbir li d-dinja qed tistenna. F’dik it-Tarbija mimduda fl-istalla, Alla juri l-glorja tiegħu – il-glorja tal-imħabba, li tagħti lilna nfisha b’don u tiċċaħħad minn kull kobor biex tmexxina fit-triq tal-imħabba. Id-dawl ta’ Betlehem qatt ma ntefa. Tul is-sekli kollha mess irġiel u nisa, “idda madwarhom”. Fejn dehret il-fidi f’dik it-Tarbija, hemmhekk warrdet ukoll il-karità – it-tjieba lejn l-oħrajn, l-attenzjoni għad-dgħajfin u l-batuti, il-grazzja tal-maħfra. Minn Betlehem bdiet nixxiegħa ta’ dawl, ta’ mħabba, ta’ verità li vvjaġġat fiż-żminijiet. Jekk inħarsu lejn il-qaddisin – minn Pawlu u Wistin għal San Franġisk u San Duminku, minn Franġisku Saverju u Tereża ta’ Avila għal Madre Tereża ta’ Calcutta – nilmħu dan il-kurrent ta’ tjieba, din it-triq ta’ dawl li, dejjem mill-ġdid, titkebbes fil-misteru ta’ Betlehem, f’dak Alla li sar Tarbija. Kontra l-vjolenza ta’ din id-dinja Alla jpoġġi, f’dik it-Tarbija, it-tjieba tiegħu u jsejħilna biex nimxu wara t-Tarbija.

 

Flimkien mas-siġra tal-Milied, sħabna l-Awstrijaċi din is-sena ġabulna wkoll fjamma ċkejkna li kienu xegħlu minn Betlehem, biex jgħidulna: il-veru misteru tal-Milied hu l-ġmiel ġewwieni li ġej minn din it-Tarbija. Inħallu dan il-ġmiel ġewwieni jasal għandna, ikebbes f’qalbna x-xrara ċkejkna tat-tjieba ta’ Alla; ejjew inwasslu lkoll kemm aħna, bi mħabbitna, id-dawl fid-dinja! Ma nħallux li din il-fjamma mdawla mixgħula fil-fidi tintefa mill-kurrenti kiesħa ta’ żmienna! Inħarsuha fedelment u nagħmlu minnha don għall-oħrajn! F’dan il-lejl, li fih inħarsu lejn Betlehem, irridu wkoll nitolbu b’mod speċjali għall-post fejn twieled il-Feddej tagħna u għall-bnedmin li jgħixu hemm u qed ibatu. Irridu nitolbu għall-paċi fl-Art Imqaddsa: Ħares, Mulej, din ir-rokna tal-art li, bħala art twelidek, hi tant għażiża għalik! Agħmel li hemm jiddi d-dawl tiegħek! Agħmel li hemm tasal il-paċi!

 

Bit-terminu “paċi” wasalna għat-tielet kelma li tmexxina mil-liturġija ta’ dan il-Lejl qaddis. It-Tarbija li Iżaija jħabbar hi msejħa minnu “Prinċep tas-sliem”. Dwar saltnatu jingħad li fiha jkun hemm “sliem bla qies”. Lir-ragħajja fil-Vanġelu titħabbrilhom “glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet” u “sliem fl-art…”. Darba konna naqraw: “…lill-bnedmin ta’ rieda tajba”; fit-traduzzjoni ġdida hemm: “…lill-bnedmin li huwa jħobb”. Xi tfisser din il-bidla? M’għadhiex tiswa r-rieda tajba? Ejjew inpoġġu l-mistoqsija aħjar: Min huma l-bnedmin li Alla jħobb, u għaliex iħobbhom? Forsi Alla hu parzjali? Forsi jħobb biss lil xi wħud u lill-oħrajn jitlaqhom waħidhom? Il-Vanġelu jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet billi jurina xi persuni preċiżi maħbuba minn Alla. Hemm individwi – Marija, Ġużeppi, Eliżabetta, Żakkarija, Xmun, Anna, u oħrajn. Imma hemm ukoll żewġ gruppi ta’ persuni: ir-ragħajja u l-għorrief tal-Lvant, l-hekk imsejħa Slaten Maġi. Ejjew f’dan il-lejl nieqfu fuq ir-ragħajja. X’xorta ta’ nies huma? Fl-ambjent tagħhom ir-ragħajja kienu mistkerrha; kienu meqjusa li ma tistax toqgħod wisq fuqhom u, fil-qorti, ma kinux jitħallew joqogħdu xhieda. Imma fir-realtà min kienu? Ċertament ma kinux qaddisin kbar, jekk b’din il-kelma qed nifhmu persuni ta’ virtujiet erojċi. Kien erwieħ sempliċi. Il-Vanġelu jixħet dawl fuq karatteristika li mbagħad, fi kliem Ġesù, kellu jkollha rwol importanti: kienu persuni li jishru. Dan jiswa qabelxejn fis-sens esterjuri: billejl kienu jgħassu l-merħliet tagħhom. Imma jiswa wkoll f’sens iżjed profond: kienu disponibbli għall-kelma ta’ Alla, għat-Tħabbira tal-anġlu. Ħajjithom ma kinitx magħluqa fiha nfisha; qalbhom kienet miftuħa. B’xi mod, fil-qiegħ nett tagħha, kienu qed jistennew xi ħaġa, qed jistennew fl-aħħar mill-aħħar lil Alla. Is-sahra tagħhom kienet disponibbiltà – disponibbiltà biex jisimgħu, disponibbiltà biex jimxu; kienet stennija għad-dawl li jurihom it-triq. Dan hu li jinteressa lil Alla. Hu jħobb lil kulħadd għax kulħadd hu ħlejqa tiegħu. Imma xi persuni għalqu qalbhom; imħabbtu ma ssibx mnejn tidħol fihom. Huma jemmnu li ma għandhomx bżonn ta’ Alla; ma jriduhx. Oħrajn li forsi moralment huma daqstant ieħor miżeri u midinba, tal-inqas ibatu minn dan. Huma jistennew lil Alla. Jafu li għandhom bżonn tat-tjieba tiegħu, imqar jekk ma għandhomx xi idea preċiża kif. Fir-ruħ tagħhom miftuħa għall-istennija d-dawl ta’ Alla jista’ jidħol, u miegħu l-paċi tiegħu. Alla jfittex persuni li jwasslu u jikkomunikaw il-paċi tiegħu. Ejjew nitolbuh li ma jsibx magħluqa l-qalb tagħna. Nagħmlu mod li nkunu kapaċi nsiru messaġġiera attivi tal-paċi tiegħu – proprju fi żmienna.

 

Fost l-Insara l-kelma paċi mbagħad ħadet tifsira speċjali ħafna: saret kelma biex tfisser il-komunjoni fl-Ewkaristija. Fiha hemm preżenti l-paċi ta’ Kristu. Fil-postijiet kollha fejn tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija xibka ta’ paċi tinfirex fuq id-dinja kollha. Il-komunitajiet miġbura madwar l-Ewkaristija jibnu saltna tal-paċi wiesgħa daqs id-dinja. Meta niċċelebraw l-Ewkaristija nsibu ruħna f’Betlehem, fid-“dar tal-ħobż”. Kristu jingħata għalina u miegħu nnifsu jagħtina l-paċi tiegħu. Jagħtihielna biex aħna nġorru d-dawl tal-paċi fil-ġewwieni tagħna u nwassluha lill-oħrajn; biex insiru bennejja tal-paċi u hekk nagħtu sehemna b’risq il-paċi fid-dinja. Għalhekk nitolbu: Mulej, wettaq il-wegħda tiegħek! Agħmel li fejn hemm it-tilwim issaltan il-paċi! Agħmel li fejn bħalissa ssaltan il-mibegħda jkun hemm l-imħabba! Agħmel li hemm fejn qed jaħkmu d-dlamijiet jinfirex id-dawl! Agħmilna strumenti tal-paċi tiegħek! Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard