L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2008

 

 

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTO XVI

Bażilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 20 ta’ Marzu 2008

 

Għeżież ħuti, irġiel u nisa,

Kull sena l-Quddiesa tal-Griżma tħeġġigna biex nidħlu mill-ġdid f’dik l”iva” għas-sejħa ta’ Alla, li ippronunzjajna fil-jum tal-Ordinazzjoni saċerdotali tagħna.Adsum – hawn jien!”, lissinna ma’ Iżaija meta smajna l-leħen ta’ Alla li kien jistaqsi: “Lil min nibgħat u min imur għalina?” “Hawn jien, ibgħat lili!” wieġeb Iżaija ( 6, 8). Imbagħad il-Mulej innifsu, permezz tal-idejn tal-Isqof, qiegħed idejh fuqna u aħna rregalajna lilna nfusna lill-missjoni tiegħu. Suċċessivament imxejna tul diversi toroq fl-ambitu tas-sejħa tiegħu. Aħna nistgħu dejjem niddikjaraw dak li Pawlu, wara snin ta’ servizz lill-Vanġelu spiss fatikuż u mmarkat bi tbatijiet ta’ kull tip, kiteb lill-Korintin: “Iż-żelu tagħna ma jonqosniex f’dak il-ministeru li, għall-ħniena ta’ Alla, kien afdat lilna” (cfr 2 Kor 4, 1)? “Iż-żelu tagħna ma jonqosniex?” Ejjew, f’dan il-jum, nitolbu, sabiex dan dejjem jerġà jħeġġeġ, sakemm dejjem mill-ġdid jiġi mitmugħ mill-fjamma ħajja tal-Vanġelu.

Fl-istess ħin, Ħamis ix-Xirka huwa għalina okkażjoni biex nistaqsu dejjem mill-ġdid lilna nfusna: Għalxiex għidna “iva”? Xi jkun dan li “tkun saċerdot ta’ Ġesù Kristu”? Il-Canone II tal-Missal tagħna, li wisq probabli kien diġa mħejji fi tmiem is-seklu II f’Ruma, jiddeskrivi l-essenza tal-ministeru saċerdotali bil-kliem li bih, fil-Ktieb tad-Dewteronomju(18,5.7), kienet ġiet deskritta l-essenza tas-saċerdozju veterotestementarju: astare coram te et tibi ministrare. Huma mela tnejn id-dmirijiet li jiddefenixxu l-essenza tal-ministeru saċerdotali; fl-ewwel post il-“permanenza quddiem il-Mulej”. Fil-Ktieb tad-Dewteronomju dan jinqara fil-kuntest tad-dispożizzjoni preċedenti, li skontha s-saċerdoti ma kienu jirċievu l-ebda porzjon ta’ art fl-Art Imqaddsa – huma kienu jgħixu b’Alla u għal Alla. Ma kinux jattendu għas-soliti xogħlijiet meħtieġa għas-sosten tal-ħajja ta’ kuljum. Il-professjoni tagħhom kienet “il-permanenza quddiem il-Mulej” – iħarsu lejh, ikunu għalih. Hekk, fl-aħħar minn l-aħħar, il-kelma kienet tindika ħajja fil-preżenza ta’ Alla u b’dan ukoll ministeru f’rappreżentanza tal-oħrajn. Bħall-oħrajn kienu jikkultivaw l-art, li minnha kienu jgħixu wkoll is-saċerdoti, hekk hu kien iżomm id-dinja miftuħa lejn Alla, ried jgħix b’ħarstu mdawra lejh.  Jekk din il-kelma issa tinsab fil-Canone tal-Quddiesa minnu fih wara l-konsagrazzjoni tad-doni, wara d-dħul tal-Mulej fil-miġemgħa titlob, allura dan jindika għalina l-permanenza quddiem il-Mulej preżenti, tindika jiġifieri l-Ewkaristija bħala ċentru tal-ħajja saċerdotali. Imma wkoll hawn  l-iskop imur iktar ‘il hemm. Fl-Innu tal-Liturġija tas-Sigħat li matul ir-Randan jintroduċi l-Uffiċċju tal-Qari – l-Uffiċċju li darba fost l-irħieb kien jiġi mtenni fis-siegħa tal-qawma ta’ matul il-lejl quddiem Alla u għall-bnedmin – wieħed mid-dmirijiet tar-randan huwa deskritt bl-imperattiv:   arctius perstemus in custodia – inkunu għassa b’mod iktar qawwi. Fit-tradizzjoni tal-monakiżmu sirijaku, l-irħieb kien magħrufin bħala “dawk li joqogħdu bil-wieqfa”; il-waqfien bil-wieqfa kien l-espressjoni tal-viġilanza. Dak li hawn kien meqjus dmir tal-irħieb, nistgħu bir-raġun narawh ukoll bħala espressjoni tal-missjoni saċerdotali u bħala nterpretazzjoni ġusta tal-kelma tad-Dewteronomju: is-saċerdot għandu jkun wieħed li jgħasses. Irid jgħasses quddiem il-qawwiet insistenti tal-ħażen. Għandu jżomm imqajma d-dinja għal Alla. Għandu jkun wieħed li joqgħod bil-wieqfa: dritt quddiem il-kurrenti taż-żmien. Dritt fil-verità. Dritt fl-impenn għall-ġid. Il-waqfien quddiem il-Mulej għandu jkun dejjem, fl-iktar profond, ukoll li jieħu r-responsabbiltà tal-bnedmin quddiem il-Mulej li, minn naħa tiegħu, jidħol responsabbli tagħna lkoll quddiem il-Missier. U għandu jkun responsabbli tiegħu, ta’ Kristu, tal-kelma tiegħu, tal-verità tiegħu, tal-imħabba tiegħu. Rett għandu jkun is-saċerdot, qalbieni u dispost li jirċievi wkoll insulti għall-Mulej, bħal ma jirreferu l-Atti tal-Appostli: huma kienu jkunu “ferħana li ġew insultati għall-imħabba tal-isem ta’ Ġesù”  (5, 41).

Ngħaddu issa għat-tieni kelma, li l-Canone II jieħu mit-test tat-Testment il-Qadim –“tkun quddiemek u taqdik”. Is-saċerdot għandu jkun persuna retta, viġilanti, persuna li toqgħod dritta. Ma dan kollu jiżdied imbagħad il-qadi. Fit-test veterotestamentarju din il-kelma għandha sinifikat essenzjalment ritwali: lis-saċerdoti kienu jmissu l-azzjonijiet kollha tal-kult previsti mil-Liġi. Imma dan l-aġir skont ir-rit kien jiġi mbagħad ikklassifikat bħala servizz, bħala inkarigu ta’ servizz u hekk jispjega ruħu f’liema spirtu dawk l-attivitajiet kellhom isiru.  Bl-użu tal-kelma “qadi” fil-Canone, dan is-sinifikat liturġiku tat-terminu jiġi b’ċertu mod addottat – b’mod konformi man-novità tal-kult nisrani. Dak li s-saċerdot jagħmel f’dak il-waqt, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, hu li jaqdi, iwettaq servizz lil Alla u servizz lill-bnedmin. F’dan il-kult li Kristu għamel lill-Missier kien id-donazzjoni tiegħu nnifsu sal-aħħar għall-bnedmin. F’dan il-kult, f’dan is-servizz is-saċerdot irid jinserixxi lilu nnifsu. Hekk il-kelma “qadi” tinvolvi bosta dimensjonijiet. Bla dubju tagħmel parti qabel kollox iċ-ċelebrazzjoni retta tal-Liturġija u tas-Sagramenti inġenerali, imwettqa b’sehem intern. Hemm bżonn nitgħallmu u nifhmu dejjem iżjed il-Liturġija sagra fl-essenza kollha tagħha, niżviluppaw familjarità ħajja magħha, tant li ssir ir-ruħ ta’ ħajjitna ta’ kuljum. Huwa hemm li niċċelebraw b’mod ġust, allura toħroġ weħedha l-ars celebrandi, l-arti taċ-ċelebrazzjoni. F’din l-arti m’għandu jkun hemm xejn li hu artifiċjali. Hemm bżonn li ssir ħaġa waħda mal-arti tal-għixien b’mod rett. Jekk il-Liturġija hija dmir ċentrali tas-saċerdot, dan ifisser ukoll li t-talb għandu jkun realtà prijoritarja li wieħed għandu jitgħallimha dejjem mill-ġdid u dejjem b’mod iktar profond fl-iskola ta’ Kristu u tal-qaddisin taż-żmenijiet kollha. Ladarba l-Liturġija nisranija, min-natura tagħha, hija dejjem aħbar ukoll, hemm bżonn li nkunu persuni li mal-Kelma ta’ Alla huma familjari, iħobbuha u jgħixuha: hemm biss inkunu nistgħu nispjegawha b’mod adegwat. “Taqdi lill-Mulej” – is-servizz saċerdotali jfisser propju wkoll titgħallem tagħraf lill-Mulej f’Kelmtu u tara li jingħaraf minn dawk kollha li Huwa jafdalna.

Jagħmlu parti mill-qadi, fl-aħħarnett, żewġ aspetti oħra. Ħadd mhu hekk qrib ta’ sidu daqs il-qaddej li għandu aċċess għad-dimensjoni l-iktar privata ta’ ħajtu. F’dan is-sens “qadi” ifisser viċinanza, jitlob familjarità. Din il-familjarità tinvolvi wkoll periklu: dak li s-sagru li kontinwament niltaqgħu miegħu isir abitutdni. Hekk jintefa l-biżà reverenzjali. Ikkondizzjonati mill-abitudnijiet kollha, ma nħossux iktar il-fatt kbir, ġdid, sorprendenti, li Huwa stess huwa preżenti, ikellimna, jirregala lilu nnifsu lilna. Kontra din il-kunfidenza mar-realtà straordinarja, kontra l-indifferenza tal-qalb hemm bżonn li nissieltu bla waqfien, waqt li nagħrfu dejjem mill-ġdid l-insuffiċjenza tagħna u l-grazzja li hemm fil-fatt li Hu b’dan il-mod jerħi ruħu f’idejna. Qadi ifisser viċinanza b’mod speċjali wkoll ubbidjenza. Il-qaddej jionsab taħt il-kelma: “Mhux ir-rieda tiegħi ssir, imma tiegħek!” (Lq 22, 42). B’din il-kelma, Ġesù fl-Ort taż-żebbuġ solva l-ġlieda deċiżiva kontra r-ribelljoni tal-qalb imġarrba. Id-dnub ta’ Adam kien appuntu jikkonsisti, fil-fatt li huwa ried iwettaq ir-rieda tiegħu u mhux dik ta’ Alla. It-tentazzjoni tal-umanità hija dejjem dik li rridu nkunu dejjem awtonomi għal kollox, li nsegwu biss ir-rieda tagħna u li nsostnu li hekk biss inkunu liberi; li grazzi biss għal libertà simili mingħajr limiti l-bniedem ikun għal kollox bniedem, isir divin. Imma propju b’dan inqiegħdu lilna nfusna kontra l-verità. Ladarba l-verità hija li aħna għandna naqsmu l-libertà tagħna mal-oħrajn u nistgħu nkunu liberi biss f’għaqda magħhom. Din il-verità maqsuma tistà tkun libertà vera biss jekk biha nidħlu f’dak li jikkostitwixxi l-qies stess tal-libertà, jekk nidħlu fir-rieda ta’ Alla. Din l-ubbidjenza fundamentali li tifforma parti mill-fatt li aħna bnedmin, issir ferm iktar konkreta fis-saċerdot: aħna ma nxandrux lilna nfusna, imma lilu u lil Kelmtu, li ma stajniex nidejaw weħedna. Ma nivvintawx il-Knisja hekk kif irridu li kienet, imma nxandru l-Kelma ta’ Kristu b’mod ġust biss fl-għaqda ta’ Ġismu. L-ubbidjenza tagħna hija twemmin mal-Knisja, qadi permezz tagħha. F’dan jerġà jidħol ukoll dak li Ġesù bassar lil Pietru: “Tittieħed fejn ma tkunx trid”. Din li nittieħdu fejn ma nkunux irridu hija dimensjoni essenzjali tal-qadi tagħna, u huwa propju dan li jirrendina liberi. F’tali nkunu meħuda, li jista jkun kuntrarju għall-ideat u l-proġetti tagħna, nisperimentaw il-ħaġa l-ġdida – il-għana tal-imħabba ta’ Alla.

“Toqgħod quddiemu u taqdih”: Ġesù Kristu bħala l-veru Qassis il-Kbir tad-dinja ta lil dan il-kliem profondità qabel mhux immaġinabbli. Hu li bħala Iben kien u hu l-Mulej, ried isir dak il-qaddej ta’ Alla li l-viżjoni tal-Ktieb tal-Profeta Iżaija kien ħabbar. Ried ikun il-qaddej ta’ kulħadd. Irraffigura t-totalità tas-sommu saċerdozju tiegħu fil-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Bil-ġest tal-imħabba, sal-aħħar Huwa jaħsel riġlejna maħmuġin, bl-umiltà tal-qadi tiegħu jippurifikana mill-marda tas-suppervja tagħna. Hekk jirrendina kapaċi li nsiru sieħba tal-mejda ta’ Alla. Huwa tbaxxa, u t-tlugħ veru tal-bniedem jitwettaq issa fl-inżul tagħna miegħu u lejh. L-elevazzjoni tiegħu hija s-Salib. Dan huwa l-inżul l-iktar profond u, bħal imħabba mbuttata sal-aħħar, huwa fl-istess ħin il-quċċata tat-tlugħ, il-vera “elevazzjoni” tal-bniedem. “Toqgħod quddiemu u taqdih” – dan issa jfisser tidħol fis-sejħa tiegħu ta’ qaddej ta’ Alla. L-Ewkaristija bħala preżenza tal-inżul u tat-tlugħ ta’ Kristu b’dan il-mod tibgħat lura dejjem, ‘il hemm minnha nfisha, għall-modi multepliċi tas-servizz tal-imħabba tal-proxxmu. Ejjew nitolbu lill-Mulej, f’dan il-jum, id-don li nistgħu ngħidu f’tali sens l-“iva” tagħna għas-sejħa tiegħu: “Hawn jien. Ibgħat lili, Mulej” ( 6, 8). Amen.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

 

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta