|
QUDDIESA TAL-GRIŻMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA
TIEGĦU BENEDITTU XVI
Basilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 1 t’April
2010
Għeżież ħuti irġiel u
nisa!
Iċ-Ċentru tal-kult
tal-Knisja huwa s-Sagrament.
Sagrament ifisser li l-ewwelnett
m’aħniex aħna l-bnedmin li
nagħmlu xi ħaġa, imma Alla minn
qabel jersaq lejna bl-aġir
tiegħu, iħares lejna u jmexxina
lejh. U hemm ukoll xi ħaġa oħra
singolari: Alla jmissna permezz
ta’ realtà materjali permezz ta’
doni tal-ħolqien li huwa jassumi
għas-servizz tiegħu, waqt li
jagħmilhom strumenti tal-laqgħa
bejnna u bejnu stess. Erbgħa
huma l-elementi tal-ħolqien li
permezz tagħhom huwa magħmul
il-kożmu tas-Sagramenti: l-ilma,
il-ħobż tal-qamħ, l-imbid u ż-żejt
taż-żebbuġa. L-ilma bħala
element bażiku u kundizzjoni
fundamentali ta’ kull ħajja huwa
s-sinjal essenzjali tal-att li
fih, fil-Magħmudija, insiru
nsara, tat-twelid għall-ħajja l-ġdida.
Waqt li l-ilma huwa l-element
vitali inġenerali u allura
jirrapreżenta d-dħul komuni ta’
kulħadd għat-twelid bħala nsara,
it-tliet elementi l-oħra
jappartienu għall-kultura
tal-ambjent mediterranju. Dawn
b’dan il-mod jirritornaw
għall-ambjent storiku konkret li
fih il-kristjaneżmu żviluppa.
Alla aġixxa f’post determinat
sewwa tad-dinja, tassew wettaq
l-istorja bil-bnedmin. Dawn it-tliet
elementi, minn banda, huma doni
maħluqa u, mill-banda l-oħra,
huma madankollu wkoll
indikazzjoni tal-postijiet
tal-istorja ta’ Alla magħna.
Dawn huma sintesi bejn ħolqien u
storja: doni ta’ Alla li
jorbtuna dejjem ma’ dawk
il-postijiet tad-dinja, li fihom
Alla ried jaġixxi magħna
fiż-żmien tal-istorja, isir
wieħed minna.
F’dawn it-tliet elementi
hemm mill-ġdid gradwazzjoni. Il-ħobż
jirreferi għall-ħajja ta’ kuljum.
Dan huwa d-don fundamentali
tal-ħajja minn jum għall-ieħor.
L-imbid jirreferi għall-festa,
għall-ħlewwa tal-ħolqien,, li
fiha, fl-istess ħin, wieħed
jistà jesprimi b’mod partikolari
il-ferħ tal-mifdijin. Iż-żejt
taż-żebbuġa għandu sinifikat
wiesà. Huwa nutriment, huwa
mediċina, isebbaħ, iħejji
għal-lotta u jagħti qawwa. Is-slaten
u s-saċerdoti jiġu midluka
b’żejt, li għalhekk huwa sinjal
ta’ dinjità u ta’ responsabiltà,
kif ukoll tal-qawwa li tiġi minn
Alla. F’isimna “insara” hemm
preżenti l-misteru taż-żejt. Il-kelma
“insara”, infatti, li biha jiġu
msejħa d-dixxipli ta’ Kristu sa
mill-bidu tal-Knisja ġejja mill-pagani,
toħroġ mill-kelma “Kristu”, (cfr
At 11,20-21) – traduzzjoni
griega tal-kelma “Messija”, li
tfisser “Midluk”. Inkunu nsara
tfisser: ġejjin minn Kristu,
nappartienu lill-Kristu, lill-
Midlik ta’ Alla, lil Dak li lilu
Alla rregala r-regalità u s-saċerdozju.
Tfisser li tappartieni lil Dak
li Alla nnifsu dilek – mhux
b’żejt materjali, imma b’Dak li
huwa rrapreżentat miż-żejt:
bl-Ispirtu Santu tiegħu. Iż-żewt
taż-żebbuġa huwa hekk b’mod għal
kollox partikolari simbolu
tal-kompenetrazzjoni tal-Bniedem
Ġesù minn naħa tal-Ispirtu Santu.
Fil-Quddiesa tal-Griżma
ta’ Ħamis ix-Xirka ż-żjut
qaddisa jkunu fiċ-ċentru
tal-azzjoni liturġika. Jiġu
kkonsagrati fil-katidral mill-Isqof
għas-sena kollha. Hekk jesprimu
wkoll l-għaqda tal-Knisja,
iggarantita mill-Episkopat, u
jirreferu għal Kristu,
ir-“ragħaj u l-għassies ta’
rwieħna” tassew, bħal ma
jsejjaħlu San Pietru (cfr 1 Pt
2,25). U, fl-istess ħin, iżommu
flimkien is-sena liturġika
kollha, ankrata mal-misteru ta’
Ħamis ix-Xirka. Fl-aħħarnett,
jirreferu għall-Ort taż-Żebbuġ,
li fih Ġesù aċċetta internament
il-Passjoni tiegħu. L-Ort
taż-Żebbuġ huwa iżda wkoll il-post
li minnu Huwa telà għand
il-Missier, huwa allura l-post
tal-Fidwa: Alla ma ħalliex lil
Ġesù fil-mewt. Ġesù jgħix għal
dejjem maġemb il-Missier, u
propju għalhekk huwa
omnipreżenti, dejjem qribna. Dan
il-misteru doppju tal-Muntanja
taż-Żebbuġ huwa wkoll dejjem
“attiv” fiż-żejt sagramentali
tal-Knisja. F’erbà Sagramenti ż-żejt
huwa sinjal tat-tjieba ta’ Alla
li tmissna: fil-Magħmudija,
fil-Griżma bħala Sagrament
tal-Ispirtu Santu, fil-gradi
differenti tal-Ordni Sagri u,
fl-aħħar, fil-Griżma tal-Morda,
li fiha ż-żejt jiġi offrut, biex
ngħidu hekk, bħala mediċina li
issa tirrendina ċerti mit-tjieba
tiegħu, li għandha tqawwina u
tikkunslana, imma li, fl-istess
ħin, ‘il hemm mill-waqt tal-mard,
tirreferina għall-fejqan
definittiv, għall-qawmien mill-imwiet
(cfr Gc 5,14). Hekk iż-żejt,
fil-forom differenti tiegħu,
jakkumpanjana tul il-ħajja
kollha, nibdew mill-katekuminat
u l-Magħmudija sal-waqt li fih
inħejju ruħna għal-laqgħa mal-Alla
Imħallef u Feddej. Fl-aħħarnett,
il-Quddiesa tal-Griżma, li fiha
s-sinjal sagramentali taż-żejt
jiġi lilna ppreżentat bħala
lingwaġġ tal-ħolqien ta’ Alla,
idur,b’mod partikolari, lejna
saċerdoti: huwa jkellimna dwar
Kristu, li Alla dilek bħala
Sultan u Saċerdot – dwar li
jirrendina parteċipi
tas-saċerdozju tiegħu, tad-“dlik”
tiegħu, fl-Ordinazzjnoni
saċerdotali tagħna.
Irrid għalhekk nipprova
nispjega mill-ġdid fil-qosor
il-misteru ta’ dan il-sinjal
qaddis fir-riferenza essenzjali
tiegħu għall-vokazzjoni
saċerdotali. F’etimoloġiji
popolari diġa kienet marbuta sa
mill-qedem il-kelma griega
“elaion” – żejt – mal-kelma
“eleos” – ħniena. Infatti, fid-diversi
Sagramenti, iż-żejt ikkonsagrat
huwa dejjem sinjal tal-ħniena ta’
Alla. Id-dlik għas-saċerdozju
jfisser għalhekk dejjem ukoll l-inkarigu
li jwassal il-ħniena ta’ Alla
lill-bnedmin. Fil-lampa ta’
ħajjitna qatt m’għandu jiġi
nieqes iż-żejt tal-ħniena. Ejjew
nipprovduh dejjem fil-ħin
mingħand il-Mulej – fil-laqgħa
ma’ Kelmtu, fir-riċeviment
tas-Sagramenti, fil-permanenza
tagħna fit-talb maġembu.
Permezz tal-istorja
tal-ħamiema bil-fergħa
taż-żebbuġa, li kienet tħabbar
it-tmiem tad-dilluvju u allura
l-paċi l-ġdida ta’ Alla mad-dinja
tal-bnedmin, mhux biss
il-ħamiema, imma wkoll il-fergħa
taż-żebbuġa u ż-żejt stess saru
simbolu tal-paċi. L-insara
tal-ewwel sekli kienu jħobbu
jżejnu l-oqbra tal-mejtin
tagħhom bil-kuruna tar-rebħa u
l-fergħa taż-żebbuġa, sinbolu
tal-paċi. Kienu jafu li Kristu
rebaħ il-mewt u li l-mejtin
tagħhom kienu jistrieħu fil-paċi
ta’ Kristu. Kienu jafu, li huma
stess, kienu mistennija minn
Kristu, li kien wegħedhom
il-paċi li d-dinja mhijiex
kapaċi tagħti. Kienu jiftakru li
l-ewwel kelma tal-Irxoxt lil
tiegħu kienet: “Il-paċi magħkom!”
(Ġw20,19). Huwa nnifsu, biex
ngħidu hekk iġib il-fergħa
taż-żebbuġa, jintroduċi l-paċi
tiegħu fid-dinja. Iħabbar it-tjieba
feddejja ta’ Alla. Huwa hu l-paċi
tagħna. L-insara, mela, għandhom
ikunu persuni tal-paċi, persuni
li jagħrfu u jgħixu l-misteru
tas-Salib bħala l-misteru tar-rikonċiljazzjoni.
Kristu ma jirbaħx permezz tax-xabla,
imma permezz tas-Salib. Jirbaħ
waqt li jegħleb il-mibegħda.
Jirbaħ permezz tal-qawwa ta’
imħabbtu ikbar. Is-Salib ta’
Kristu jesprimi il-“le”
għall-vjolenza. U propju b’dan
il-mod dan huwa is-sinjal tar-rebħa
ta’ Alla, li jħabbar it-triq
il-ġdida ta’ Ġesù. Il-batut kien
iktar qawwi minn dawk li jħaddnu
l-poter. Fl-awtodonazzjoni fuq
is-Salib, Kristu rebaħ
il-vjolenza. Bħala saċerdoti
aħna msejħin biex inkunu,
fil-komunjoni ma’ Ġesù Kristu,
bnedmin tal-paċi, aħna msejħin
biex nopponu l-vjolenza u biex
nafdaw fil-poter ikbar
tal-imħabba.
Jappartieni
għas-simboliżmu taż-żejt ukoll
il-fatt li dan jirrendina
qawwijin għall-ġlieda. Dan ma
jikkontrastax mat-tema tal-paċi,
imma hu parti minnha. Il-ġlieda
tal-insara kienet tikkonsisti u
tikkonsisti mhux fl-użu
tal-vjolenza, imma fil-fatt li
huma kienu u għadhom s’issa
lesti li jbatu għall-ġid, għal
Alla.. Tikkonsisti fil-fatt li
l-insara, bħala ċittadini tajbin,
jirrispettaw id-dritt u jagħmlu
dak li li huwa ġust u tajjeb. U
l-ġlieda tal-martri kienet
tikkonsisti fil-“le” tagħhom
konkreta għall-inġustizzja:
billi warrbu s-sehem fil-kult
idolatriku, għall-adorazzjoni
tal-imperatur, huma kienu
rrifjutaw li jbaxxu rashom
quddiem il-falsità,
għall-adorazzjoni ta’ persuni
umani u tal-poter tagħhom. Bil-“le”
tagħhom għall-falsità u
bil-konsegwenzi kollha tagħha
huma għollew il-poter tad-dritt
u tal-verità. B'dan huma gawdew
il-vera paċi. Ukoll illum huwa
mportanti għall-insara li jsegwu
d-dritt, li huwa s-sies tal-paċi.
Illum ukoll huwa mportanti
għall-insara li ma jaċċettawx
inġustizzja li tiġi mgħollija
għal dritt – per eżempju, fejn
jidħol il-qtil ta’ tfal
innoċenti li għadhom ma twildux.
Propju b’dan il-mod naqdu l-paċi
u propju b’dan il-mod insibu
ruħna nsegwu l-passi ta’ Ġesù
Kristu, li dwaru San Pietru
jgħid: “Insultat ma weġibx
b’insulti; immaltrattat ma
heddidx vendetta, imma afda ruħu
f’dak li jiġġudika b’ġustizzja.
Huwa tgħabba bi dnubietna
f’ġismu fuq l-għuda tas-salib,
sabiex ma ngħixux iktar
għad-dnub, imma ngħixu
għall-ġustizzja” (1 Pt 2,23s).
Is-Santi Padri tal-Knisja
kienu jaffaxxinaw ruħhom b’kelma
tas-Salm 45 (44) – skont it-tradizzjoni
is-Salm nuzzjali ta’ Salamun -,
li jiġi moqri mill-ġdid mill-insara
bħala Salm nuzzjali ta Salamun
il-ġdid, Ġesù Kristu, flimkien
mal-Knisja. Hemm jingħad lis-Sultan,
Kristu: “Ħobb il-ġustizzja u
stkerrah il-ħażen: Alla, Alla
tiegħek, ikkonsagrak biż-żejt
tal-ferħ, bi preferenza ta’
sħabek” (v. 8). X’inhu dan
iż-żejt tal-ferħ li bih kien
midluk il-veru Sultan, Kristu?
Is-Santi Padri ma kellhom ebda
dubju f’dan ir-rigward: iż-żejt
tal-ferħ huwa l-istess Spirtu
Santu, li kien imsawwab fuq Ġesù
Kristu. L-Ispirtu Santu huwa l-ferħ
li jiġi minn Alla. Minn Ġesù dan
il-ferħ jissawwab fuqna
fil-Vanġelu tiegħu, fil-bxara t-tajba
li Alla jgħarrafna, li Huwa hu
tajjeb u li t-tjieba tiegħu hija
poter fuq il-poteri l-oħra
kollha, li aħna mixtieqa u
maħbuba minnu. Il-ferħ huwa
frott tal-imħabba. Iż-żejt
tal-ferħ, li ssawwab fuq Kristu
u minnu jiġi fuqna, huwa l-Ispirtu
Santu, id-don tal-imħabba li
jirrendina ferħana bl-eżistenza.
Sabiex nagħrfu lil Kristu u fih,
il-veru Alla, nafu li hija ħaġa
tajba li tkun bniedem. Hija ħaġa
tajba li tgħix, għaliex aħna
maħbuba. Għaliex il-verità
nfisha hija tajba.
Fil-Knisja antika ż-żejt
ikkonsagrat kien meqjus, b’mod
partikolari, bħala sinjal
tal-preżenza tal-Ispirtu Santu,
li sa minn Kristu jikkomunika
magħna. Huwa hu ż-żejt tal-ferħ.
Dan il-ferħ huwa xi ħaġa
differenti mid-divertiment jew
mill-allegrija esterna li s-soċjetà
moderna tittama. Id-divertiment
fil-post ġust tiegħu, huwa bla
ebda dubju xi ħaġa tajba u
pjaċevoli. Sewwa li wieħed jistà
jidħak. Imma d-divertiment
mhuwiex kollox. Huwa biss parti
żgħira minn ħajjitna, u fejn hu
jrid ikun kollox isir maskra li
warajha tinħeba d-disperazzjoni
jew ta’ linqas id-dubju jekk
il-ħajja hijiex tassew tajba jew
jekk kienx ikun aħjar li ma
teżistix minflok teżisti. Il-ferħ
li jiġina minn Kristu, huwa
differenti. Dan jagħmilna
allegri, iva, imma bla dubju
jistà jmur id f’id mat-tbatija.
Jagħtina l-ħila li nbatu u, fit-tbatija,
li nibqgħu madankollu ferħana
b’mod intimu. Jagħtina l-ħila li
naqsmu t-tbatija ta’ ħaddieħor u
hekk jirrendina perċettibbli,
fid-disponibiltà reċiproka, tad-dawl
u t-tjieba ta’ Alla. Iġegħelni
dejjem nirrifletti r-rakkont
tal-Atti tal-Appostli li skontu
l-Appostli, wara li s-Sinedriju
kien ġiegħel li jiġu fflaġellati,
kienu “ferħana li ġew iġġudikati
denji li jsofru tbatijiet
għall-isem ta’ Ġesù” (At 5,41).
Min iħobb huwa lest isofri
għall-maħbub u minħabba mħabbtu,
u propju b’dan il-mod
jisperimenta ferħ iktar profond.
Il-ferħ tal-martri kien ferm
iktar qawwi mit-tbatijiet
imsawba fuqhom. Dan il-ferħ, fl-aħħar
minn l-aħħar, rebaħ u fetaħ lil
Kristu l-bibien tal-istorja.
Bħala saċerdoti, aħna – kif
igħid San Pawl – “kollaboraturi
tal-ferħ tagħkom” (2 Kor 1,24).
Fil-frott taż-żebbuġa, fiż-żejt
ikkonsagrat, tmissna t-tjieba
tal-Ħallieq, l-imħabba
tal-Feddej, Ejjew nitolbu li l-ferħ
tiegħu jidħol fina dejjem iktar
fil-fond u nitolbu li nkunu
kapaċi inġorruha mill-ġdid
f’dinja li għandha hekk bżonn
b’mod urġenti tal-ferħ li joħroġ
mill-verità. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Emanuel Zarb |