L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2006

 

 

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA FIL-BAŻILIKA VATIKANA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Ħamis ix-Xirka, 13 t’April 2006

 

Għeżież ħuti fl-Episkopat u fis-saċerdozju,
għeżież ħuti, irġiel u nisa,

Ħamis ix-Xirka huwa l-jum li fih il-Mulej ta lit-tnax id-dmir saċerdotali li jiċċelebraw, fil-ħobż u fl-imbid, is-Sagrament ta’ Ġismu u ta’ Demmu sa ma jerġà jiġi. Minflok il-ħaruf paskwali u flok is-sagrifiċċji kollha tal-Patt il-Qadim jidħol id-don ta’ Ġismu u ta’ Demmu, id-don tiegħu nnifsu. Hekk il-kult il-ġdid jissejjes fil-patt li, qabel kollox, Alla jagħmel don lilna, u aħna mimlijin b’dan id-don, insiru tiegħu: il-ħolqien jergà lura għand il-Ħallieq. Hekk ukoll is-saċerdozju sar ħaġa ġdida: mhuwiex iktar kustjoni ta’ dixxendenza, imma huwa sejbien ta’ dak li jkun fil-misteru ta’ Ġesù Kristu. Huwa hu Dak li jirregala u jiġbidna fil-għoli lejh. Huwa biss jistà jgħid: "Dan huwa Ġismi – dan huwa Demmi". Il-misteru tas-saċerdozju tal-Knisja jinsab fil-fatt li aħna, imsejkna esseri umani, bis-saħħa tas-Sagrament nistgħu nitkellmu mal-jien tiegħu: in persona Christi. Huwa jrid jeżerċita s-saċerdozju tiegħu permezz tagħna. Dan il-misteru kommoventi, li f’kull ċelebrazzjoni tas-Sagrament jolqotna mill-ġdid, aħna niftakruh b’mod speċjali nhar Ħamis ix-Xirka. Sabiex dak ta’ kuljum ma jirrovinax dak li huwa kbir u misterjuż, ninħtieġu tifkira speċifika simili, ninħtieġu l-mawra lura għal dik is-siegħa li fiha Hu qiegħed idejh fuqna u għamilna parteċipi f’dan il-misteru.

Ejjew għalhekk nirriflettu mill-ġdid fuq is-sinjali li fihom is-Sagrament kien irregalat lilna. Fiċ-ċentru hemm il-ġest antikissmu tat-tqegħid tal-idejn, li bih Hu ippossessa ruħu minni waqt li qalli: "inti tiegħi". Imma flimkien ma’ dan qalli wkoll: "Int tinsab taħt ilprotezzjoni ta’ jdejja. Int tinsab taħt il-protezzjoni ta’ qalbi. Inti mgħasses fil-ħofra ta’ jdejja u propju għalhekk int issib ruħek fl-immensità ta’ mħabbti. Ibqà fl-ispazju ta’ jdejja u tini tiegħek".

Ejjaw imbagħad niftakru li jdejna ġew midluka biż-żejt li huwa s-sinjal tal-Ispirtu Santu u tal-qawwa tiegħu. Għaliex propju l-idejn? Id il-bniedem hija l-istrument tal-aġir tiegħu, hija s-simbolu tal-ħila tiegħu biex jiffaċċja d-dinja, appuntu biex "jaqbadha f’idejh". Il-Mulej qiegħed idejh fuqna u issa jrid idejna biex, fid-dinja, jsiru tiegħu. Irid li jkunu iktar strumenti biex jaħtaf l-affarijiet, il-bnedmin, id-dinja għalina, biex jirriduċiha fil-pussess tagħna, imma li minflok jittrażmettu l-mess tiegħu divin, waqt li jwiegħed ruħu bħala servizz ta’ mħabbtu. Irid li nkunu strumenti tal-qadi u allura espressjoni tal-missjoni tal-persuna kollha li tagħmel lilha nfisha garanti tiegħu u twasslu lill-bnedmin. Jekk idejn il-bniedem jirrapreżentaw b’mod sumboliku l-fakultajiet tiegħu u, ġeneralment, it-teknika bħala qawwa biex jiddisponi mid-dinja, allura l-idejn midluka għandhom ikunu sinjal tal-ħila tiegħu li jirregala, tal-krejattività fl-għaġna tad-dinja bl-imħabba – u għal dan, bla dubju, ninħtieġu l-Ispirtu Santu. Fit-Testment il-Qadim id-dlik huwa sinjal tal-ingaġġ fis-servizz: is-sultan, il-profeta, is-saċerdot jagħmel u jirregala iktar minn dak li jirriżulta minnu stess. Sa ċertu punt huwa esproprijat minnu nnifsu fid-dawl ta’ servizz, li fih iqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni ta’ wieħed ikbar minnu. Jekk Ġesù illum jippreżenta ruħu fil-Vanġelu bħala l-Midluk ta’ Alla, il-Kristu, allura dan propju jrid jgħid li Huwa jaġixxi b’missjoni tal-Missier u fl-għaqda mal-Ispirtu Santu u li, b’dan il-mod, jirregala lid-dinja regalità ġdida, saċerdozju ġdid, mod ġdid ta’ li tkun profeta, li ma jfitixx lilu nnifsu, imma jgħix għal Dak, li minħabba fih id-dinja ġiet maħluqa. Ejjew illum mill-ġdid inqiegħdu jdejna għad-dispożizzjoni tiegħu u nitolbuh biex jaqbadna mill-ġdid minn idejna u biex jiggwidana.

Fil-ġest sagramentali tat-tqiegħed tal-idejn minn naħa tal-Isqof kien il-Mulej innifsu li qiegħed fuqna jdejh. Dan is-sinjal sagramentali jiġbor fih vjaġġ ezistenzjali sħiħ. La darba, bħall-ewwel dixxipli, ltqajna mal-Mulej u smajna kelmtu: "Imxi warajja!" Jistà jkun li għall-ewwel imxejna warajh b’mod ftit jew wisq inċert, waqt li ħarisna lura u staqsejna lilna nfusna jekk it-triq kinitx tassew dik tagħna. U f’xi punt tal-mixja forsi għaddejna mill-esperjenza ta’ Pietru wara s-sajda mirakoluża, jiġifieri bqajna mnixxfin minħabba l-kobor tiegħu, il-kobor ta’ dmiru u minħabba l-insuffiċjenza tal-persuna msejkna tagħna, tant li xtaqna nċedu l-armi: "Mulej tbiegħed minni għax jiena midneb!" (Lq 5, 8) Imma mbagħad, Hu, bi tjieba kbira, qabadna minn idna, ġibidna lejh u qalilna: "La tibżax! Jiena miegħek. Ma nitilqekx, int la titlaqx lili!" U iktar minn darba lil kull wieħed minna jistà jkun li ġralu l-istess ħaġa li lil Pietru meta, waqt li kien miexi fuq l-ilma iltaqà mal-Mulej, f’salt wieħed intebaħ li l-ilma ma kienx qed iżommu u li kien se jegħreq. U bħal Pietru werżaqna: "Mulej, salvani!" (Mt, 14, 30). Waqt li naraw il-qawwiet tal-elementi, kif stajna naqsmu l-ilmijiet storbjużi u jbaqbqu tas-seklu li għadda u tal-millenju li għadda? Mela allura ħarisna lejh . . . u Hu ħatafna minn idna u tana "piż speċifiku" ġdid: il-ħeffa li toħroġ mill-fidi u li tiġbidna ‘l fuq. Ejjew inħallu li idu taħfinna, u allura ma negħrqux, imma naqdu l-ħajja li hija iktar b’saħħitha mill-mewt, u l-imħabba li hija iktar b’saħħitha mill-mibegħda. U mbagħad jagħtini l-id li ssostni u twassal. Huwa jsostnina. Ejjew niffissaw dejjem mill-ġdid il-ħarsa tagħna fuqu u nifirxu jdejna lejh. Ejjew inħallu li idu taħfinna, u allura ma negħrqux, imma naqdu l-ħajja li hija aqwa mill-mewt, u l-imħabba li hija aqwa mill-mibegħda. Il-fidi f’Ġesù, Bin Alla l-ħaj, hija l-mezz li grazzi għalih dejjem mill-ġdid naħfnu id Ġesù u permezz tagħha Huwa jaħfen idejna u jmexxina. Talba tiegħi preferita hija l-mistoqsija li l-liturġija tqegħedilna fuq xuftejna qabel it-Tqarbin: "…la tħalli qatt li jien ninfired minnek". Ejjew nitolbu li qatt ma naqgħu barra mill-għaqda mal-Ġisem, ma Kristu nnifsu, li qatt ma naqgħu barra mill-misteru ewkaristiku. Ejjew nitolbu li Hu qatt ma jitlaq idna …

Il-Mulej qiegħed idu fuqna. Is-sinifikat ta’ tali ġest esprimieh fil-kliem: "Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, għaliex il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex dak kollu li smajt mingħand il-Missier għarraftulkom kollu" (Ġw 15, 15). Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, imma ħbieb: f’dan il-kliem wieħed jistà saħansitra jara l-istituzzjoni tas-saċerdozju. Il-Mulej jirrendina ħbiebu: jafdalna kollox; jafdalna lilu nnifsu, hekk li nistgħu nitkellmu mal-Jien tiegħu – in persona Christi capitis. X’fiduċja! Huwa tassew ta lilu nnifsu f’idejna. Is-sinjali essenzjali tal-Ordinazzjoni saċerdotali huma wara kollox kollha manifestazzjonijiet ta’ dik il-kelma: it-tqegħid tal-idejn; il-konsenja tal-ktieb – tal-kelma tiegħu li hu jafda lilna; il-konsenja tal-kalċi li bih jittrażmettilna il-misteru tiegħu l-iktar profond u personali. Minn dan kollu jagħmel ukoll sehem il-poter tal-maħfra: Iġegħelna nieħdu sehem ukoll fl-għarfien tiegħu fir-rigward tal-miżerja tad-dnub u tad-dlam tad-dinja u jagħtina l-muftieħ f’idejna biex nerġgħu niftħu l-bieb tad-dar tal-Missier. Ma nsejħilkomx iktar qaddejja imma ħbieb. Huwa dan is-sinifikat profond li tkun saċerdot: issir ħabib ta’ Ġesù Kristu. Għal din il-ħbiberija jeħtieġ ninpenjaw ruħna kuljum mill-ġdid. Ħbiberija tfisser komunalità fil-ħsieb u fir-rieda. F’din il-komunjoni ta’ ħsieb ma’ Ġesù hemm bżonn neżerċitaw lilna nfusna, jgħidilna San Pawl fl-Ittra lill-Filippin (cfr 2, 2-5). U din il-komunjoni tal-ħsieb mhijiex biss ħaġa ntellettwali imma hija komunanza tas-sentimenti u tar-rieda u allura tal-aġir ukoll. Dan ifisser li hemm bżonn insiru nafu lil Ġesù b’mod dejjem iktar personali, billi nisimgħuh, billi ngħixu flimkien miegħu, billi noqogħdu iktar miegħu. Nisimgħuh – fil-lectio divina, jiġifieri billi naqraw l-Iskrittura Mqaddsa mhux b’mod akkademiku, imma spiritwali; hekk nitgħallmu niltaqgħu ma’ Ġesù preżenti li jkellimna. Hemm bżonn nirraġunaw u nirriflettu fuq kliemu u fuq l-aġir tiegħu quddiemu u miegħu. Il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa huwa talb, għandu jkun talb – irid joħroġ mit-talb u jwassal għat-talb. L-evanġelisti jgħidulna li l-Mulej ripetutament – għal iljieli sħaħ – kien jirtira "fuq il-muntanja" biex jitlob waħdu. Ta’ din il-"muntanja" għandna bżonn ukoll aħna: huwa l-għoli ntern li għandna bżonn nitilgħu, il-muntanja tat-talb. Hekk biss tiżviluppa l-ħbiberija. Hekk biss nistgħu niżvolġu s-servizz saċerdotali tagħna, hekk biss nistgħu nwasslu lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu lill-bnedmin. L-attiviżmu sempliċi jistà jkun saħansitra erojku. Imma l-aġir etern, fl-aħħar minn l-aħħar, jibqà bla frott, jekk ma jitnissilx mill-komunjoni intima profonda ma’ Kristu. Iż-żmien li nimpenjaw għal dan huwa verament żmien ta’ attività pastorali, ta’ attività awtentikament pastorali. Is-saċerdot għandu jkun qabel kollox bniedem tat-talb. Id-dinja fl-attiviżmu frenetiku tagħha spiss titlef l-orjentament. L-aġir tagħha u l-ħiliet tagħha jsiru qerrieda, kemm-il darba jiġu nieqsa l-qawwiet tat-talb, li minnhom jirriżultaw l-ilmijiet tal-ħajja li għandhom il-ħila jiffertilizzaw l-art niexfa.

Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, imma ħbieb. In-nukleju tas-saċerdozju huwa li nkunu ħbieb ta’ Ġesù. Hekk biss nistgħu tassew nitkellmu in persona Christi, ukoll jekk it-tbegħid intern tagħna minn Kristu ma jistax jikkomprometti l-validità tas-Sagrament. Tkun ħabib ta’ Ġesù, tkun saċerdot ifisser bniedem tat-talb. Hekk nagħrfuh u noħorġu mill-injoranza tal-qaddejja sempliċi. Hekk nitgħallmu ngħixu, inbatu u naġixxu miegħu u għalih. Il-ħbiberija ma’ Ġesù hija par excellance dejjem ħbiberija ma’ tiegħu. Nistgħu nkunu ħbieb ta’ Ġesù biss fil-komunjoni mal-Kristu sħiħ, mar-ras u mal-ġisem; fil-ħajjiet reliġjużi tal-Knisja animata mill-Mulej tagħha. Fiha biss l-Iskrittura Mqaddsa hija, grazzi lill-Mulej, Kelma ħajja u attwali. Mingħajr is-suġġett ħaj tal-Knisja li tħaddan l-etajiet, il-Bibbja titfarrak f’kitbiet spiss diversi u hekk issir ktieb tal-imgħoddi. Hija hi elokwenti fil-preżent biss hemm fejn hemm il-"Preżenza" – hemm fejn Kristu jibqà dejjem kontemporanju għalina: fil-ġisem tal-Knisja tiegħu

Tkun saċerdot ifisser issir ħabib ta’ Ġesù Kristu, u dan dejjem iktar bl-eżistenza kollha tagħna. Id-dinja għandha bżonn Alla – mhux alla kwalunkwè, imma tal-Alla ta’ Ġesù Kristu, tal-Alla li sar Gisem u demm, li ħabbna sa ma miet għalina, li qam mill-imwiet u ħoloq fih innifsu spazju għall-bniedem. Dan l-Alla għandu jgħix fina u aħna fih. Din hija s-sejħa saċerdotali tagħna; hekk biss l-aġir tagħna ta’ saċerdoti jistà jagħti l-frott. Irrid nikkonkludi din l-omelija b’kelma ta’ Andrea Santoro, ta’ dak is-saċerdot tad-Dijoċesi ta’ Ruma li kien assassinat fi Trebisonda waqt li kien qiegħed jitlob; wassalhielna l-Kardinal waqt l-Eżerċizzi spiritwali. Il-kelma tgħid: "Ninsab hawn biex ngħammar fost dawn in-nies u nippermetti lil Ġesù jagħmel dan billi nisilfu ġismi… Issir kapaċi tas-salvazzjoni biss billi toffri ġismek stess. Il-ħażen tad-dinja għandu jinġarr u in-niket għandu jinqasam, billi jiġi assorbit għal kollox f’ġismek stess bħal ma għamel Ġesù". Ġesù ħa fuqu ġisimna. Ejjew nagħtuh tagħna, b’dan il-mod Huwa jistà jiġi fid-dinja u jbiddilha. Amen!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

 

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta