Laikos

 

 

VJAĠĠ APPOSTOLIKU

FL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

U ŻJARA LILL-KWARTIERI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA

 

QUDDIESA VOTIVA GĦALL-KNISJA UNIVERSALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Katidral ta’ San Patrizju, New York

Is-Sibt 19 ta’ April 2008

 

Għeżież Ħuti fi Kristu,

 

Bi stima kbira fil-Mulej, insellmilkom, lilkom li tirrappreżentaw lill-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni, l-irġiel u nisa ta’ ħajja kkonsagrata, u s-seminaristi tal-Istati Uniti. Nirringrazzja lill-Kardinal Egan għall-awguri sbieħ u mill-qalb li hu esprima f’isimkom jiena u nibda r-raba’ sena tal-ministeru tiegħi bħala Papa. Hu pjaċir tiegħi li qed niċċelebra din il-quddiesa magħkom, li ġejtu magħżula mill-Mulej, li weġibtu għas-sejħa tiegħu, u li ddedikajtu ħajjitkom biex tfittxu l-qdusija, ix-xandir tal-Vanġelu u l-bini tal-Knisja fil-fidi, it-tama u l-imħabba.

 

Miġburin f’dan il-katidral storiku, kif nistgħu ma naħsbux fuq l-għadd bla tarf ta’ rġiel u nisa li telqu qabilna, li ħadmu għat-tkabbir tal-Knisja fl-Istati Uniti, u ħallewlna wirt dejjiem ta’ fidi u opri tajba? Fl-Ewwel Qari tal-lum rajna kif, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, l-Appostli ħarġu mill-Kamra ta’ Fuq biex ixandru l-għeġubijiet kbar ta’ Alla lil nies minn kull poplu u lsien. F’dan il-pajjiż, il-missjoni tal-Knisja dejjem kienet li tiġbed nies “minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema” (ara Atti 2:5) f’għaqda spiritwali, u li tagħni l-Ġisem ta’ Kristu bil-firxa kbira tad-doni tagħhom. Aħna u rroddu ħajr għal dawn il-barkiet prezzjużi tal-imgħoddi, u nħarsu lejn l-isfidi tal-futur, ejjew nitolbu mingħand Alla l-grazzja ta’ Pentekoste ġdid għall-Knisja fl-Amerika. Jalla ilsna tan-nar, li jsenslu flimkien l-imħabba mkebbsa għal Alla u għall-proxxmu maż-żelu għat-tixrid tas-Saltna ta’ Kristu, jinżlu fuq dawk kollha preżenti!

 

Fit-Tieni Qari ta’ dalgħodu, San Pawl ifakkarna li l-għaqda spiritwali – l-għaqda li tirrikonċilja u tagħni d-diversità – għandha l-għeruq u l-ogħla mudell tagħha fil-ħajja ta’ Alla Trinità. Bħala komunjoni ta’ mħabba safja u libertà infinita, it-Trinità Qaddisa kontinwament iġġib ħajja ġdida fil-ħidma tal-ħolqien u l-fidwa. Il-Knisja, bħala “poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (ara Lumen gentium, 4), hi msejħa biex ixxandar id-don tal-ħajja, taqdi lill-ħajja, u tippromovi kultura tal-ħajja. Hawn f’dan il-katidral, il-ħsibijiet tagħna b’mod naturali jmorru fuq ix-xhieda erojka tal-Vanġelu tal-ħajja li taw il-mibkija Kardinali Cooke u O’Connor. Il-proklamazzjoni tal-ħajja, ħajja bil-kotra, għandha tkun il-qalba tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Għax il-ħajja vera – is-salvazzjoni tagħna – tista’ tinstab biss fir-rikonċiljazzjoni, il-libertà u l-imħabba li huma d-don tal-grazzja ta’ Alla.

 

Dan hu l-messaġġ ta’ tama li aħna msejħin inxandru u nlaħħmu fid-dinja fejn l-egoċentriżmu, ir-regħba, il-vjolenza, u ċ-ċiniżmu tant spiss jidhru qed jifgaw il-maturazzjoni dgħajfa tal-grazzja fil-qlub tan-nies. San Irinew kellu sens kbir ta’ viżjoni meta fehem li l-kmand li ta Mosè lill-poplu ta’ Iżrael: “Agħżel il-ħajja!” (Dewt 30:19) kien l-ogħla raġuni għall-ubbidjenza tagħna għall-kmandamenti kollha ta’ Alla (ara Adv. Hær. IV, 16, 2-5). Forsi aħna dan insejnieh: f’soċjetà fejn għal ħafna nies il-Knisja tidher legalistika u “istituzzjonali”, l-aktar sfida urġenti li għandna hi li nwasslu l-ferħ li jiġi mill-fidi u l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla.

 

Qed nieħu pjaċir ħafna li nġbarna fil-Katidral ta’ San Patrizju. Forsi aktar minn kull knisja oħra fl-Istati Uniti, dan il-post hu magħruf u maħbub bħala “dar tat-talb għall-popli kollha” (ara Iż 56:7; Mk 11:17). Kuljum eluf ta’ rġiel, nies u tfal jidħlu mill-bibien tiegħu u jsibu l-paċi ġo ħitanu. L-Arċisqof John Hughes, li – kif fakkarna l-Kardinal Egan – kien responsabbli għall-bini ta’ din il-binja meqjuma, ried li tinbena fl-istil purament Gotiku. Hu ried li dan il-katidral ifakkar lill-Knisja żagħżugħa fl-Amerika fit-tradizzjoni spiritwali kbira li tagħha kienet werrieta, u li jnebbaħha biex tinqeda bl-aħjar ta’ dak il-wirt biex tibni l-ġisem ta’ Kristu f’din l-art. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom dwar xi aspetti ta’ din l-istruttura sabiħa li naħseb jistgħu jservu bħala punt tat-tluq għal riflessjoni fuq il-vokazzjonijiet partikulari fi ħdan l-għaqda tal-Ġisem Mistiku.

 

L-ewwel wieħed għandu x’jaqsam mat-twieqi tal-ħġieġ, li jimlew minn ġewwa dan it-tempju b’dawl mistiku. Minn barra, dawn it-twieqi huma mudlama, tqal, saħansitra kiebja. Imma meta wieħed jidħol fil-knisja, ħabta u sabta dawn jieħdu l-ħajja; huma jirriflettu d-dawl li jgħaddi minnhom, u jinkixef il-ġmiel kollu tagħhom. Ħafna kittieba – hawn fl-Amerika jiġina f’moħħna Nathaniel Hawthorne – inqdew bix-xbieha ta’ dawn it-twieqi tal-ħġieġ biex juru l-misteru tal-Knisja nfisha. Hu biss minn ġewwa, mill-esperjenza tal-fidi u l-ħajja ekkleżjali, li nistgħu naraw lill-Knisja kif tassew hi: mimlija bil-grazzja, tilma bil-ġmiel, imżejna bl-għadd ta’ doni tal-Ispirtu. Għalhekk, aħna li ngħixu l-ħajja tal-grazzja fi ħdan il-komunjoni tal-Knisja, aħna msejħin niġbdu lill-bnedmin kollha f’dan il-misteru ta’ dawl.

 

Din mhijiex xi biċċa xogħol faċli f’dinja li aktarx iktar tħares lejn il-Knisja, bħal dawk it-twieqi tal-ħġieġ, “minn barra”: dinja li tħoss profondament il-bżonn ta’ spiritwalità, imma ssibha bi tqila li “tidħol ġewwa” fil-misteru tal-Knisja. Imqar għal dawk fostna fuq ġewwa, id-dawl tal-fidi jista’ jitbaxxa minħabba r-rutina, u l-ġmiel tal-Knisja jiġi mdallam mid-dnubiet u d-dgħufijiet tal-membri tagħha. Jista’ jitbaxxa wkoll mill-ostakli li niltaqgħu magħhom f’soċjetà li xi drabi donnha nsiet lil Alla u warrbet imqar l-aktar esiġenzi bażiċi tal-moralità Nisranija. Intom, li ddedikajtu ħajjitkom biex tagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu u l-bini tal-Ġisem tiegħu, tafu mill-kuntatt tagħkom ta’ kuljum mad-dinja ta’ madwarna kemm hi kbira kultant it-tentazzjoni li nċedu għall-frustrazzjoni, id-diżappunt u anki l-pessimiżmu dwar il-futur. F’kelma waħda, mhuwiex dejjem faċli nilmħu d-dawl tal-Ispirtu kullimkien madwarna, il-ġmiel ta’ Kristu Rxoxt li jdawwal lil ħajjitna u jimla b’tama mġedda fir-rebħa tiegħu fuq id-dinja (ara Ġw 16:33).

 

Imma l-Kelma ta’ Alla tfakkarna li, bil-fidi, aħna naraw is-smewwiet jinfetħu, u l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu ddawwal lill-Knisja u ġġib tama ċerta lid-dinja tagħna. “Mulej, Alla tiegħi”, jgħanni s-Salmista, “malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ tal-art” (Salm 104:30). Dawn il-kelmiet ifakkru fl-ewwel ħolqien, meta l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq id-dagħbien (ara Ġen 1:2) U huma jħarsu ’l quddiem lejn il-ħolqien ġdid, f’Għid il-Ħamsin, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli u waqqaf il-Knisja bħala l-ewwel frott ta’ umanità mifdija (ara Ġw 20:22-23). Dawn il-kelmiet isejħulna għal fidi dejjem ikbar fil-qawwa bla tarf ta’ Alla li kapaċi tibdel kull sitwazzjoni umana, toħloq il-ħajja mill-mewt, u tagħti dawl imqar lill-aktar lejl mudlam. U jġagħluna naħsbu fi frażi oħra mill-isbaħ ta’ San Irinew: “Fejn hemm il-Knisja, hemm l-Ispirtu ta’ Alla; fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla, hemm il-Knisja u l-grazzja kollha” (Adv. Hær. III, 24, 1).

 

Dan iwassalna għal riflessjoni oħra dwar l-arkitettura ta’ din il-knisja. Bħal kull katidral Gotiku, hi struttura tassew kumplessa, li l-proporzjon eżatt u armonjuż tagħha jissimbolizza l-għaqda fil-ħolqien ta’ Alla. L-artisti Medjevali spiss kienu juru lil Kristu, il-Kelma ħallieqa ta’ Alla, bħala “ġeometra” tas-Sema, bil-kumpass f’idu, li jordna l-kożmu bl-għerf tiegħu bla tarf u jagħtih skop. Forsi dan ma jfakkarniex fil-bżonn tagħna li naraw kollox bl-għajnejn tal-fidi, u għalhekk nifhmuh fil-perspettiva l-aktar vera tiegħu, fl-għaqda tal-pjan etern ta’ Alla? Kif nafu, dan jitlob konverżjoni kontinwa, u impenn biex niksbu “mod frisk u spiritwali ta’ kif naħsbu” (ara Efes 4:23). Jitlob ukoll it-trawwim ta’ dawk il-virtujiet li jgħinuna nikbru fil-qdusija u nagħtu frott spiritwali fl-istat partikulari ta’ ħajja tagħna. Forsi din il-konverżjoni “intellettwali” kontinwa mhix meħtieġa daqs il-konverżjoni “morali” biex aħna nistgħu nikbru fil-fidi, niddixxernu s-sinjali taż-żminijiet, u nagħtu s-sehem personali tagħna fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja?

 

Jiena naħseb li għalina lkoll, wieħed mid-diżappunti l-kbar ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, bis-sejħa tiegħu għal sehem akbar fil-missjoni tal-Knisja għad-dinja, kien l-esperjenza tal-firda bejn gruppi differenti, ġenerazzjonijiet differenti, membri differenti tal-istess familja reliġjuża. Nistgħu nimxu ’l quddiem biss jekk indawru ħarsitna flimkien lejn Kristu! Fid-dawl tal-fidi, aħna mbagħad niskopru l-għerf u s-saħħa li neħtieġu biex ninfetħu għal perspettivi ta’ ħsieb li mhux neċessarjament huma bħall-ideat jew l-assunzjonijiet tagħna. Hekk nistgħu nivvalorizzaw il-perspettivi tal-oħrajn, sew jekk ikunu iżgħar jew ikbar minna fl-età, u fl-aħħar mill-aħħar nagħtu widen għal “dak li l-Ispirtu qed jgħid” lilna u lill-Knisja (ara Apok 2:7). B’dan il-mod, nimxu flimkien lejn it-tiġdid spiritwali veru mixtieq mill-Konċilju, tiġdid li lill-Knisja jista’ biss isaħħaħha f’dik il-qdusija u għaqda indipensabbli għax-xandir effettiv tal-Vanġelu fid-dinja tal-lum.

 

Forsi din l-għaqda u viżjoni u sens ta’ skop – b’għeruqhom fil-fidi u fi spirtu ta’ konverżjoni kostanti u sagrifiċċju personali – ma kinux is-sigriet ta’ kif il-Knisja kibret b’mod impressjonanti f’dan il-pajjiż? Biżżejjed naħsbu fil-kisbiet mill-aqwa tas-saċerdot eżemplari Amerikan, il-Venerabbli Michael McGivney, li l-viżjoni u ż-żelu tiegħu wasslu għat-twaqqif tal-Kavallieri ta’ San Kolumba, jew fil-wirt tal-ġenerazzjonijiet ta’ reliġjużi u saċerdoti li fil-kwiet iddedikaw ħajjithom biex jaqdu lill-Poplu ta’ Alla f’għadd kbir ta’ skejjel, sptarijiet u parroċċi.

 

Hawn, fil-kuntest tal-bżonn tagħna ta’ perspettiva mdawla mill-fidi, u ta’ għaqda u koperazzjoni fil-ħidma biex nibnu lill-Knisja, nixtieq ngħid kelma dwar l-abbuż sesswali li kkawża tant tbatija. Diġà kelli l-okkażjoni li nitkellem dwar dan, u dwar il-ħsara li rriżultat għall-komunità tal-fidili. Hawn sempliċiment nixtieq niżgurakom, għeżież saċerdoti u reliġjużi, mill-qrubija spiritwali tiegħi hekk kif qed tħabirku biex twieġbu b’tama Nisranija għall-isfidi kontinwi li tippreżenta din is-sitwazzjoni. Ningħaqad magħkom biex nitlob li dan ikun żmien ta’ tisfija għal kull Knisja u komunità reliġjuża partikulari, u żmien ta’ fejqan. U nħeġġiġkom ukoll biex tikkoperaw mal-Isqfijiet tagħkom li qed ikomplu jaħdmu b’mod effettiv biex isolvu l-kwistjoni. Sidna Ġesù Kristu jagħti lill-Knisja fl-Amerika sens imġedded ta’ għaqda u skop, kif kulħadd – Isqfijiet, kleru, reliġjużi u lajċi – qed jipprova jimxi ’l quddiem fit-tama, fl-imħabba għall-verità u għal xulxin.

 

Għeżież ħbieb, dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni għal osservazzjoni finali dwar dan il-katidral kbir li fih ninsabu. L-għaqda ta’ katidral Gotiku, nafuh dan, mhijiex l-għaqda statika ta’ tempju Klassiku, imma għaqda li titwieled mit-tensjoni dinamika ta’ diversi forzi li jixprunaw l-arkitettura ’l fuq, bid-direzzjoni lejn is-sema. Hawn ukoll, nistgħu nilmħu simbolu tal-għaqda tal-Knisja, li hija l-għaqda – kif qalilna San Pawl – ta’ ġisem ħaj magħmul minn diversi membri differenti, kull wieħed bir-rwol u l-għan tiegħu. Hawn ukoll naraw il-bżonn tagħna li nagħrfu u nirrispettaw id-doni ta’ kull membru tal-ġisem bħala “r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12:7). Ċertament fl-istruttura tal-Knisja li riedha Alla hemm distinzjoni li trid issir bejn id-doni ġerarkiċi u dawk kariżmatiċi (ara Lumen gentium, 4). Imma l-istess varjetà u għana tal-grazzja msawba mill-Ispirtu tistedinna kontinwament biex niddixxernu kif dawn id-doni għandhom jiġu ordnati b’mod tajjeb għall-qadi tal-missjoni tal-Knisja. Intom, għeżież saċerdoti, bl-ordinazzjoni sagramentali sirtu ħaġa waħda ma’ Kristu, ir-Ras tal-Ġisem. Intom, għeżież djakni, ġejtu ordnati għas-servizz ta’ dak il-Ġisem. Intom, għeżież irġiel u nisa reliġjużi, kemm kontemplattivi u kemm appostoliċi, tajtu ħajjitkom biex timxu wara l-Imgħallem divin bi mħabba ġeneruża u devozzjoni sħiħa għall-Vanġelu tiegħu. Intom kollha, li qed timlew dan il-katidral illum, kif ukoll ħutkom irtirati, anzjani u morda, li jgħaqqdu t-talb u s-sagrifiċċji tagħhom mal-ħidmiet tagħkom, intom imsejħin biex tkunu forzi ta’ għaqda fil-Ġisem ta’ Kristu. Bix-xhieda personali tagħkom, u l-fedeltà tagħkom għall-ministeru jew l-appostolat fdat f’idejkom, intom tħejju triq għall-Ispirtu. Għax l-Ispirtu ma jehda qatt isawwab id-doni kotrana tiegħu, iqanqal vokazzjonijiet u missjonijiet ġodda, u jmexxi lill-Knisja, kif wiegħed il-Mulej fil-Vanġelu ta’ dalgħodu, għall-milja tal-verità (ara Ġw 16:13).

 

Mela ejjew nerfgħu ħarsitna ’l fuq! U b’umiltà u fiduċja kbira, ejjew nitolbu lill-Ispirtu jagħtina ta’ kuljum li nikbru fil-qdusija li tagħmel minna ġebel ħaj fit-tempju li llum ukoll qed jibni f’din id-dinja tagħna. Jekk irridu nkunu forzi veri ta’ għaqda, ejjew inkunu minn tal-ewwel li nfittxu r-rikonċiljazzjoni interna permezz tal-penitenza. Ejjew naħfru d-deni li ġarrabna u nwarrbu kull rabja u tilwim. Ejjew inkunu minn ta’ quddiem li nuru l-umiltà u s-safa tal-qalb meħtieġa biex naslu għall-ġmiel tal-verità ta’ Alla. B’fedeltà lejn id-depożitu tal-fidi fdat lill-Appostli (ara 1 Tim 6:20), ejjew inkunu xhieda hienja tal-qawwa tal-Vanġelu li kapaċi ġġib il-bidla!

 

Għeżież ħuti, fl-aqwa tradizzjonijiet tal-Knisja f’dan il-pajjiż, jalla intom ukoll tkunu l-ewwel ħabib tal-fqir, dak li m’għandux dar, il-barrani, il-mard u dawk kollha li qed ibatu. Kunu raġġi ta’ tama, u wasslu d-dawl ta’ Kristu fid-dinja, ħeġġu liż-żgħażagħ jiskopru l-ġmiel ta’ ħajja mogħtija kollha kemm hi għall-Mulej u għall-Knisja tiegħu. Qed nagħmel din it-talba b’mod partikulari lill-ħafna seminaristi u reliġjużi żgħar preżenti. Intom ilkoll għandkom post speċjali fil-qalb tiegħi. Qatt tinsew li intom imsejħin tkomplu, bl-entużjażmu u l-ferħ li takom l-Ispirtu, ħidma li bdew oħrajn, wirt li jum wieħed intom ukoll għad tridu tgħadduh lil ġenerazzjoni ġdida. Aħdmu b’ġenerożità u bil-ferħ, għax dak li qed taqdu hu l-Mulej!

 

Il-kampnari tal-Katidral ta’ San Patrizju huma mitfija mill-binjiet għoljin tax-xefaq ta’ Manhattan, imma fil-qalba ta’ din il-metropoli bieżla, huma tfakkira ħajja tax-xenqa kostanti tal-ispirtu uman li jintrefa’ lejn Alla. Aħna u niċċelebraw din l-Ewkaristija, ejjew irroddu ħajr lill-Mulej li qed jagħtina li nsiru nafuh fil-komunjoni tal-Knisja, biex nikkoperaw fil-bini tal-Ġisem Mistiku tiegħu, u biex inwasslu l-Kelma feddejja tiegħu bħala bxara tajba lill-bnedmin ta’ żmienna. U meta nħallu din il-knisja kbira, ejjew noħorġu bħala ħabbara ta’ tama f’nofs il-belt, u f’dawk il-postijiet kollha fejn il-grazzja ta’ Alla qegħditna. B’dan il-mod, il-Knisja fl-Amerika tidħol f’rebbiegħa ġdida tal-Ispirtu, u turi t-triq għal dik il-belt l-oħra u ikbar, Ġerusalemm il-ġdida, li d-dawl tagħha hu l-Ħaruf (Apok 21:23). Għax hemm Alla issa wkoll qed iħejji għall-popli kollha ikla ta’ festa ta’ ferħ u ħajja bla tmiem. Amen.

 

Kelmtejn spontajni mill-Papa fi tmiem il-quddiesa:

 

Bħalissa nista’ biss nirringrazzjakom ta’ mħabbitkom għall-Knisja u għall-Mulej, u tal-imħabba li qed turu lejn is-Suċċessur fqajjar ta’ San Pietru. Se nipprova nagħmel kulma nista’ biex inkun suċċessur denn tal-Appostlu kbir, li kien ukoll bniedem li żbalja u dineb, imma fl-aħħar mill-aħħar baqa’ l-blata għall-Knisja. U għalhekk jiena wkoll, bil-faqar spiritwali kollu tiegħi, nista’ nkun għal dan iż-żmien, bil-grazzja tal-Mulej, is-Suċċessur ta’ Pietru.

 

Huma wkoll it-talbiet u l-imħabba tagħkom li jagħtuni ċ-ċertezza li l-Mulej se jgħinni f’dan il-ministeru tiegħi. Għalhekk jiena grat ħafna lejn l-imħabba u t-talb tagħkom. It-tweġiba tiegħi issa għal dak kollu li tajtuni f’din iż-żjara hi l-barka tiegħi, li nagħtikom fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa.

 

 

miġjuba mil-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard