Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Jannar 2008

 

Santu Wistin

III: It-tagħlim. Fidi u raġuni

 

Għeżież ħuti,

 

Wara l-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara nerġgħu lura llum għall-figura kbira ta’ Santu Wistin. Fl-1986, jiġifieri fis-sittax-il ċentinarju tal-konverżjoni tiegħu, l-għażiż Predeċessur tiegħi Ġwanni Pawlu II iddedikalu dokument twil u profond, l-Ittra appostolika Augustinum Hipponensem. Il-Papa nnifsu xtaq jiddefinixxi dan it-test bħala “radd ta’ ħajr lil Alla għad-don li għamel lill-Knisja, u permezz tagħha lill-umanità sħiħa, b’dik il-konverżjoni tal-għaġeb” (AAS, 74, 1982, p. 802). Dwar it-tema tal-konverżjoni nixtieq nerġa’ lura f’Udjenza oħra. Hija tema fundamentali mhux biss għall-ħajja personali tiegħu, imma anki għal dik tagħna. Fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda l-Mulej innifsu ġabar il-predikazzjoni tiegħu fil-kelma: “Indmu”. Jekk nimxu fuq il-passi ta’ Santu Wistin, nistgħu nimmeditaw x’inhi din il-konverżjoni: hija ħaġa definittiva, deċiżiva, imma d-deċiżjoni fundamentali jeħtieġ tiżviluppa, jeħtieġ isseħħ f’ħajjitna kollha.

 

Imma l-katekeżi tal-lum hi ddedikata lit-tema fidi u raġuni, li hija tema determinanti, jew aħjar, it-tema determinanti għall-bijografija ta’ Santu Wistin. Sa minn tfulitu kien tgħallem mingħand ommu Monika l-fidi Kattolika. Imma ta’ adolexxent kien telaq din il-fidi, għax ma setax jara iżjed ebda raġuni fiha u ma riedx reliġjon li ma tkunx għalih ukoll espressjoni tar-raġuni, jiġifieri tal-verità. L-għatx tiegħu għall-verità kien hekk qawwi u għalhekk wasslu biex jitbiegħed mill-fidi Kattolika. Imma tant kienet qawwija r-radikalità tiegħu li ma setax jikkuntenta ruħu b’filosofiji li ma kinux jaslu għall-verità nfisha, li ma kinux jaslu sa Alla. U sa Alla li ma kienx biss l-aħħar ipoteżi kożmoloġika, imma li kien il-veru Alla, Alla li jagħti l-ħajja u li jidħol fl-istess ħajja tagħna. Hekk il-mixja kollha intellettwali u spiritwali ta’ Santu Wistin hija mudell validu anki llum fir-relazzjoni bejn fidi u raġuni, tema mhux biss għal dawk li jemmnu, imma għal kull bniedem li qed ifittex il-verità, tema ċentrali għall-bilanċ u d-destin ta’ kull bniedem. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet, fidi u raġuni, la għandna nifirduhom minn xulxin u lanqas inpoġġuhom kontra xulxin, imma pjuttost għandhom dejjem imorru flimkien. Kif kiteb Wistin innifsu wara l-konverżjoni tiegħu, fidi u raġuni huma “ż-żewġ qawwiet li jwassluna għall-għarfien” (Kontra l-Akkademiċi III,20,43). Dwar dan ġustament jibqgħu ċelebri ż-żewġ formuli Agostinjani (Sermones 43,9) li jesprimu din is-sinteżi koerenti bejn fidi u raġuni: crede ut intelligas (“emmen biex tifhem”) – it-twemmin jiftaħ it-triq biex nirfsu l-għatba tal-verità –, imma anki, u din ma nifirduhiex minn ta’ qabilha, intellige ut credas (“ifhem biex temmen”) – għarbel il-verità biex tista’ ssib lil Alla u temmen.

 

Iż-żewġ stqarrijiet ta’ Wistin jesprimu b’immedjatezza effikaċi u daqstant ieħor bi profondità s-sinteżi ta’ din il-problema, li fiha l-Knisja Kattolika tilmaħ espressa l-istess mixja tagħha. Storikament din is-sinteżi ssawret, sa minn qabel il-miġja ta’ Kristu, fil-laqgħa bejn il-fidi Lhudija u l-ħsieb Grieg fil-Ġudaiżmu Ellenistiku. Imbagħad iktar tard fl-istorja din is-sinteżi reġgħu qabduha u żviluppawha bosta ħassieba Nsara. L-armonija bejn fidi u raġuni tfisser fuq kollox li Alla mhuwiex imbiegħed: mhuwiex imbiegħed mir-raġuni tagħna u mill-ħajja tagħna; jinsab qrib ta’ kull bniedem, qrib tal-qalb tagħna u qrib tar-raġuni tagħna, jekk tassew nibdew mexjin.

 

Proprju din il-qrubija ta’ Alla lejn il-bniedem Wistin ħassha b’intensità straordinarja. Il-preżenza ta’ Alla fil-bniedem hi profonda u fl-istess waqt misterjuża, imma nistgħu nagħrfuha u niskopruha fil-ġewwieni tagħna: ma hemmx bżonn tmur barra minnek innifsek – jafferma l-ikkonvertit – għax din “terġa’ lura fik stess; fil-bniedem ta’ ġewwa tgħammar il-verità; u jekk issib li n-natura tiegħek tinbidel, ittraxxendi lilek innifsek. Imma ftakar, meta tittraxxendi lilek innifsek, li int qed tittraxxendi ruħ li tirraġuna. Ilħaq, mela, hemm fejn jixgħel id-dawl tar-raġuni” (Ir-reliġjon vera 39,72). Proprju kif hu stess jisħaq, bi stqarrija famużissma, fil-bidu tal-Istqarrijiet, awtobijografija spiritwali miktuba b’tifħir lil Alla: “Int għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik” (I,1,1).

 

Min jitbiegħed minn Alla, allura, ikun jitbiegħed minnu nnifsu. Wistin idur direttament fuq Alla (Stqarrijiet III,6,11) u jirrikonoxxi: “Inti kont fija aktar ’il ġewwa minn dak li hu l-iżjed ġewwieni ġo fija”, interior intimo meo et superior summo meo; waqt li f’parti oħra jżid huwa u jiftakar fiż-żmien ta’ qabel il-konverżjoni tiegħu: “Int kont quddiemi, imma jiena tbegħidt minni nnifsi u ma stajtx nerġa’ nsib lili nnifsi: wisq inqas stajt insib lilek!” (Stqarrijiet V,2,2). Proprju għaliex Wistin għex hu nnifsu din il-mixja intellettwali u spiritwali, għaraf ifissirha fl-opri tiegħu b’tant immedjatezza, profondità u għerf, u f’żewġ siltiet oħra ċelebri tal-Istqarrijiet (IV,4,9, u 14,22) jagħraf kif il-bniedem hu “kwistjoni” għalih innifsu (magna quæstio) u “għammieq bla qiegħ” (grande profundum), enigma u abbiss li Kristu biss jista’ jdawwal u jsalva. Dan hu importanti: il-bniedem li hu bogħod minn Alla hu bogħod ukoll minnu nnifsu, aljenat minnu nnifsu, u jista’ jerġa’ jsib lilu nnifsu biss xħin jiltaqa’ ma’ Alla. Hekk jasal ukoll għalih innifsu, għall-veru jien tiegħu, għall-identità vera tiegħu.

 

Il-bniedem – jisħaq imbagħad Wistin fid-De civitate Dei (Il-belt ta’ Alla XII,27) – huwa soċjali min-natura tiegħu imma antisoċjali b’vizzju, u hu salvat minn Kristu, medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin u “triq universali tal-ħelsien u tas-salvazzjoni”, kif tenna l-predeċessur tiegħi Ġwanni Pawlu II (Augustinum Hipponensem, 21): ’il barra minn din it-triq, li l-ġeneru uman dejjem sab quddiemu – jistqarr mill-ġdid Wistin fl-istess opra – “qatt ħadd ma ġie meħlus, ħadd ma jiġi meħlus, ħadd mhu sa jiġi meħlus” (Il-belt ta’ Alla X,32,2). Bħala medjatur waħdieni tas-salvazzjoni, Kristu hu r-ras tal-Knisja u magħha hu magħqud b’mod mistiku, sal-punt li Wistin jista’ jistqarr: “Aħna sirna Kristu. Fil-fatt jekk huwa r-ras, u aħna l-membri ta’ ġismu, il-bniedem sħiħ huwa hu u mhux aħna” (Kummentarju għall-Vanġelu ta’ Ġwanni 21,8).

 

Poplu ta’ Alla u dar ta’ Alla, il-Knisja fil-viżjoni ta’ Wistin hija għalhekk marbuta strettament mal-kunċett ta’ Ġisem ta’ Kristu, imsejjes fuq il-qari mill-ġdid f’dawl Kristoloġiku tat-Testment il-Qadim u fuq il-ħajja sagramentali bl-Ewkaristija fiċ-ċentru tagħha, li fiha l-Mulej jagħtina Ġismu u jibdilna f’Ġismu. Għalhekk huwa fundamentali li l-Knisja, poplu ta’ Alla fis-sens Kristoloġiku u mhux fis-sens soċjoloġiku, tkun tassew imdaħħla fi Kristu, li – jistqarr Wistin f’paġna mill-isbaħ li kiteb – “jitlob għalina, jitlob fina, u hu stess jintalab minna; jitlob għalina bħala l-qassis tagħna, jitlob fina bħala r-ras tagħna, hu mitlub minna bħala Alla tagħna. Nagħrfu mela l-ilħna tagħna fih u l-ilħna tiegħu fina” (Espożizzjoni fuq is-Salmi 85,1).

 

Fl-għeluq tal-Ittra appostolika Augustinum Hipponensem Ġwanni Pawlu II ried jistaqsi lill-istess qaddis x’għandu x’jgħid lill-bnedmin tal-lum, u jwieġeb qabelxejn bil-kelmiet li Wistin fada lil ittra ddettata ftit wara l-konverżjoni tiegħu: “Fil-fehma tiegħi l-bnedmin għandhom jitreġġgħu lura għat-tama li jsibu l-verità” (Ep. 1,1); dik il-verità li hu Kristu nnifsu, Alla veru, li lilu jagħmel waħda mill-isbaħ u l-aktar talbiet famużi tal-Istqarrijiet (X,27,38): “Domt ma ħabbejtek, ġmiel hekk antik u hekk ġdid, domt ma ħabbejtek! U ara, inti kont ġewwa fija u jiena barra minni nnifsi. Fittixtek barra, meta fil-kruha tiegħi nxtħett fuq il-ġmiel tal-ħlejjaq tiegħek. Int kont miegħi, iżda jien ma kontx miegħek. Żammewni ’l bogħod minnek il-ħwejjeġ li ma kinux jeżistu kieku ma jeżistux fik. Inti sejjaħtli, u l-għajta tiegħek fetħitli widnejja torox; id-dawl tiegħek leħħ u idda fuqi, u keċċa l-għama tiegħi; int xerridt il-fwieħa tiegħek li daħlet fi mnifsejja, u issa nixtieqek; doqt tjubitek, u issa jien ġewħan u għatxan għalik; missejtni, u sirt imħeġġeġ għas-sliem tiegħek”.

 

Araw, Wistin iltaqa’ ma’ Alla u għamel esperjenza tiegħu tul ħajtu kollha, tant li din ir-realtà – li hi qabelxejn laqgħa ma’ Persuna, Ġesù – bidlitlu ħajtu, kif tibdel dik ta’ dawk kollha, irġiel u nisa, li f’kull żmien ikollhom il-grazzja li jiltaqgħu miegħu. Nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-grazzja u hekk ilaqqagħna mas-sliem tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard