Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 29 ta’ Diċembru 2010

 

Santa Katerina ta’ Bologna

 

Għeżież ħuti,

 

F’katekeżi riċenti tkellimt fuq Santa Katerina ta’ Siena. Illum nixtieq nippreżentalkom qaddisa oħra, inqas magħrufa, li ġġib l-istess isem: Santa Katerina ta’ Bologna, mara ta’ kultura vasta, imma umli ħafna; mogħtija għat-talb, imma dejjem lesta biex taqdi; ġeneruża fis-sagrifiċċju, imma mimlija bil-ferħ biex ma’ Kristu tilqa’ s-salib.

 

Twieldet Bologna fit-8 ta’ Settembru 1413, l-ewwel wild ta’ Benvenuta Mammolini u ta’ Giovanni de’ Vigri, patrizju sinjur u kolt minn Ferrara, Duttur fil-Liġi u Lettur pubbliku f’Padova, fejn kien jiżvolġi attività diplomatika għal Niccolò III ta’ Este, markiż ta’ Ferrara. It-tagħrif fuq it-tfulija u l-adolexxenza ta’ Katerina hu skars u mhux għalkollox ċert. Bħala tifla żgħira għexet Bologna, fid-dar tan-nanniet; hawn ġiet edukata minn qrabatha, fuq kollox minn ommha, mara ta’ fidi kbira. Magħha marret Ferrara meta kellha xi għaxar snin u daħlet fil-qorti rjali ta’ Niccolò III ta’ Este bħala damiġella tal-unur ta’ Margerita, bint naturali ta’ Niccolò. Il-markiż kien qed jibdel lil Ferrara f’belt mill-isbaħ, u beda jsejjaħ hemm artisti u letterati minn diversi pajjiżi. Ippromova l-kultura u, anki jekk il-ħajja privata li kien jgħix ma kinitx eżamplari, ħa ħsieb ħafna tal-ġid spiritwali, l-imġiba morali u l-edukazzjoni tas-sudditi tiegħu.

 

F’Ferrara Katerina ma naffruhiex l-aspetti negattivi, li spiss kienet iġġib magħha l-ħajja fil-qorti rjali; kienet tgawdi mill-ħbiberija ta’ Margerita u saret ħabiba tal-qalb tagħha; stagħniet fil-kultura tagħha: studjat il-mużika, il-pittura, iż-żfin; tgħallmet tikteb il-poeżija, tinseġ xogħlijiet letterarji, u ddoqq il-vjola; saret esperta fl-arti tal-minjatura u tal-kopjatura; ipperfezzjonat l-istudju tal-Latin. Fil-ħajja monastika futura kellha tagħti valur kbir lill-wirt kulturali u artistiku li kienet kisbet f’dawn is-snin. Kienet titgħallem malajr, b’passjoni u b’determinazzjoni; uriet prudenza kbira, modestja, grazzja u ġentilezza singulari fl-imġiba tagħha. Imma kien hemm karatteristika li kienet tagħżilha b’mod assolutament ċar: l-ispirtu tagħha kontinwament ħsiebu fil-ħwejjeġ tas-Sema. Fl-1427, ta’ 14-il sena biss, anki wara li seħħu ċerti ġrajjiet fil-familja, Katerina ddeċidiet li tħalli l-qorti rjali, biex tingħaqad ma’ grupp ta’ xebbiet ġejjin minn familji nobbli li riedu jgħixu ħajja komuni flimkien u jikkonsagraw ruħhom lil Alla. Ommha, b’fidi, tatha l-kunsens tagħha, imqar jekk kellha pjanijiet oħra għaliha.

 

Ma nafux x’kienet il-mixja spiritwali ta’ Katerina qabel din l-għażla. Hi tistqarr – tikteb fit-tielet persuna – li daħlet għas-servizz ta’ Alla “mdawla mill-grazzja divina […] b’kuxjenza retta u ħeġġa kbira”, ħerqana lejl u nhar għat-talb imqaddes, tħabrek biex tikseb il-virtujiet kollha li kienet tilmaħ f’oħrajn, “mhux b’għira, imma biex togħġob aktar lil Alla li fih kienet qiegħdet imħabbitha kollha” (Is-seba’ armi spiritwali, VII, 8, Bologna 1998, p. 12). Wieħed seta’ jinnota l-progressi spiritwali tagħha f’din il-fażi ġdida tal-ħajja, imma kbar u terribbli wkoll kienu l-provi li għaddiet minnhom, it-tbatijiet interjuri, fuq kollox it-tiġrib tax-xitan. Għaddiet minn kriżi spiritwali qawwija sal-punt tad-disperazzjoni (ara ibid., VII, p. 12-29). Daqet il-lejl tal-ispirtu, mifnija wkoll mit-tentazzjoni tan-nuqqas ta’ fidi fl-Ewkaristija. Wara tant tbatija, il-Mulej farraġha: f’viżjoni taha l-għarfien ċar tal-preżenza reali tiegħu fl-Ewkaristija, għarfien hekk imdawwal li Katerina ma rnexxilhiex tesprimih bil-kliem (ara ibid., VIII, 2, p. 42-46). Fl-istess perjodu ħabtet prova ta’ tbatija fuq il-komunità: qamu tensjonijiet bejn min ried isegwi l-ispiritwalità Agostinjana u min kien iżjed orjentat lejn l-ispiritwalità Franġiskana.

 

Bejn l-1429 u l-1430 ir-responsabbli tal-grupp, Lucia Mascheroni, qatgħetha li twaqqaf monasteru Agostinjan. Imma Katerina, flimkien ma’ oħrajn, għażlet li tintrabat mar-regola ta’ Santa Kjara ta’ Assisi. Kien don tal-Providenza, għax il-komunità kienet tgħix qrib il-Knisja ta’ Santu Spirtu maġenb il-kunvent tal-Patrijiet Minuri li mxew mal-moviment tal-Osservanza. Hekk Katerina u sħabha setgħu jieħdu sehem b’mod regolari fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u jirċievu l-għajnuna spiritwali meħtieġa. Ferħu wkoll li setgħu jisimgħu l-predikazzjoni ta’ San Bernardinu ta’ Siena (ara ibid., VII, 62, p. 26). Katerina tirrakkonta li, fl-1429 – it-tielet sena mill-konverżjoni tagħha – marret tqerr għand wieħed mill-Patrijiet Minuri li kienet tirrispetta ħafna, għamlet qrara tajba u talbet intensament lill-Mulej biex jagħtiha l-maħfra ta’ dnubietha kollha u tal-piena marbuta magħhom. Alla f’viżjoni wrieha li kien ħafrilha kollox. Kienet esperjenza qawwija ħafna tal-ħniena divina, li mmarkatha għal dejjem, u tatha ħeġġa ġdida biex twieġeb b’ġenerożità għall-imħabba bla tarf ta’ Alla (ara ibid., IX, 2, p. 46-48).

 

Fl-1431 kellha viżjoni tal-ġudizzju finali. Ix-xena tal-biża’ tal-indannati qanqlitha biex titlob iktar bil-qawwa u tagħmel iżjed penitenzi għas-salvazzjoni tal-midinbin. Id-demonju kompla jħabbatha u hi ntreħiet b’mod dejjem iżjed sħiħ f’idejn il-Mulej u l-Verġni Marija (ara ibid., X, 3, p. 53-54). Fil-kitbiet tagħha, Katerina ħalliet xi noti essenzjali dwar din it-taqbida misterjuża, li minnha ħarġet rebbieħa bil-grazzja ta’ Alla. Dan għamlitu biex tgħallem lil ħutha s-sorijiet u lil dawk li xtaqu jimxu fit-triq tal-perfezzjoni: riedet tiftħilhom għajnejhom għat-tentazzjonijiet tad-demonju, li spiss jinħeba wara dehriet qarrieqa, biex imbagħad jinsinwa dubji ta’ fidi, inċertezzi vokazzjonali, senswalitajiet.

 

Fit-trattat awtobijografiku u mimli tagħlim, Is-seba’ armi spiritwali, Katerina dwar hekk offriet tagħlim ta’ għerf kbir u ta’ dixxerniment profond. Titkellem fit-tielet persuna biex tirrakkonta l-grazzji straordinarji li l-Mulej taha u fl-ewwel persuna fl-istqarrija ta’ dnubietha. Mill-kitbiet tagħha joħorġu s-safa tal-fidi f’Alla, l-umiltà profonda, is-sempliċità tal-qalb, il-ħeġġa missjunarja, il-passjoni għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Tindividwa seba’ armi fil-ġlieda kontra l-ħażen, kontra x-xitan: 1. nieħdu ħsieb u naraw li nagħmlu dejjem it-tajjeb; 2. nemmnu li waħidna ma nistgħu qatt nagħmlu xi ħaġa verament tajba; 3. nafdaw f’Alla u, għal imħabbtu, ma nibżgħu qatt mill-battalja kontra l-ħażen, sew fid-dinja, sew fina nfusna; 4. nimmeditaw ta’ sikwit il-ġrajjiet u l-kelmiet tal-ħajja ta’ Ġesù, fuq kollox il-passjoni u l-mewt tiegħu; 5. niftakru li rridu mmutu; 6. inżommu fissa fi ħsiebna l-memorja tal-ġid tal-Ġenna; 7. inkunu familjari mal-Iskrittura Mqaddsa, inġorruha dejjem fil-qalb tagħna biex torjenta l-ħsibijiet u l-azzjonijiet kollha. Programm mill-isbaħ ta’ ħajja spiritwali, anki llum, għal kull wieħed u waħda minna!

 

Fil-kunvent, Katerina, minkejja li kienet imdorrija fil-qorti rjali ta’ Ferrara, wettqet ħidmiet ta’ ħassiela, ħajjata, furnara, u kienet tieħu ħsieb l-annimali. Kollox kienet tagħmel, imqar l-iktar ħidmiet baxxi, bi mħabba u b’ubbidjenza pronta, u hekk offriet lil ħutha s-sorijiet xhieda l-aktar imdawla. Fil-fatt, fid-diżubbidjenza hi kienet tara dik il-kburija spiritwali li teqred kull virtù oħra. B’ubbidjenza laqgħet l-uffiċċju ta’ majjistra tan-novizzi, minkejja li ma kinitx tħossha kapaċi tiżvolġi l-inkarigu, u Alla kompla jħeġġiġha bil-preżenza tiegħu u d-doni tiegħu: fil-fatt, kienet għalliema għarfa u apprezzata.

 

Wara dan, ġiet fdata bis-servizz tal-parlatorju. Swielha li kellha spiss tinterrompi t-talb biex twieġeb għall-persuni li kienu jippreżentaw ruħhom wara l-grada tal-monasteru, imma din id-darba wkoll il-Mulej ma naqasx li jżurha u jkun qrib tagħha. Magħha l-monasteru dejjem sar iżjed post ta’ talb, ta’ offerta, ta’ skiet, ta’ taħbit u ta’ ferħ. Mal-mewt tal-badessa, is-superjuri minnufih tefgħu għajnejhom fuqha, imma Katerina ħeġġithom iduru fuq il-Klarissi ta’ Mantova, iżjed istruwiti fil-kostituzzjonijiet u fl-osservanzi reliġjużi. Imma ftit tas-snin wara, fl-1456, il-monasteru tagħha ġie mitlub joħloq fondazzjoni ġdida f’Bologna. Katerina kienet tippreferi tgħaddi l-aħħar jiem ta’ ħajjitha f’Ferrara, imma l-Mulej dehrilha u talabha twettaq ir-rieda ta’ Alla u tmur Bologna bħala badessa. Bdiet tħejji ruħha għall-impenn il-ġdid bis-sawm, id-dixxiplini u l-penitenzi. Marret Bologna flimkien ma’ 18-il soru oħra. Bħala superjura kienet l-ewwel waħda fit-talb u fil-qadi; kienet tgħix b’umiltà u faqar mill-akbar. Meta ntemmu t-tliet snin ta’ badessa kienet lesta bil-ferħ kollu li ċċedi postha lil ħaddieħor, imma wara sena kellha terġa’ tidħol għal din il-ħidma, għax l-eletta l-ġdida tilfet id-dawl ta’ għajnejha. Imqar jekk bi tbatija u b’mard serju jitturmentawha, wettqet is-servizz tagħha b’ġenerożità u dedikazzjoni.

 

Għal sena oħra kompliet teżorta lil ħutha s-sorijiet għall-ħajja evanġelika, għas-sabar u biex jibqgħu sħaħ fit-tiġrib, għall-imħabba fraterna, għall-għaqda mal-Għarus divin, Ġesù, biex hekk iħejju d-dota tagħhom għat-tieġ etern. Dota li Katerina kienet taraha msarrfa f’li wieħed ikollu l-ħila jaqsam fit-tbatijiet ta’ Kristu, u jaffronta, b’serenità, niket, tbatijiet, żebliħ, inkomprensjonijiet (ara Is-seba’ armi spiritwali, X, 20, p. 57-58). Fil-bidu tal-1463 il-mard iggrava; iltaqgħet ma’ ħutha s-sorijiet għall-aħħar darba fil-Kapitlu, biex tħabbrilhom mewtha u tirrakkomandalhom l-osservanza tar-regola. Lejn tmiem Frar ġiet milquta minn tbatijiet qawwija li baqgħu ma ħallewhiex, imma kienet hi li tfarraġ lis-sorijiet f’din it-tbatija, u tiżgurahom li se tibqa’ tgħinhom anki mis-Sema. Wara li rċiviet l-aħħar Sagramenti, tat lill-konfessur tagħha l-kitba Is-seba’ armi spiritwali u daħlet fl-agunija; wiċċha deher sabiħ u jixgħel bid-dawl; xeħtet mill-ġdid bi mħabba ħarsitha fuq dawk li kellha madwarha u bi ħlewwa kbira tat l-aħħar nifsijiet tagħha, hija u tlissen għal tliet darbiet l-isem ta’ Ġesù: kien id-9 ta’ Marzu 1463 (ara I. Bembo, Specchio di illuminazione. Vita di S. Caterina a Bologna, Firenze 2001, cap. III). Katerina ġiet ikkanonizzata mill-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712. Il-belt ta’ Bologna, fil-kappella tal-Monasteru tal-Corpus Domini, tgħożż intatt il-ġisem tagħha.

 

Għeżież ħbieb, Santa Katerina ta’ Bologna, bi kliemha u b’ħajjitha, hija stedina qawwija biex inħallu lil Alla dejjem imexxina, biex inwettqu ta’ kuljum ir-rieda tiegħu, imqar jekk spiss ma tkunx taqbel mal-pjanijiet tagħna, biex nafdaw fil-Providenza tiegħu li qatt ma titlaqna waħidna. F’din il-perspettiva, Santa Katerina titkellem magħna; mill-bogħod ta’ tant sekli, hi xorta waħda moderna ħafna, u tkellem lil ħajjitna. Bħalna sofriet it-tentazzjonijiet, sofriet it-tentazzjonijiet tan-nuqqas ta’ fidi, tas-senswalità, ta’ taqbida diffiċli, spiritwali. Ħassitha abbandunata minn Alla, sabet ruħha fid-dalma tal-fidi. Imma f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha dejjem żammet f’id Alla, ma telqitux, ma abbandunatux. U miexja idha f’id il-Mulej, kienet fit-triq it-tajba u sabet it-triq tad-dawl. Hekk, qed tgħid lilna wkoll: kuraġġ, imqar fil-lejl tal-fidi, imqar f’tant dubji li jista’ jkollok, titlaqx id il-Mulej, imxi b’idek f’idu, emmen fit-tjieba ta’ Alla; hekk ifisser timxi fit-triq it-tajba! U nixtieq nagħfas fuq aspett ieħor, dak tal-umiltà kbira tagħha: kienet persuna li ma riedet b’ebda mod tkun xi ħadd jew xi ħaġa; ma riditx tidher; ma riditx tmexxi. Riedet taqdi, tagħmel ir-rieda ta’ Alla, tkun għall-qadi tal-oħrajn. U proprju għalhekk Katerina kienet kredibbli fl-awtorità, għax kulħadd seta’ jara kif għaliha l-awtorità kienet eżattament li taqdi lill-oħrajn. Nitolbu lil Alla, għall-interċessjoni tal-qaddisa tagħna, id-don li nwettqu l-pjan tiegħu għalina, b’kuraġġ u qalb miftuħa, biex ikun hu biss il-blata samma li fuqha tinbena ħajjitna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard