Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ April 2009

 

San Ġermanu ta’ Kostantinopli

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Patrijarka Ġermanu ta’ Kostantinopli, li dwaru nixtieq nitkellem illum, mhuwiex wieħed mill-figuri l-iżjed rappreżentattivi tad-dinja Nisranija Orjentali ta’ lingwa Griega u madankollu ismu jidher b’ċerta solennità fil-lista tad-difensuri l-kbar tax-xbihat imqaddsa, imxandra fit-Tieni Konċilju ta’ Nicea, is-seba’ wieħed ekumeniku (787). Il-Knisja Griega tiċċelebra l-festa tiegħu fil-liturġija tat-12 ta’ Mejju. Hu kellu rwol sinifikattiv fl-istorja mqallba tal-ġlieda għax-xbihat, fl-hekk imsejħa kriżi ikonoklasta: għaraf jirreżisti b’mod effettiv għall-pressjonijiet ta’ Imperatur ikonoklasta, jiġifieri li ħadha kontra l-ikoni, kif kien Ljun III.

 

Tul il-patrijarkat ta’ Ġermanu (715-730), il-kapitali tal-Imperu Biżantin, Kostantinopli, ġarrbet assedju perikoluż ħafna min-naħa tas-Saraċini. F’dik l-okkażjoni (717-718) ġiet organizzata purċissjoni solenni fil-belt bl-ostensjoni tax-xbieha ta’ Omm Alla, it-Theotokos, u tar-relikwa tas-Salib Imqaddes, biex isejħu mill-Għoli l-għajnuna fid-difiża tal-belt. Fil-fatt, Kostantinopli ġiet meħlusa mill-assedju. L-avversarji qatgħuha li jċedu għal dejjem l-idea li jwaqqfu l-kapitali tagħhom fil-belt simbolu tal-Imperu Nisrani, u r-rikonoxxenza tal-poplu għall-għajnuna divina kienet tassew kbira.

 

Il-Patrijarka Ġermanu, wara dakinhar, ikkonvinċa ruħu li l-intervent ta’ Alla kellu jitqies bħala approvazzjoni ċara tad-devozzjoni li wera l-poplu lejn l-ikoni mqaddsa. Ta’ fehma kompletament differenti kien l-Imperatur Ljun III, li proprju minn dik is-sena (717) ħa l-insedjament bħala Imperatur indiskuss fil-kapitali, fejn saltan sas-741. Wara li Kostantinopli ġiet meħlusa u wara sejre ta’ rebħiet oħra, l-Imperatur Nisrani beda juri dejjem iżjed fil-miftuħ il-konvinzjoni tiegħu li l-konsolidament tal-Imperu kellu jibda proprju minn ordinament ġdid tal-manifestazzjonijiet tal-fidi, b’riferiment partikulari għar-riskju ta’ idolatrija li għalih, skont hu, il-poplu kien espost minħabba l-qima żejda lill-ikoni.

 

Ta’ xejn ma swew it-talbiet tal-Patrijarka Ġermanu li fakkru fit-tradizzjoni tal-Knisja u fl-effikaċja effettiva ta’ xi xbihat, li kienu unanimament rikonoxxuti bħala ‘mirakolużi’. L-Imperatur iktar u iktar ma riedx jiċċaqlaq mit-twettiq tal-proġett tiegħu ta’ restawrazzjoni, li bih ried jeqred l-ikoni. U meta fis-7 ta’ Jannar 730 hu ħa pożizzjoni miftuħa f’laqgħa pubblika kontra l-qima tal-ikoni, Ġermanu ma ried bl-ebda mod ibaxxi rasu għar-rieda tal-Imperatur fuq kwistjonijiet li hu kien iħoss li huma determinanti għall-fidi ortodossa, li fil-fehma tiegħu lilha kien jappartieni l-kult, l-imħabba għax-xbihat. B’konsegwenza ta’ dan Ġermanu kellu jirriżenja minn Patrijarka, u kkundanna lilu nnifsu għall-eżilju f’monasteru fejn miet minsi ftit jew wisq minn kulħadd. Ismu reġa’ tfaċċa appuntu fl-okkażjoni tat-Tieni Konċilju ta’ Nicea (787), meta l-Padri ortodossi qatgħuha favur l-ikoni, u hekk irrikonoxxew il-merti ta’ Ġermanu.

 

Il-Patrijarka Ġermanu kien jikkura ħafna ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u, għal xi żmien, tqies ukoll bħala dak li waqqaf il-festa tal-Akatistos. Kif nafu, l-Akatistos hu innu antik u famuż li nibet fid-dinja Biżantina u hu ddedikat lit-Theotokos, l-Omm ta’ Alla. Minkejja li minn lenti teoloġika ma tistax tikkwalifika lil Ġermanu bħala xi ħassieb kbir, xi opri tiegħu kellhom ċerta riżonanza fuq kollox minħabba xi intuwizzjonijiet tiegħu fuq il-Marjoloġija. Fil-fatt, inżammu tiegħu diversi omeliji ta’ tema Marjana u xi wħud minnhom immarkaw bil-kbir id-devozzjoni ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ fidili kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent. Il-ġmiel ta’ Omeliji fuq il-Preżentazzjoni ta’ Marija fit-Tempju huma xhieda ħajja sal-lum tat-tradizzjoni mhux miktuba tal-Knejjes Insara. Ġenerazzjonijiet ta’ monaċi u ta’ membri ta’ għadd bla qies ta’ Isitituti ta’ Ħajja Kkonsagrata għadhom sal-lum isibu f’dawn it-testi teżori l-aktar prezzjużi ta’ spiritwalità.

 

Għadhom jiġbdu l-istagħġib sal-lum xi testi Marjoloġiċi ta’ Ġermanu li jagħmlu parti mill-omeliji li saru In SS. Deiparæ dormitionem, festa li tikkorrispondi mal-festa tagħna tal-Assunzjoni ta’ Marija. Fost dawn it-testi l-Papa Piju XII silet wieħed li daħal bħala ġawhra prezzjuża fil-Kostituzzjoni appostolika Munificentissimus Deus (1950), li biha ddikjara domma tal-fidi l-Assunzjoni ta’ Marija. Dan it-test il-Papa Piju XII ikkwotah fl-imsemmija Kostituzzjoni, u ppreżentah bħala wieħed mill-argumenti favur it-twemmin permanenti tal-Knisja dwar it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija il-ġisem. Ġermanu jikteb: “Seta’ qatt iseħħ, Omm l-aktar qaddisa ta’ Alla, li s-sema u l-art iħossuhom imweġġħa mill-preżenza tiegħek, u int, bit-tluq tiegħek, tħalli lill-bnedmin sajma mill-ħarsien tiegħek? Le. Ma nistgħux naħsbu fi ħwejjeġ bħal dawn. Fil-fatt, bħalma meta int kont fid-dinja ma ħassejtekx barranija għas-sema, hekk ukoll wara li ħallejt din id-dinja ma bqajtx lura milli bl-ispirtu tiegħek tkellem lill-bnedmin… Żgur li ma tlaqtx waħidhom lil dawk li lilhom żgurajt is-salvazzjoni… fil-fatt ir-ruħ tiegħek tgħix għal dejjem, u lanqas ġismek ma ra t-taħsir tal-qabar. Int, ja Omm, tinsab qrib ta’ kulħadd u lil kulħadd tindokra u, imqar jekk għajnejna ma jistgħux jarawk, xorta waħda nafu, o l-Aktar Qaddisa, li int tgħammar f’nofsna u turi ruħek bl-aktar modi differenti… Inti (Marija), kif kien miktub, tidher kollok fi sbuħija. Il-ġisem tiegħek verġinali hu kollu qaddis, kollu safi, u fih jgħammar Alla, u għalhekk huwa ma jsirx trab. Inbidel, iva, bħala ġisem ta’ bniedem, għal ħajja ogħla li qatt ma tidbiel, iżda huwa l-istess wieħed ħaj, rebbieħ, qawwi u sħiħ u mogħni bil-milja tal-ħajja. Fil-fatt, kif setgħet tibqa’ magħluqa fil-qabar tal-imwiet dik li kienet ġarret fiha lil Alla u saret it-tempju ħaj tad-divinità l-aktar qaddisa tal-Iben il-Waħdieni! Mill-bqija, aħna nemmnu b’ċertezza li inti tibqa’ timxi magħna” (PG 98, kol. 344B-346B, passim).

 

Ingħad li għall-Biżantini d-dekor tal-forma rettorika fil-predikazzjoni, u iżjed u iżjed fl-innijiet jew kompożizzjonijiet poetiċi li huma jsejħu tropari, hija importanti fiċ-ċelebrazzjoni liturġika daqs l-istess ġmiel tal-binja mqaddsa li fiha tinżamm. Il-Patrijarka Ġermanu ġie rikonoxxut, f’dik it-tradizzjoni, bħala wieħed minn dawk li taw sehem kbir biex iżommu ħajja din il-konvinzjoni, jiġifieri li l-ġmiel tal-kelma, tal-lingwaġġ, u l-ġmiel tal-binja u tal-mużika, għandhom ikunu f’sintonija.

 

Biex nagħlaq, nikkwota l-kelmiet imnebbħa li bihom Ġermanu jsejjaħ lill-Knisja fil-bidu ta’ dan il-kapulavur ċkejken tiegħu: “Il-Knisja hi tempju ta’ Alla, spazju qaddis, dar tat-talb, miġemgħa ta’ poplu, ġisem ta’ Kristu… Hija s-sema fuq l-art, fejn Alla traxxendenti jgħammar bħal f’daru u jippassiġġa fiha, imma hi wkoll il-marka mħollija (antitypos) mill-kruċifissjoni, il-qabar u l-qawmien… Il-Knisja hija d-dar ta’ Alla li fiha niċċelebraw is-sagrifiċċju mistiku u li jagħti l-ħajja, fl-istess waqt hi l-parti ta’ ġewwa nett tas-santwarju u l-għar imqaddes. Fiha fil-fatt jinsabu l-qabar u l-mejda, ikel għar-ruħ u rahan ta’ ħajja. Fl-aħħar nett fiha jinsabu dawk il-ġawhar prezzjużi tassew li huma d-dommi divini tat-tagħlim mgħoddi direttament mill-Mulej lid-dixxipli tiegħu” (PG 98, koll. 384B-385A).

 

Fl-aħħar tibqa’ l-mistoqsija: x’għandu x’jgħidilna llum dan il-Qaddis, li kronoloġikament u anki kulturalment hu pjuttost imbiegħed minna? Sostanzjalment jiġuni f’moħħi tliet ħwejjeġ. L-ewwel: hemm ċerta viżibbiltà ta’ Alla fid-dinja, fil-Knisja, li jeħtieġ nitgħallmu naqraw. Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu, imma din ix-xbieha ġiet mgħottija mill-ħafna ħmieġ tad-dnub, u minħabba f’hekk Alla bilkemm baqa’ jidher. Għalhekk l-Iben ta’ Alla sar veru bniedem, xbieha perfetta ta’ Alla: fi Kristu allura nistgħu nikkontemplaw ukoll il-wiċċ ta’ Alla u nitgħallmu nkunu aħna stess bnedmin veri, xbihat veri ta’ Alla. Kristu jistedinna nixbhuh, insiru bħalu, hekk li f’kull bniedem jista’ jidher mill-ġdid il-wiċċ ta’ Alla, ix-xbieha ta’ Alla. Fil-verità, Alla fid-Dekalogu kien ipprojbixxa li jsiru xbihat tiegħu, imma dan kien minħabba t-tentazzjonijiet tal-idolatrija li għalihom f’kuntest ta’ paganiżmu seta’ jkun espost min jemmen. Imma meta Alla sar viżibbli fi Kristu permezz tal-Inkarnazzjoni, saret ħaġa leġittima li nirriproduċu l-wiċċ ta’ Kristu. Ix-xbihat imqaddsa jgħallmuna naraw lil Alla fir-raffigurazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu. Wara l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, allura saret ħaġa possibbli naraw lil Alla fix-xbihat ta’ Kristu u anki fil-wiċċ tal-Qaddisin, fil-wiċċ tal-bnedmin kollha li fih tilma l-qdusija ta’ Alla.

 

It-tieni ħaġa hija l-ġmiel u d-dinjità tal-liturġija. Li jiċċelebra l-liturġija fl-għarfien tal-preżenza ta’ Alla, b’dik id-dinjità u ġmiel li jikxfu xi ftit mill-ġmiel tal-għaġeb tiegħu, huwa l-impenn ta’ kull Nisrani ffurmat fil-fidi tiegħu. It-tielet ħaġa hi li nħobbu l-Knisja. Proprju dwar il-Knisja, aħna l-bnedmin tendenzjalment naraw fuq kollox id-dnubiet, in-negattiv; imma bl-għajnuna tal-fidi, li tagħtina l-ħila naraw b’mod awtentiku, nistgħu wkoll, illum u dejjem, niskopru mill-ġdid fiha l-ġmiel divin. Hu fil-Knisja li Alla jsir preżenti, joffri ruħu lilna fl-Ewkaristija Mqaddsa u jibqa’ preżenti għall-adorazzjoni. Fil-Knisja Alla jitkellem magħna, fil-Knisja “Alla jippassiġġa magħna”, kif jgħid San Ġermanu. Fil-Knisja nirċievu l-maħfra ta’ Alla u nitgħallmu naħfru.

 

Nitolbu lil Alla biex jgħallimna nilmħu fil-Knisja l-preżenza tiegħu, il-ġmiel tiegħu, biex naraw il-preżenza tiegħu fid-dinja, u jgħinna nħallu aħna wkoll id-dawl tiegħu jidher fina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard