Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2007

 

San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

 

Għeżież ħuti,

 

L-attenzjoni tagħna llum tikkonċentra fuq San Ċirillu ta’ Ġerusalemm. Ħajtu tirrappreżenta n-nisġa bejn żewġ dimensjonijiet: minn naħa, il-kura pastorali u, mill-oħra, l-involviment – għalkemm hu ma riedx – fil-kontroversji mbaqbqa li f’dak iż-żmien kienet imħabbta bihom il-Knisja tal-Lvant. Ċirillu twieled lejn is-sena 315 f’Ġerusalemm jew il-madwar, u rċieva formazzjoni letterarja mill-aqwa; din kienet il-bażi tal-kultura ekkleżjastika tiegħu, iffokata fuq l-istudju tal-Bibbja. Ordnat presbiteru mill-Isqof Massimu, meta dan miet jew tneħħa, fit-348 ġie ordnat Isqof minn Akaċju, metropolita influwenti f’Ċesarija tal-Palestina, filoarjan, li kien konvint li fih sab alleat ieħor. Allura ġie ssuspettat li kiseb in-nomina episkopali minħabba konċessjonijiet għall-Arjaniżmu.

 

Fir-realtà, Ċirillu ma damx ma kellu xi jgħid ma’ Akaċju mhux biss minħabba duttrina, imma anki għal raġunijiet ta’ ġurisdizzjoni, għax Ċirillu saħaq fuq l-awtonomija tas-sede tiegħu minn dik metropolitana ta’ Ċesarija. F’temp ta’ xi għoxrin sena, Ċirillu għadda minn tliet eżilji: l-ewwel wieħed fit-357, wara li tneħħa minn Sinodu ta’ Ġerusalemm, imbagħad eżilju ieħor fit-360 minn Akaċju, u fl-aħħar it-tielet wieħed, l-itwal – dam ħdax-il sena – fit-367 b’inizjattiva tal-Imperatur filoarjan Valent. Kien biss fit-378, wara l-mewt tal-Imperatur, li Ċirillu seta’ jerġa’ jieħu b’mod defenittiv pussess tas-sede tiegħu, u reġa’ ġab fost il-fidili l-għaqda u l-paċi.

 

Favur l-ortodossija tiegħu, li xi għejun ta’ żmienu poġġew f’dubju, għandna għejun oħra daqstant ieħor antiki. Fosthom, l-aktar awtorevoli hija l-ittra sinodali tat-382, wara t-Tieni Konċilju Ekumeniku ta’ Kostantinopli (381), li fih Ċirillu kien ħa sehem fir-rwol ta’ espert. F’din l-ittra, mibgħuta lill-Papa ta’ Ruma, l-Isqfijiet tal-Lvant jagħrfu uffiċjalment l-ortodossija l-iżjed assoluta ta’ Ċirillu, il-leġittimità tal-ordinazzjoni episkopali tiegħu, u l-merti tas-servizz pastorali tiegħu, li kellu jagħlaq b’mewtu fit-387.

 

Tiegħu fadlilna 24 katekeżi ċelebri, li hu għamel bħala Isqof lejn it-350. Introdotti minn Prokatekeżi ta’ merħba, l-ewwel 19 huma indirizzati lill-katekumeni jew imdawlin (photizómenoi); dawn inżammu fil-Bażilika tal-Qabar Imqaddes. Kull waħda mill-ewwel (1-5) tittratta, rispettivament, dispożizzjonijiet għal qabel il-Magħmudija, il-konverżjoni mid-drawwiet pagani, is-sagrament tal-Magħmudija, l-għaxar veritajiet dommatiċi li jinsabu fil-Kredu jew Simbolu tal-fidi. Li jmiss (6-18) huma “katekeżi kontinwa” fuq is-Simbolu ta’ Ġerusalemm, kontra l-Arjaniżmu. Mill-aħħar ħamsa (19-23), imsejħin “mistagoġiċi”, l-ewwel tnejn jiżviluppaw kummentarju għar-riti tal-Magħmudija, u l-aħħar tlieta jduru mal-griżma, mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u mal-Liturġija Ewkaristika. Hemm ukoll spjegazzjoni tal-Missierna (Oratio Dominica): fuqha hi msejsa mixja ta’ inizjazzjoni għat-talb, li tiżviluppa b’mod parallel mal-inizjazzjoni għat-tliet sagramenti tal-Magħmudija, tal-Griżma u tal-Ewkaristija.

 

Il-bażi tal-istruzzjoni fuq il-fidi Nisranija żvolġiet ukoll f’funzjoni ta’ polemika kontra l-pagani, l-Insara Lhud u l-Manikej. L-argumentazzjoni kienet mibnija fuq it-twettiq tal-wegħdiet tat-Testment il-Qadim, f’lingwaġġ għani bix-xbihat. Il-katekeżi kienet mument importanti, imdaħħal fil-kuntest wiesa’ tal-ħajja kollha, b’mod partikulari liturġika, tal-komunità Nisranija, li fil-ġuf matern tagħha kellu jibda jikber dak li ’l quddiem kellu jingħaqad mal-fidili, bit-tisħib tat-talb u tax-xhieda tal-aħwa. Flimkien, l-omeliji ta’ Ċirillu huma katekeżi sistematika fuq it-twelid mill-ġdid tan-Nisrani permezz tal-Magħmudija. Lill-katekumenu hu jgħidlu: “Int inqbadt fix-xbieki tal-Knisja (ara Mt 13:47). Mela ħallihom jaqbduk ħaj; la taħrabx, għax hu Ġesù li qabdek fis-sunnara tiegħu, biex jagħtik mhux il-mewt imma l-qawmien mill-mewt. Fil-fatt, int trid tmut u terġa’ tqum (ara Rum 6:11,14)… Mut għad-dnub, u għix minn issa għall-ġustizzja” (Prokatekeżi 5).

 

Mill-perspettiva duttrinali, Ċirillu jikkummenta s-Simbolu ta’ Ġerusalemm bl-għajnuna tat-tipoloġija tal-Iskrittura, f’relazzjoni “sinfonika” bejn iż-żewġ Testmenti, biex jasal għand Kristu, ċentru tal-univers. It-tipoloġija mbagħad fissirha bir-reqqa kollha Wistin ta’ Ippona: “It-Testment il-Qadim huwa l-velu tat-Testment il-Ġdid, u fit-Testment il-Ġdid jidher il-Qadim” (Il-katekeżi lis-sempliċi 4,8). Dwar il-katekeżi morali, din hi ankrata f’għaqda sħiħa mal-katekeżi duttrinali: id-domma tinżel ftit ftit fir-ruħ, li hi mħeġġa tibdel l-imġiba pagana tagħha fid-dawl tal-ħajja ġdida fi Kristu, don tal-Magħmudija. Il-katekeżi “mistagoġika”, fl-aħħar nett, kienet il-quċċata tat-tagħlim li Ċirillu kien jgħaddi mhux iżjed lill-katekumeni, imma lill-imgħammdin ġodda jew neofiti fil-ġimgħa tal-Għid. Din kienet tibda tgħinhom jiskopru, taħt ir-riti tal-Magħmudija fil-Lejl Qaddis tal-Għid, il-misteri magħluqin fihom u li għadhom ma nkixfux. Imdawlin mid-dawl ta’ fidi iżjed profonda bil-qawwa tal-Magħmudija, in-neofiti saflaħħar setgħu jifhmuhom aħjar, issa li ċċelebraw ir-riti tagħhom.

 

B’mod partikulari, man-neofiti ta’ sfond Grieg Ċirillu kien jisħaq fuq il-fakultà viżiva, li huma kienu jsibu tgħodd l-aktar għalihom. Kien il-passaġġ mir-rit għall-misteru, li jivvalorizza l-effett psikoloġiku tas-sorpriża u l-esperjenza li għexu fil-Lejl tal-Għid. Hawn għandna test li jfisser il-misteru tal-Magħmudija: “Għal tliet darbiet ġejtu mgħaddsa fl-ilma u kull darba minn dawn it-tlieta rġajtu ħriġtu minnu, simbolu tat-tlitt ijiem tad-difna ta’ Kristu, biex hekk, b’dan ir-rit issiru tixbhu lill-Feddej tagħna, li għadda tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-ġuf tal-art (ara Mt 12:40). L-ewwel darba li ħriġtu mill-ilma ċċelebrajtu t-tifkira tal-ewwel jum li Kristu għadda fil-qabar, l-istess kif l-ewwel darba li dħaltu stqarrejtu l-ewwel lejl li għadda fil-qabar: kif min jinsab fil-lejl ma jistax jara, u min jinsab binhar igawdi d-dawl, hekk ukoll intom. Waqt li qabel kontu mgħaddsa fil-lejl u ma kontu qed taraw xejn, imma issa li ħriġtu sibtu ruħkom f’nofs ta’ nhar. Misteru tal-mewt u tat-twelid, dan l-ilma tas-salvazzjoni kien għalikom qabar u omm… Għalikom… iż-żmien tal-mewt ħabat maż-żmien tat-twelid: l-istess żmien wieħed wettaq iż-żewġ ġrajjiet flimkien” (It-Tieni Katekeżi Mistagoġika 4).

 

Il-misteru li qed inħarsu lejh hawn hu l-pjan ta’ Alla, li jitwettaq permezz tal-għemejjel salvifiċi ta’ Kristu fil-Knisja. Min-naħa tagħha, mad-dimensjoni mistagoġika tissieħeb dik tas-simboli: dawn jesprimu l-esperjenza spiritwali li, biex ngħidu hekk, iġagħluha “tisplodi”. Hekk il-katekeżi ta’ Ċirillu, mibnija fuq it-tliet karatteristiċi mfissra – duttrinali, morali u, fl-aħħar nett, mistagoġika –, tirriżulta katekeżi globali fl-Ispirtu. Id-dimensjoni mistagoġika twettaq is-sintesi tal-ewwel tnejn, u torjentahom għaċ-ċelebrazzjoni sagramentali, li fiha sseħħ is-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ.

 

Għandna hawn, bla dubju ta’ xejn, katekeżi integrali, li – bl-involviment ta’ ġisem, ruħ u spirtu – tibqa’ emblematika anki għall-formazzjoni kateketika tal-Insara tal-lum.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard