Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 27 ta’ Frar 2008

 

Santu Wistin

V: Il-konverżjoni tripla

 

Għeżież ħuti,

 

Bil-laqgħa tal-lum nixtieq nagħlaq il-preżentazzjoni tiegħi tal-figura ta’ Santu Wistin. Wara li waqafna nitkellmu dwar ħajtu, dwar l-opri u dwar xi aspetti tal-ħsieb tiegħu, illum nixtieq nerġa’ lura għall-ġrajja tal-ħajja interjuri tiegħu, li għamlet minnu wieħed mill-akbar ikkonvertiti tal-istorja Nisranija. Għal din l-esperjenza ddedikajt b’mod partikulari r-riflessjoni tiegħi tul il-pellegrinaġġ li għamilt Pavia, is-sena l-oħra, biex inqim il-fdalijiet tal-ġisem ta’ dan il-Missier tal-Knisja. Hekk ridt nesprimilu l-qima tal-Knisja Kattolika kollha, imma xtaqt nuri wkoll id-devozzjoni personali u r-rikonoxxenza tiegħi lejn figura li magħha nħossni marbut ħafna minħabba s-sehem li kellha fil-ħajja tiegħi ta’ teologu, ta’ saċerdot u ta’ Ragħaj.

 

Sal-lum għadna nistgħu nerġgħu nimxu mal-ħajja ta’ Santu Wistin grazzi fuq kollox għall-Istqarrijiet, li huma fl-oriġni ta’ waħda mill-forom letterarji l-aktar speċifiċi tal-Punent, l-awtobijografija, jiġifieri l-espressjoni personali tal-għarfien li wieħed jagħmel tiegħu nnifsu. Għalhekk, kull min imiss ma’ dan il-ktieb straordinarju u affaxxinanti, li għadu moqri ħafna sal-lum il-ġurnata, faċilment jintebaħ kif il-konverżjoni ta’ Wistin ma kinitx ħaġa ta’ mument u lanqas wasal għaliha b’mod sħiħ sa mill-bidu, imma nistgħu pjuttost inħarsu lejha bħala mixja vera u proprja, li tibqa’ mudell għal kull wieħed u waħda minna. Din il-mixja żgur li laħqet il-quċċata tagħha bil-konverżjoni u mbagħad bil-Magħmudija, imma ma għalqitx f’dik il-Velja tal-Għid tas-sena 387, meta f’Milan ir-rettoriku Afrikan ġie mgħammed mill-Isqof Ambroġ. Il-mixja ta’ konverżjoni ta’ Wistin fil-fatt baqgħet għaddejja umilment sa tmiem ħajtu, hekk li nistgħu tabilħaqq ngħidu li d-diversi tappi tagħha – nistgħu faċilment nagħżlu tlieta – huma konverżjoni waħda kbira.

 

Santu Wistin kien fittiex imqanqal tal-verità: hekk kien sa mill-bidu u mbagħad għal ħajtu kollha. L-ewwel tappa tal-mixja tiegħu ta’ konverżjoni seħħet proprju billi ftit ftit resaq lejn il-Kristjaneżmu. Fir-realtà, hu kien diġà rċieva mingħand ommu Monika, li magħha baqa’ dejjem marbut qatigħ, edukazzjoni Nisranija u, imqar jekk fis-snin ta’ żgħożitu kien għex ħajja mħarbta, dejjem ħass ġibda qawwija lejn Kristu, għax kien xorob l-imħabba għall-isem tal-Mulej fil-ħalib ta’ ommu, kif hu stess jgħid (ara Stqarrijiet III,4,8). Imma anki l-filosofija, fuq kollox dik ta’ impronta Platonika, kienet ikkontribwiet biex ressqitu iktar lejn Kristu, meta wrietu l-eżistenza tal-Logos, ir-Raġuni ħallieqa. Il-kotba tal-filosfi wrewh li hemm ir-Raġuni, li minnha mbagħad tiġi d-dinja kollha, imma ma kinux qalulu kif jista’ jilħaq dan il-Logos, li kien jidher hekk imbiegħed. Kien biss bil-qari tal-ittri ta’ San Pawl, fil-fidi tal-Knisja Kattolika, li hu ra b’mod sħiħ il-verità. Din l-esperjenza Wistin ġabarha f’waħda mill-paġni l-iżjed famużi tal-Istqarrijiet. Hu jirrakkonta li, qalb it-turment tar-riflessjonijiet tiegħu, miġbur fil-ġnien, ħabta u sabta sema’ leħen ta’ tfajjel itennilu kantilena, li qatt ma kien semagħha qabel: tolle, lege, tolle, lege, “ħu f’idejk u aqra, ħu f’idejk u aqra” (VIII,12,29). U hemm ftakar fil-konverżjoni ta’ Antonju, missier il-monakiżmu, u b’attenzjoni kbira reġa’ lura għall-kodiċi Pawlin li kellu f’idejh ftit tal-ħin qabel, fetħu u għajnejh waqgħu fuq is-silta mill-Ittra lir-Rumani, fejn l-Appostlu jeżorta biex wieħed iħalli l-opri tal-ġisem u jerġa’ jilbes lil Kristu (13:13-14). Kien fehem li dik il-kelma f’dak il-ħin kienet qed tingħad personalment lilu, kienet ġejja minn Alla permezz tal-Appostlu biex turih x’kellu jagħmel f’dak il-waqt. Hekk ħass jgħibu d-dlamijiet tad-dubju u reġa’ sab ruħu saflaħħar ħieles li jingħata kollu kemm hu għal Kristu: “Int tant reġġajtni lejk”, jikkummenta (Stqarrijiet VIII,12,30). Din kienet l-ewwel konverżjoni deċiżiva tiegħu.

 

Għal din it-tappa fundamentali tal-mixja twila tiegħu r-rettoriku Afrikan wasal grazzi għall-passjoni li kellu għall-bniedem u għall-verità, passjoni li wasslitu biex ifittex lil Alla kbir u inaċċessibbli. Il-fidi fi Kristu fiehmitu li Alla, appartentement hekk imbiegħed, fir-realtà ma kienx hekk. Fil-fatt, hu kien ġie qrib tagħna, sar wieħed minna. F’dan is-sens il-fidi fi Kristu wasslet fi tmiemha t-tiftixa twila ta’ Wistin fit-triq tal-verità. Kien biss dak Alla li stajt “tmissu”, u li sar wieħed minna, illi saflaħħar sar Alla li lilu seta’ jitlob, li għalih u miegħu seta’ jgħix. Hija din it-triq li trid tintmexa b’kuraġġ u fl-istess waqt b’umiltà, fi ftuħ u tisfija kontinwa, li kull wieħed u waħda minna għandu bżonn dejjem. Imma b’dik il-Velja tal-Għid tat-387, kif għidna, il-mixja ta’ Wistin kienet għadha ma għalqitx. Lura fl-Afrika hu waqqaf monasteru ċkejken, fejn irtira fil-ġabra flimkien ma’ ftit ħbieb biex jiddedika ruħu għall-ħajja kontemplattiva u ta’ studju. Din kienet il-ħolma ta’ ħajtu. Issa kien imsejjaħ biex jgħix kollu kemm hu għall-verità, mal-verità, fil-ħbiberija ta’ Kristu li hu l-Verità. Ħolma sabiħa li damet tliet snin, sakemm, kontra r-rieda tiegħu, ġie kkonsagraat saċerdot f’Ippona u mibgħut biex jaqdi lill-fidili, xorta f’ħajja magħquda ma’ Kristu u għal Kristu, imma għas-servizz ta’ kulħadd. Din sabha ħaġa tqila ħafna, imma fehem sa mill-bidu li kien biss jekk jgħix għall-oħrajn, u mhux sempliċiment għall-kontemplazzjoni privata tiegħu, li seta’ tabilħaqq jgħix ma’ Kristu u għal Kristu. Hekk, waqt li ċaħad ħajja ta’ meditazzjoni waħidha, Wistin tgħallem, spiss b’diffikultà, iqiegħed il-frott tal-għerf tiegħu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn. Tgħallem jikkomunika l-fidi tiegħu lin-nies sempliċi u b’dan il-mod jgħix għaliha f’dik li saret il-belt tiegħu, waqt li wettaq bla heda ħidma ġeneruża u ħabrieka, li hekk ifissirha f’waħda mill-isbaħ prietki tiegħu: “Li tipprietka l-ħin kollu, tiddiskuti, ittenni, tedifika, tkun għall-qadi ta’ kulħadd – hi responsabbiltà enormi, piż kbir, sforz immens” (Sermones 339,4). Imma dan il-piż hu ħadu fuqu, għax fehem li proprju hekk seta’ jkun eqreb ta’ Kristu. Fehem li seta’ jasal għand l-oħrajn b’sempliċità u umiltà, u din kienet it-tieni konverżjoni tiegħu.

 

Imma hemm l-aħħar tappa tal-mixja ta’ Wistin, it-tielet konverżjoni: dik li wasslitu kull jum ta’ ħajtu biex jitlob maħfra lil Alla. Għall-bidu kien ħass li issa li ġie mgħammed, fil-ħajja ta’ komunjoni ma’ Kristu, fis-Sagramenti, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, kien se jasal għall-ħajja li jipproponi d-Diskors tal-Muntanja: għall-perfezzjoni mogħtija fil-Magħmudija u kkonfermata kull darba fl-Ewkaristija. Fl-aħħar parti tal-ħajja tiegħu fehem li dak li kien qal fl-ewwel prietki tiegħu dwar id-Diskors tal-Muntanja – jiġifieri li issa aħna bħala Nsara ngħixu għal dejjem dan l-ideal – kien żbaljat. Aħna dejjem għandna bżonn niġu maħsula minn Kristu u mġedda minnu. Għalhekk għandna bżonn ta’ dik il-konverżjoni kontinwa, li tikber bl-umiltà li nafu li aħna midinbin li jinsabu mexjin fit-triq, sakemm il-Mulej inewlilna jdejh għal dejjem u jdaħħalna fil-ħajja eterna. F’dan l-atteġġjament ta’ umiltà, li hu ħaddan jum wara jum, Wistin għex u miet.

 

Dan is-sentiment li kien iġagħlu jħosu indenn quddiem il-Mulej waħdieni Ġesù daħħlu fl-esperjenza ta’ umiltà li kienet anki intellettwali. Fil-fatt, Wistin, li hu wieħed mill-ikbar figuri fl-istorja tal-ħsieb, ried fl-aħħar snin ta’ ħajtu jqiegħed taħt eżami kritiku u ċar il-ħafna opri li kien kiteb. U hekk għandna r-Retractationes (Reviżjonijiet), li b’dan il-mod idaħħlu l-ħsieb teoloġiku tiegħu, hekk għoli, fil-fidi umli u qaddisa ta’ dik li hu sempliċiment isejħilha bl-isem ta’ Catholica, jiġifieri l-Knisja. “Fhimt”, jikteb dwar hekk f’dan il-ktieb oriġinalissmu (I,19,1-3), “li wieħed biss hu dak li hu tassew perfett u li l-kliem tad-Diskors tal-Muntanja jista’ jseħħ għalkollox f’wieħed biss: f’Ġesù Kristu nnifsu. Imma l-Knisja kollha – ilkoll kemm aħna, inklużi l-Appostli – irridu nitolbu ta’ kuljum: Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.

 

Wara li kkonverta għal Kristu, li hu verità u mħabba, Wistin mexa warajh tul ħajtu kollha u sar mudell għal kull bniedem, għalina lkoll fit-tiftix tagħna ta’ Alla. Kien għalhekk li idealment xtaqt nagħlaq il-pellegrinaġġ tiegħi f’Pavia billi nagħti lill-Knisja u lid-dinja, quddiem il-qabar ta’ dan in-namrat kbir ta’ Alla, l-ewwel Enċiklika tiegħi, intitolata Deus caritas est. Fil-fatt din taf ħafna, fuq kollox fl-ewwel parti tagħha, lill-ħsieb ta’ Santu Wistin. Illum ukoll, bħal fi żmienu, l-umanità teħtieġ tagħraf u fuq kollox tgħix din ir-realtà fundamentali: Alla huwa mħabba, u l-laqgħa tagħna miegħu hija l-unika tweġiba għan-nuqqas ta’ kwiet fil-qalb tal-bniedem. Qalb li fiha hemm it-tama, li forsi xorta għadha mudlama u moħbija fil-qalb ta’ ħafna bnedmin ta’ żmienna, imma li għalina l-Insara diġà tiftaħ il-preżent għall-futur, tant li San Pawl kiteb li “aħna salvi bit-tama!” (Rum 8:24). Lit-tama ridt niddedika t-tieni Enċiklika tiegħi, Spe salvi, u din ukoll f’parti kbira tagħha hi midjuna lejn Wistin u l-laqgħa tiegħu ma’ Alla.

 

F’test mill-isbaħ tiegħu Santu Wistin isejjaħ it-talb espressjoni tax-xewqa u jistqarr li Alla jwieġeb billi jressaq qalbna lejh. Min-naħa tagħna rridu nsaffu x-xewqat tagħna u t-tamiet tagħna biex nilqgħu l-ħlewwa ta’ Alla (ara Kummentarju għall-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni 4,6). Fil-fatt, din waħidha diġà tiftaħna wkoll għall-oħrajn u hekk issalvana. Nitolbu mela li fil-ħajja tagħna jkollna x-xorti ta’ kuljum li nimxu fuq l-eżempju ta’ dan l-ikkonvertit kbir, u bħalu niltaqgħu f’kull mument ta’ ħajjitna mal-Mulej Ġesù, l-uniku wieħed li jsalvana, isaffina u jagħtina l-ferħ veru, il-ħajja vera.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard