Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2009

 

Ugo u Rikkardu ta’ San Vitor

 

Għeżież ħuti,

 

F’dawn l-Udjenzi tal-Erbgħat qed nippreżenta xi figuri eżemplari ta’ nies ta’ fidi, li ħabirku biex juru l-fehma waħda bejn ir-raġuni u l-fidi u biex b’ħajjithom jagħtu xhieda tat-tħabbira tal-Vanġelu. Illum nixtieq inkellimkom dwar Ugo u dwar Rikkardu ta’ San Vitor. It-tnejn li huma kienu minn dawk il-filosfi u teologi magħrufa bl-isem ta’ Vitorini, għax għexu u għallmu fl-Abbazija ta’ San Vitor, f’Pariġi, imwaqqfa fil-bidu tas-seklu 12 minn Guliermu ta’ Champeaux. Guliermu nnifsu kien mgħallem magħruf, li rnexxielu jagħti lill-abbazija tiegħu identità kulturali soda. Fil-fatt, f’San Vitor ġiet imnedija skola għall-formazzjoni tal-monaċi, miftuħa wkoll għal studenti minn barra, fejn twettqet sintesi hienja bejn iż-żewġ modi ta’ kif issir it-teoloġija, li dwarhom diġà tkellimt f’katekeżijiet oħra: jiġifieri t-teoloġija monastika, fil-parti l-kbira orjentata lejn il-kontemplazzjoni tal-misteri tal-fidi fl-Iskrittura, u t-teoloġija Skolastika, li kienet tħaddem ir-raġuni biex tfittex tgħarbel dawn il-misteri b’metodi innovattivi, biex toħloq sistema teoloġika.

 

Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ Ugo ta’ San Vitor. Huma inċerti d-data u l-post ta’ twelidu: forsi s-Sassonja jew l-Fjandri. Nafu li, meta wasal Pariġi – il-kapitali Ewropea tal-kultura ta’ dak iż-żmien –, qatta’ l-bqija ta’ ħajtu fl-Abbazija ta’ San Vitor, fejn l-ewwel kien dixxiplu u mbagħad għalliem. Diġà qabel mewtu, li seħħet fl-1141, kien igawdi popolarità u stima kbira, tant li ġie msejjaħ it-“tieni Santu Wistin”: fil-fatt, bħal Wistin hu mmedita ħafna fuq ir-relazzjoni bejn fidi u raġuni, bejn xjenzi profani u teoloġija. Skont Ugo ta’ San Vitor, ix-xjenzi kollha, barra li huma ta’ siwi għall-għarfien tal-Iskrittura, għandhom valur fihom infushom u għandhom jiġu kkultivati biex wieħed iwessa’ l-għarfien tiegħu, kif ukoll biex isib fihom qbil max-xewqa tiegħu li jagħraf il-verità. Din il-kurżità intellettwali tajba wasslitu biex jirrakkomanda lill-istudenti tiegħu biex qatt ma jillimitaw ix-xewqa tagħhom li jitgħallmu u fit-trattat tiegħu ta’ metodoloġija tal-għerf u tal-pedagoġija, li b’sens kbir intitolah Didascalicon (dwar it-tagħlim), irrakkomanda hekk: “Kun lest li tgħallem mingħand kulħadd dak li ma tafx. Ikun iktar għaref minn kulħadd dak li xtaq jitgħallem xi ħaġa mingħand kulħadd. Min jirċievi xi ħaġa mingħand kulħadd, jispiċċa biex isir iktar għani minn kulħadd” (Eruditiones Didascalicæ, 3,14: PL 176,774).

 

Ix-xjenza li kellhom x’jaqsmu magħha l-filosfi u t-teologi msejħa Vitorini hi b’mod partikulari t-teoloġija, li titlob qabelxejn l-istudju bi mħabba tal-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt, biex tagħraf lil Alla, ma tistax ħlief tibda minn dak li Alla nnifsu ried jurina dwaru nnifsu permezz tal-Iskrittura. F’dan is-sens, Ugo ta’ San Vitor huwa rappreżentant tipiku tat-teoloġija monastika, kollha kemm hi msejsa fuq l-eseġesi biblika. Biex ninterpretaw l-Iskrittura, hu jipproponilna l-artikulazzjoni tradizzjonali Patristika-Medjevali, jiġifieri s-sens storiku-litterali, qabelxejn, imbagħad dak allegoriku u anagoġiku, u fl-aħħar nett dak morali. Huma erba’ dimensjonijiet tat-tifsir tal-Iskrittura, li anki llum qed niskopruhom mill-ġdid, li permezz tagħhom naraw kif fit-test u fin-narrazzjoni offruta hemm moħbija indikazzjoni iktar profonda: il-ħajta tal-fidi, li twassalna fl-għoli u tmexxina fuq din l-art, tgħallimna kif ngħixu. Madankollu, imqar jekk jirrispetta dawn l-erba’ dimensjonijiet tas-sens tal-Iskrittura, b’mod oriġinali f’paragun mal-kontemporanji tiegħu, hu jisħaq – u din hi ħaġa ġdida – fuq l-importanza tat-tifsira storika-litterali. Fi kliem ieħor, qabel niskopru l-valur simboliku, id-dimensjonijiet iżjed profondi tat-test bibliku, hemm bżonn inkunu nafu u ninżlu fil-fond tat-tifsira tal-istorja rrakkuntata fl-Iskrittura: inkella – iwissina hu b’paragun effikaċi – nirriskjaw li nkunu bħal studjużi tal-grammatika li ma jagħtux kas tal-alfabett. Għal min jaf is-sens tal-istorja mfissra fil-Bibbja, il-ġrajjiet umani jidhru mmarkati mill-Providenza divina, skont disinn ordnat tagħha. Hekk, għal Ugo ta’ San Vitor, l-istorja mhijiex il-frott ta’ destin għama jew ta’ xi każ assurd, kif forsi tista’ tidher. Bil-maqlub, fl-istorja umana hemm l-Ispirtu s-Santu jaħdem, li jqanqal djalogu mill-isbaħ tal-bnedmin ma’ Alla, il-ħabib tagħhom. Din il-viżjoni teoloġika tal-istorja turi l-intervent sorprendenti u salvifiku ta’ Alla, li tassew jidħol u jaġixxi fl-istorja, kważi jsir parti mill-istorja tagħna, imma waqt li jħares u jirrispetta dejjem il-libertà u r-responsabbiltà tal-bniedem.

 

Għall-awtur tagħna, l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-tifsira storika-litterali tagħha jwassal għal teoloġija vera u proprja, jew aħjar biex juri b’mod sistematiku l-veritajiet, jiġifieri wieħed jagħraf l-istruttura tagħhom, u d-dommi tal-fidi, li hu jippreżenta f’sintesi soda fit-trattat De Sacramentis christianæ fidei (Is-sagramenti tal-fidi Nisranija), fejn insibu, fost l-oħrajn, definizzjoni ta’ “sagrament” – li kompliet tiġi pperfezzjonata minn teologi oħra – li fiha spunti li sal-lum għadna nsibu interessanti ħafna. “Is-sagrament”, jikteb, “huwa element korporju jew materjali propost b’mod estern u sensibbli, li jirrappreżenta bix-xebh tiegħu grazzja inviżibbli u spiritwali, ifissirha, għax għalhekk ġie mwaqqaf, u jħaddanha fih, għax għandu l-ħila li jqaddes” (9,2: PL 176,317). Minn naħa l-viżibbiltà fis-simbolu, il-“korporjetà” tad-don ta’ Alla, li fih madankollu, min-naħa l-oħra, hemm moħbija l-grazzja divina li ġejja minn storja: Ġesù Kristu nnifsu ħoloq is-simboli fundamentali. Mela tlieta huma l-elementi li flimkien jiddefinixxu sagrament, skont Ugo ta’ San Vitor: it-twaqqif min-naħa ta’ Kristu, il-komunikazzjoni tal-grazzja, u l-analoġija bejn l-element viżibbli, dak materjali, u l-element inviżibbli, li huma d-doni divini. Hija viżjoni li tqarreb ħafna lejn is-sensibbiltà kontemporanja, għax is-sagramenti jiġu ppreżentati b’lingwaġġ minsuġ minn simboli u minn xbihat li kapaċi jkellmu minnufih il-qalb tal-bnedmin. Importanti anki llum li l-animaturi liturġiċi, u b’mod partikulari s-saċerdoti, b’għerf pastorali jagħtu valur lis-sinjali proprji tar-riti sagramentali – din il-viżibbiltà u tanġibbiltà tal-Grazzja – u b’attenzjoni jieħdu ħsieb li jkun hemm katekeżi dwarhom, biex kull ċelebrazzjoni tas-sagramenti tingħax mill-fidili kollha b’devozzjoni, intensità u ferħ spiritwali.

 

Dixxiplu denn ta’ Ugo ta’ San Vitor hu Rikkardu, li kien Skoċċiż. Hu kien prijur tal-Abbazija ta’ San Vitor mill-1162 sal-1173, meta miet. Anki Rikkardu, naturalment, jagħti rwol fundamentali lill-istudju tal-Bibbja, imma, b’differenza mill-imgħallem tiegħu, jippreferi t-tifsira allegorika, is-sinifikat simboliku tal-Iskrittura li bih, ngħidu aħna, jinterpreta l-figura ta’ Benjamin fit-Testment il-Qadim, bin Ġakobb, bħala simbolu tal-kontemplazzjoni u quċċata tal-ħajja spiritwali. Rikkardu jittratta dan l-argument f’żewġ testi, Benjamin iż-Żgħir u Benjamin il-Kbir, li fihom jipproponi lill-fidili mixja spiritwali li tistedinna qabelxejn neżerċitaw id-diversi virtujiet, nitgħallmu niddixxiplinaw u nordnaw bir-raġuni s-sentimenti u l-ħsus interjuri affettivi u emottivi. Il-bniedem irid l-ewwel bilanċ u maturazzjoni umana f’dan il-qasam biex jista’ jidħol għall-kontemplazzjoni, li Rikkardu jsejħilha “ħarsa profonda u safja tar-ruħ imsawba fuq l-għeġubijiet tal-għerf, imsieħba ma’ sens ta’ seħer, stagħġib u ammirazzjoni” (Benjamin Maior 1,4: PL 196,67).

 

Għaldaqstant, il-kontemplazzjoni hi l-punt tal-wasla, ir-riżultat ta’ mixja iebsa, li titlob id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni, jiġifieri – għal darb’oħra – diskors teoloġiku. It-teoloġija titlaq mill-veritajiet li huma oġġett tal-fidi, imma tfittex li tinżel iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom bit-tħaddim tar-raġuni, billi tilqa’ d-don tal-fidi. Din l-applikazzjoni tar-raġunament għall-għarfien tal-fidi hi pprattikata b’mod konvinċenti fil-kapulavur ta’ Rikkardu, wieħed mill-kotba kbar tal-istorja, id-De Trinitate (It-Trinità). Fis-sitt kotba li minnhom magħmul hu jirrifletti b’reqqa fuq il-Misteru ta’ Alla wieħed u tlieta. Skont l-awtur tagħna, billi Alla huwa mħabba, l-unika sustanza divina titlob komunikazzjoni, offerta u mħabba bejn żewġ Persuni, il-Missier u l-Iben, li bejniethom jaqsmu l-imħabba dejjiema. Imma l-perfezzjoni tal-ferħ u tat-tjieba ma tippermettix esklużjonijiet u għeluq; anzi, titlob il-preżenza eterna tat-tielet Persuna, l-Ispirtu s-Santu. L-imħabba Trinitarja hi parteċipattiva, fehma waħda, u ġġib magħha kotra kbira ta’ mħabba, tgawdija ta’ ferħ bla tmiem. Għalhekk Rikkardu jissupponi li Alla hu mħabba, jgħarbel l-essenza tal-imħabba, x’timplika r-realtà mħabba, u hekk jasal għat-Trinità tal-Persuni, li hi tabilħaqq l-espressjoni loġika tal-fatt li Alla huwa mħabba.

 

Madankollu Rikkardu jaf li l-imħabba, għalkemm turina l-essenza ta’ Alla, “tfissrilna” l-Misteru tat-Trinità, dejjem tibqa’ analoġija biex nitkellmu dwar Misteru li hu ’l fuq mill-ħsieb uman, u – ta’ poeta u mistiku li hu – jirrikorri wkoll għal xbihat oħra. Ngħidu aħna, iqabbel id-divinità ma’ xmara, ma’ mewġa ta’ mħabba li toħroġ mill-Missier, tnixxi u terġa’ tnixxi fl-Iben, biex imbagħad tixtered kollha hena fl-Ispirtu s-Santu.

 

Għeżież ħbieb, awturi bħal Ugo u Rikkardu ta’ San Vitor jgħollulna ’l ruħna għall-kontemplazzjoni tar-realtajiet divini. Fl-istess waqt, il-ferħ immens li jġibulna magħhom il-ħsieb, l-ammirazzjoni u l-ġieħ tat-Trinità Qaddis, hu l-bażi u t-tweżin għat-tħabrik konkret tagħna li nħallu jnebbaħna dan il-mudell perfett ta’ komunjoni fl-imħabba biex hekk nibnu r-relazzjonijiet umani tagħna ta’ kuljum. It-Trinità hi tabilħaqq komunjoni perfetta! Kif kienet tinbidel id-dinja kieku fil-familji, fil-parroċċi u f’kull komunità oħra r-relazzjonijiet kellna ngħixuhom billi nimxu dejjem fuq l-eżempju tat-tliet Persuni divini, fejn kull waħda tgħix mhux biss mal-oħra, imma għall-oħra u fl-oħra! Dan fakkartu xi xhur ilu fl-Angelus: “L-imħabba biss tagħmilna ferħanin, għax ngħixu f’relazzjoni, u ngħixu biex inħobbu u biex inkunu maħbuba” (L’Osservatore Romano, 8-9 giugno 2009, p. 1). Hija l-imħabba li tagħmel dan il-miraklu bla waqfien: bħal fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa, il-pluralità tinġabar f’għaqda waħda, fejn kollox hu għaxqa u ferħ. Ma’ Santu Wistin, li l-Vitorini kellhom stima hekk għolja tiegħu, nistgħu ngħidu aħna wkoll: “Vides Trinitatem, si caritatem vides – tikkontempla t-Trinità, jekk tara l-imħabba” (De Trinitate VIII, 8,12).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard