Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 25 ta’ Ġunju 2008

 

San Massimu l-Konfessur

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nippreżenta l-figura ta’ wieħed mill-Missirijiet il-kbar tal-Knisja tal-Lvant tal-epoka tardiva. Qed nitkellem fuq monaku, San Massimu, li stħaqqlu jingħata mit-Tradizzjoni Nisranija t-titlu ta’ Konfessur minħabba fil-kuraġġ ta’ sur li bih għaraf jagħti xhieda – “konfessjoni”, stqarrija –, imqar bit-tbatija, tal-integrità tal-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem, Feddej tad-dinja. Massimu twieled fil-Palestina, l-art tal-Mulej, lejn is-sena 580. Sa minn meta kien għadu tfal kien mogħti għall-ħajja monastika u għall-istudju tal-Iskrittura, anki permezz tal-opri ta’ Oriġene, l-imgħallem il-kbir li diġà fit-tielet seklu kien wasal biex “jiffissa” t-tradizzjoni eseġetika Lixandrina.

 

Minn Ġerusalemm, Massimu mar Kosantinopli, u minn hemm, minħabba fl-invażjonijiet Barbariċi, sab kenn fl-Afrika. Hawn hu spikka b’kuraġġ mill-akbar fil-ħarsien tal-ortodossija. Massimu ma kien jaċċetta ebda riduzzjoni tal-umanità ta’ Kristu. Kienet nibtet it-teorija li fi Kristu kien hemm biss rieda, dik divina. Biex jiddefendu l-uniċità tal-persuna tiegħu, kienu jiċħdu li hemm fih rieda vera u proprja umana. U, mal-ewwel daqqa t’għajn, setgħet tidher ukoll ħaġa tajba li fi Kristu hemm biss rieda waħda. Imma San Massimu fehem minnufih li dan kien sa jeqred il-misteru tas-salvazzjoni, għax umanità bla rieda, bniedem bla rieda mhuwiex veru bniedem, hu bniedem b’biċċa minnu maqtugħa. Għalhekk il-bniedem Ġesù Kristu ma kienx ikun veru bniedem, ma kienx ikun għex id-dramma tal-essri uman, li tikkonsisti proprju fid-diffikultà li nwaħħdu r-rieda tagħna mal-verità ta’ dak li aħna. U hekk San Massimu jistqarr b’determinazzjoni liema bħalha: l-Iskrittura Mqaddsa ma turiniex bniedem b’biċċa minnu maqtugħa, mingħajr rieda, imma bniedem tassew sħiħ: Alla, f’Ġesù Kristu, tabilħaqq ħa fuqu t-totalità tal-essri uman – ovvjament, barra d-dnub – u allura anki rieda umana. U meta ngħiduha b’dan il-mod, il-ħaġa tidher ċara: Kristu jew hu bniedem jew mhuwiex. Jekk hu bniedem, għandu wkoll rieda umana. Imma hawn tinbet il-problema: b’dan il-mod m’aħniex nispiċċaw f’għamla ta’ duwaliżmu? M’aħniex naslu biex nistqarru żewġ personalitajiet sħaħ: raġuni, rieda, sentiment? Kif se negħlbu dan id-duwaliżmu, u nżommu l-kompletezza tal-essri uman u xorta waħda nħarsu l-għaqda fil-persuna ta’ Kristu, li żgur ma kienx xi skiżofreniku? U San Massimu jurina li l-bniedem isib l-għaqda tiegħu, l-integrazzjoni tiegħu nnifsu, it-totalità tiegħu, billi ma jingħalaqx fih innifsu, imma meta jissupera lilu nnifsu, joħroġ minnu nnifsu. Hekk, anki fi Kristu, meta toħroġ minnha nfisha, l-umanità ssib lilha nfisha f’Alla, fl-Iben ta’ Alla. Ma hemmx għalfejn naqtgħu biċċa mill-bniedem biex infissru x’inhi l-Inkarnazzjoni; jeħtieġ biss nifhmu d-dinamiżmu tal-essri uman li jitwettaq biss billi joħroġ minnu nnifsu; f’Alla biss insibu lilna nfusna, it-totalità u l-kompletezza tagħna. U hekk naraw li mhux il-bniedem li jingħalaq fih innifsu hu bniedem sħiħ, imma l-bniedem li jinfetaħ, li joħroġ minnu nnifsu, li jsir sħiħ u jsib lilu nnifsu, proprju fl-Iben ta’ Alla jsib il-vera umanità tiegħu. Għal San Massimu din il-viżjoni ma tibqax spekulazzjoni filosofika; hu jaraha mwettqa fil-ħajja konkreta ta’ Ġesù, fuq kollox fid-dramma tal-Ġetsemani. F’din id-dramma tal-agunija ta’ Ġesù, fl-uġigħ tal-mewt, tal-oppożizzjoni bejn ir-rieda umana li ma tridx tmut u r-rieda divina li tingħata għall-mewt, f’din id-dramma tal-Ġetsemani twettqet id-dramma umana kollha, id-dramma tal-fidwa tagħna. San Massimu jgħidilna, u aħna nafu li dan hu minnu: Adam (u Adam huwa aħna stess) ħaseb li l-“le” kienet il-quċċata tal-libertà. Min jista’ jgħid “le” biss ikun tassew ħieles; biex jilħaq tabilħaqq il-libertà tiegħu, il-bniedem irid jgħid “le” lil Alla; hekk biss jaħseb li jista’ saflaħħar ikun hu nnifsu, li wasal fil-quċċata tal-libertà. Din it-tendenza kienet iġġorrha fiha anki n-natura umana ta’ Kristu, imma hu għelibha, għax Ġesù ra li mhijiex il-“le” l-ogħla grad tal-libertà. L-ogħla grad tal-libertà hija l-“iva”, it-twaħħid mar-rieda ta’ Alla. Fl-“iva” biss il-bniedem isir tabilħaqq hu nnifsu; fil-ftuħ kbir tal-“iva” biss, fit-twaħħid tar-rieda tiegħu mar-rieda divina, li l-bniedem issir immensament miftuħ, isir “divin”. Li jkun bħal Alla kienet ix-xewqa ta’ Adam, jiġifieri jkun kompletament ħieles. Imma mhuwiex divin, mhuwiex kompletament ħieles il-bniedem li jingħalaq fih innifsu; ikun ħieles jekk joħroġ minnu nnifsu, huwa fl-“iva” li jsir ħieles; u din hi d-dramma tal-Ġetsemani: mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek. Meta r-rieda umana tgħaddi għar-rieda divina jitwieled il-veru bniedem, huwa b’dan il-mod li niġu mifdija. Fi ftit kliem, dan hu l-punt fundamentali ta’ dak li ried jgħid San Massimu, u naraw li hawn fin-nofs għandna tassew lill-bniedem sħiħ; hawn qiegħda l-kwistjoni kollha ta’ ħajjitna. San Massimu diġà kien sab problemi fl-Afrika jiddefendi din il-viżjoni tal-bniedem u ta’ Alla; imbagħad ġie msejjaħ Ruma. Fis-sena 649 ħa sehem attiv fil-Konċilju tal-Lateran, imsejjaħ mill-Papa Martin I biex jiddefendi ż-żewġ ridiet ta’ Kristu, kontra l-editt tal-imperatur, li – pro bono pacis – ipprojbixxa li tiġi diskussa din il-kwistjoni. Il-Papa Martin kellu jħallas qares għall-kuraġġ tiegħu: minkejja li xejn ma kien f’saħħtu, ġie arrestat u mkaxkar Kostantinopli. Ipproċessat u kkundannat għall-mewt, minflok, il-piena tiegħu nbidlet f’eżilju definittiv fil-Krimea, fejn miet fis-16 ta’ Settembru 655, wara sentejn twal ta’ umiljazzjonijiet u ta’ turmenti.

 

Ftit iżjed tard, fis-662, kien imiss lil Massimu, li – hu wkoll kontra l-imperatur – kompla jtenni: “Ma nistgħu qatt nistqarru rieda waħda fi Kristu!” (ara PG 91, cc. 268-269). Hekk, flimkien maż-żewġ dixxipli tiegħu, it-tnejn imsejħin Anastasju, Massimu kellu joqgħod għal proċess tal-biża’, imqar jekk issa kien qabeż it-tmenin sena. It-tribunal tal-imperatur ikkundannah, bl-akkuża ta’ ereżija, għall-mewt kiefra tal-qtugħ tal-ilsien u ta’ idu l-leminija – iż-żewġ organi li permezz tagħhom, bil-kliem u bil-kitba, Massimu kien issielet kontra d-duttrina żbaljata tar-rieda waħda ta’ Kristu. Fl-aħħar, il-monaku qaddis, b’dawn iż-żewġ organi maqtugħa minnu, ġie eżiljat fil-Kolkidi, fuq il-Baħar l-Iswed, fejn miet, sfinit taħt it-tbatijiet li ġarrab, fl-età ta’ 82 sena, fit-13 ta’ Awwissu tal-istess sena 662.

 

Xħin tkellimna fuq il-ħajja ta’ Massimu, aċċennajna għall-opra letterarja tiegħu fid-difiża tal-ortodossija. Qed nirreferi b’mod partikulari għad-Disputa ma’ Pirru, li kien Patrijarka ta’ Kostantinopli: fiha hu rnexxielu jipperswadi lill-avversarju tiegħu dwar l-iżbalji tiegħu. B’onestà kbira, fil-fatt, Pirru għalaq hekk id-Disputa: “Nitlob skuża f’ismi u f’isem dawk li ġew qabli: b’injoranza wasalna għal dawn il-ħsibijiet u argumentazzjonijiet assurdi; u nitlob li jinstab mod kif jitħassru dawn l-assurditajiet, waqt li titħares it-tifkira ta’ dawk li żbaljaw” (PG 91, c. 352). Imbagħad waslulna wkoll xi għexieren ta’ opri importanti, li fosthom tispikka l-Mistagoghía, waħda mill-aktar kitbiet sinifikattivi ta’ San Massimu, li tiġbor fil-qosor u mibnija tajjeb ħafna l-ħsieb teoloġiku tiegħu.

 

Dak ta’ San Massimu mhuwa qatt ħsieb teoloġiku biss, spekulattiv, magħluq fih innifsu, għax dejjem għandu bħala destinazzjoni tiegħu r-realtà konkreta tad-dinja u tas-salvazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, li fih kellu jbati, ma setax jaħrab fi stqarrijiet filosofiċi teoriċi biss; kellu jfittex is-sens tal-ħajja, u jistaqsi lilu nnifsu: jien min jien, u d-dinja x’inhi? Lill-bniedem, maħluq fuq is-sura u x-xbieha tiegħu, Alla fdalu l-missjoni li jgħaqqad il-kożmu. U kif Kristu għaqqad fih innifsu lill-bniedem, fil-bniedem il-Ħallieq għaqqad flimkien il-kożmu kollu. Hu wriena kif fil-komunjoni ta’ Kristu nistgħu ngħaqqdu l-kożmu u hekk naslu tabilħaqq għal dinja mifdija. Għal din il-viżjoni salvifika b’saħħitha jirriferi wieħed mill-akbar teologi tas-seklu 20, Hans Urs von Balthasar, li – huwa u “jerġa’ jniedi” l-figura ta’ Massimu – jiddefinixxi l-ħsieb tiegħu bl-espressjoni memorabbli ta’ Kosmische Liturgie, “liturġija kożmika”. Fiċ-ċentru ta’ din il-“liturġija” solenni jibqa’ dejjem Ġesù Kristu, Feddej waħdieni tad-dinja. L-effikaċja tal-azzjoni salvifika tiegħu, li żgur mhux forsi għaqqdet il-kożmu darba għal dejjem, hi ggarantita mill-fatt li hu, imqar jekk f’kollox kien Alla, hu wkoll kollu kemm hu bniedem – inklużi wkoll l-“enerġija” u r-rieda tal-bniedem.

 

Il-ħajja u l-ħsieb ta’ Massimu jibqgħu mdawlin bil-kbir minn kuraġġ immens fix-xhieda tar-realtà sħiħa ta’ Kristu, mingħajr ebda tfaqqir jew kompromess. U hekk jidher min hu tassew il-bniedem, kif għandna ngħixu biex inwieġbu għas-sejħa tagħna. Irridu ngħixu magħqudin ma’ Alla, biex hekk inkunu magħqudin magħna nfusna u mal-kożmu, u nagħtu lill-kożmu nnifsu u lill-umanità l-forma t-tajba. L-“iva” universali ta’ Kristu turina wkoll b’mod ċar kif għandna nqiegħdu f’posthom il-valuri l-oħra kollha. Naħsbu f’valuri li llum huma ġustament imħarsa, bħat-tolleranza, il-libertà, id-djalogu. Imma tolleranza li ma tibqax tagħraf bejn tajjeb u ħażin issir kaotika u teqred lilha nfisha. Bl-istess mod: libertà li ma tirrispettax il-libertà tal-oħrajn u ma ssibx il-kejl komuni tal-libertajiet rispettivi tagħna, issir anarkija u teqred l-awtorità. Id-djalogu li ma għadux jaf fuqiex se jiddjaloga jsir paroli fil-vojt. Dawn il-valuri kollha huma kbar u fundamentali, imma jistgħu jibqgħu veri valuri biss jekk għandhom il-punt ta’ riferiment li jgħaqqadhom u jagħtihom il-vera awtentiċità tagħhom. Dan il-punt ta’ riferiment huwa s-sinteżi bejn Alla u l-kożmu, hu l-figura ta’ Kristu li fiha nitgħallmu l-verità tagħna nfusna u hekk nitgħallmu fejn għandna nqiegħdu l-valuri l-oħra kollha, biex niskopru t-tifsira awtentika tagħhom. Ġesù Kristu huwa l-punt ta’ riferiment li jagħti dawl lill-valuri l-oħra kollha. Dan hu l-punt tal-wasla tax-xhieda ta’ dan il-Konfessur kbir. U hekk, fl-aħħar, Kristu jurina li l-kożmu għandu jsir liturġija, glorja ta’ Alla, u li l-adorazzjoni hija l-bidu tal-bidla vera, tat-tiġdid veru tad-dinja.

 

Għalhekk nixtieq nagħlaq b’silta fundamentali tal-opri ta’ San Massimu: “Aħna naduraw lil Iben wieħed, flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, kif qabel iż-żmien, hekk ukoll issa, u għaż-żminijiet kollha, u għaż-żminijiet wara ż-żminijiet. Amen!” (PG 91, c. 269).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard