Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 24 ta’ Novembru 2010

 

Santa Katerina ta’ Siena

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkellimkom fuq mara li kellha rwol eminenti fl-istorja tal-Knisja. Din hi Santa Katerina ta’ Siena. Is-seklu erbatax li fih għexet kien żmien ta’ taqlib kbir fil-ħajja tal-Knisja u fin-nisġa soċjali kollha tal-Italja u tal-Ewropa. Madankollu, imqar fl-iktar żminijiet ibsin, il-Mulej ma jieqaf qatt ibierek il-Poplu tiegħu, u jqanqal minn ġo nofsu Qaddisin irġiel u nisa li jriegħdu l-imħuħ u l-qlub u jqanqlu għall-konverżjoni u t-tiġdid. Katerina hi waħda minn dawn u sal-lum tkellimna u tħeġġiġna biex nimxu bil-kuraġġ lejn il-qdusija ħalli nkunu b’mod dejjem iżjed sħiħ dixxipli tal-Mulej.

 

Imwielda Siena, fl-1347, f’familja numeruża ħafna, mietet Ruma, fl-1380. Fl-età ta’ 16-il sena, imqanqla minn viżjoni li kellha ta’ San Duminku, daħlet fit-Terz’Ordni Dumnikan, fil-fergħa femminili msejħa tal-Mantellate. Baqgħet tgħix fil-familja, imma kkonfermat il-vot tal-verġinità li kienet għamlet privatament meta kienet għadha adolexxenti, u ngħatat għal ħajja ta’ talb, penitenza, opri ta’ karità, fuq kollox għall-ġid tal-morda.

 

Meta l-fama tal-qdusija tagħha xterdet, kienet protagonista ta’ ħidma kbira ta’ pariri spiritwali lil kull xorta ta’ persuni: nobbli u nies tal-politika, artisti u nies ordinarji, persuni kkonsagrati, nies tal-Knisja, inkluż il-Papa Girgor XI li f’dak iż-żmien kien jgħix Avignon u li Katerina bil-qawwa kollha u b’suċċess ħeġġitu jirritorna Ruma. Ivvjaġġat ħafna biex tgħin fir-riforma interjuri tal-Knisja u biex taħdem b’risq il-paċi bejn l-Istati: għal din ir-raġuni wkoll il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II ried jiddikjaraha Kompatruna tal-Ewropa: jalla l-Kontinent Qadim ma jinsa qatt l-għeruq Insara li huma fil-bażi tal-mixja tiegħu u jkompli jixrob mill-Vanġelu l-valuri fundamentali li jiżguraw il-ġustizzja u l-għaqda.

 

Katerina batiet ħafna, bħalma ġralhom ħafna qaddisin. Kien hemm min saħansitra fehemha li kellu jissuspetta fiha tant li, fl-1374, sitt snin qabel mewtha, il-kapitlu ġenerali tad-Dumnikani sejħilha Firenze biex jinterrogaha. Tawha jgħinha patri għaref u umli, Rajmundu ta’ Capua, li mbagħad kellu jsir il-Mastru Ġenerali tal-Ordni. Hu sar il-konfessur tagħha u anki “iben spiritwali” tagħha, u kiteb l-ewwel bijografija sħiħa tal-qaddisa. Ġiet ikkanonizzata fl-1461.

 

It-tagħlim ta’ Katerina, li b’diffikultà tgħallmet taqra u tikteb meta kienet diġà adulta, jinsab miġbur f’Id-Djalogu tal-Providenza Divina, jew Ktieb tad-Duttrina Divina, kapulavur tal-letteratura spiritwali, fl-Epistolarju tagħha u fil-ġabra ta’ Talbiet tagħha. It-tagħlim tagħha hu mżejjen b’għana hekk kbir li l-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI, fl-1970, iddikjaraha Duttur tal-Knisja, titlu li żdied ma’ dak ta’ Kompatruna tal-belt ta’ Ruma, b’rieda tal-Beatu Piju IX, u ta’ Patruna tal-Italja, b’deċiżjoni tal-Venerabbli Piju XII.

 

F’viżjoni li Katerina qatt ma setgħet iżjed tħassar mill-qalb u l-ħsieb tagħha, il-Madonna ppreżentatilha lil Ġesù li newlilha ċurkett il-ġmiel tiegħu, u qalilha: “Jiena, il-Ħallieq u l-Feddej tiegħek, miegħek nitgħarras fil-fidi, li se żżomm dejjem iżjed safja sa meta għad tiċċelebra fis-Sema ż-żwieġ etern tiegħek miegħi” (Rajmundu ta’ Capua, S. Caterina da Siena, Legenda maior, n. 115, Siena 1998). Dak iċ-ċurkett baqgħet tarah hi biss. F’dan l-episodju straordinarju naraw liema hi l-qalba ħajja tar-reliġjożità ta’ Katerina u ta’ kull spiritwalità awtentika: il-Kristoċentriżmu. Kristu huwa għaliha bħal għarus, li miegħu tgħix rabta ta’ intimità, ta’ komunjoni u ta’ fedeltà; huwa l-ġid li hi tħobb fuq kull ġid ieħor.

 

Din l-għaqda profonda mal-Mulej tidher f’episodju ieħor mill-ħajja ta’ din il-mistika insinji: l-iskambju tal-qalb. Skont Rajmundu ta’ Capua, li kiteb dak li kienet tarrfitlu Katerina, il-Mulej Ġesù dehrilha b’qalb ta’ bniedem f’idejh, ħamra u kollha dawl, fetħilha sidirha, poġġihielha hemm u qalilha: “Għażiża binti, kif l-aħħar darba jiena lqajt il-qalb tiegħek li offrejtli, issa, ara, qed nagħtik tiegħi, u mil-lum ’il quddiem ikun hemm hi minflok tiegħek” (ibid.). Katerina għexet tassew kliem San Pawl: “…mhux jien, imma Kristu li jgħix fija” (Gal 2:20).

 

Bħal din il-qaddisa minn Siena, kull min jemmen iħoss il-bżonn li jitwaħħad mas-sentimenti tal-Qalb ta’ Kristu biex iħobb lil Alla u lill-proxxmu bħalma jħobb Kristu nnifsu. U aħna lkoll nistgħu nħalluh jibdlilna qalbna u nitgħallmu nħobbu bħal Kristu, f’familjarità miegħu mseddqa mit-talb, mill-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla u mis-Sagramenti, fuq kollox billi nirċievu ta’ spiss u b’devozzjoni t-Tqarbin imqaddes. Anki Katerina tagħmel parti minn dik il-ġemgħa ta’ qaddisin Ewkaristiċi li bihom xtaqt nagħlaq l-Eżortazzjoni appostolika tiegħi Sacramentum caritatis (ara n. 94). Għeżież ħuti, l-Ewkaristija hija don straordinarju ta’ mħabba li Alla jġeddilna kontinwament biex jitma’ l-mixja tal-fidi tagħna, ikebbes mill-ġdid it-tama tagħna, jixgħel l-imħabba tagħna, biex jagħmilna dejjem iżjed nixbhu lilu.

 

Madwar personalità hekk qawwija u awtentika nbniet familja spiritwali vera u proprja. Kienu persuni msaħħra mill-awtorevolezza morali ta’ din il-mara żagħżugħa ta’ livell l-aktar għoli ta’ ħajja, u daqshekk ieħor impressjonati wkoll mill-fenomeni mistiċi li kienu jaraw, bħall-estasi ta’ sikwit. Ħafna riedu jaqduha u fuq kollox kienu jqisuh privileġġ għalihom li jħallu lil Katerina tmexxihom fil-ħajja spiritwali. Kienu jsejħulha “omm”, ladarba bħala wlied spiritwali minnha kienu jirċievu l-ikel għar-ruħ.

 

Illum ukoll il-Knisja tgawdi ġid kbir mit-taħriġ tal-maternità spiritwali ta’ tant nisa, ikkonsagrati u lajċi, li jseddqu fl-erwieħ il-ħsieb ta’ Alla, isaħħu l-fidi tan-nies u jorjentaw il-ħajja Nisranija lejn qċaċet dejjem ogħla. “Jiena nsejjaħlek ukoll ibni”, tikteb Katerina lil wieħed mill-ulied spiritwali tagħha, iċ-Ċertosin Ġwanni Sabbatini, “għax bħalma omm tagħti t-twelid lil binha, hekk jien nagħtik it-twelid bit-talb li dejjem nagħmel għalik u bix-xewqat ta’ ġid li nressaq għalik quddiem Alla” (Epistolarju, Ittra n. 141: Lil P. Ġwann Sabbatini). Lill-Patri Dumnikan Bartilmew de Dominici kienet tħobb tindirizzah b’dawn il-kelmiet: “L-aktar maħbub u għażiż ħija u ibni fil-ħelu Kristu Ġesù”.

 

Karatteristika oħra tal-ispiritwalità ta’ Katerina hi marbuta mad-don tad-dmugħ. Dan jesprimi sensibbiltà mill-aqwa u l-aktar profonda, kapaċità għat-tqanqil u l-ħlewwa. Mhux qaddis wieħed jew tnejn kellhom id-don tad-dmugħ, u ġeddew fihom l-emozzjoni ta’ Ġesù nnifsu, li la żamm lura u anqas ħeba l-biki tiegħu quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru u n-niket ta’ Marija u ta’ Marta, u quddiem Ġerusalemm, fl-aħħar jiem tiegħu fuq din l-art. Skont Katerina, id-dmugħ tal-qaddisin jitħallat mad-Demm ta’ Kristu, li dwaru hi tkellmet b’toni qawwija u bi xbihat simboliċi effikaċi ħafna: “Ftakar dejjem f’Ġesù msallab, Alla u bniedem (…). Żomm quddiemek lil Ġesù msallab, stkenn fil-pjagi ta’ Ġesù msallab, egħreq fid-demm ta’ Ġesù msallab” (Epistolarju, Ittra n. 21: Lil wieħed raġel).

 

Hawn nistgħu nifhmu għaliex Katerina, imqar jekk kienet konxja min-nuqqasijiet umani tas-saċerdoti, dejjem kellha qima l-aktar kbira lejhom: permezz tas-Sagramenti u tal-Kelma, huma jqassmulna l-qawwa feddejja tad-Demm ta’ Kristu. Il-qaddisa ta’ Siena dejjem stiednet lill-ministri mqaddsa, anki lill-Papa, li kienet issejjaħlu “Kristu ħelu fuq din l-art”, biex ikunu fidili lejn ir-responsabbiltajiet tagħhom, imqanqla dejjem u biss mill-imħabba qawwija u kostanti tagħha lejn il-Knisja. Qabel mietet qalet: “Waqt li nħalli ġismi jiena, fis-sewwa kollu, ikkunsmajt u tajt ħajti fil-Knisja u għall-Knisja Mqaddsa, li hija għalija grazzja l-aktar singulari” (Rajmondu ta’ Capua, S. Caterina da Siena, Legenda maior, n. 363).

 

Għalhekk, minn Santa Katerina aħna nitgħallmu l-aqwa għerf: dak li nsiru nafu u nħobbu lil Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu. Fid-Djalogu tal-Providenza Divina, hi, bi xbieha unika, tiddeskrivi lil Kristu qisu pont mifrux bejn is-sema u l-art. Hu magħmul minn tliet turġien imsawra mir-riġlejn, il-kustat u l-fomm ta’ Ġesù. Tielgħa minn dawn it-turġien, ir-ruħ tgħaddi mit-tliet tapep ta’ kull triq ta’ qdusija: id-distakk mid-dnub, it-taħriġ tal-virtujiet u tal-imħabba, l-għaqda ħelwa u kollha mħabba ma’ Alla.

 

Għeżież ħuti, ejjew nitgħallmu minn Santa Katerina kif inħobbu bil-kuraġġ, b’mod intens u sinċier, lil Kristu u lill-Knisja. Nagħmlu tagħna għalhekk kliem Santa Katerina li naqraw fid-Djalogu tal-Providenza Divina, fl-għeluq tal-kapitlu li jitkellem dwar Kristu bħala l-pont: “Bil-ħniena tiegħek ħsiltna fid-Demm; fil-ħniena tiegħek ridt tinżel tgħix mal-ħlejjaq tiegħek. Int għandek ġenn ta’ mħabba! Ma kienx biżżejjed għalik li ssir bniedem, imma ridt ukoll tmut! (…) O ħniena! Qalbi tegħreq fik bi ħsibijietha, għax kull fejn indawwar ħsiebi ma narax ħlief ħniena” (kap. 30, pp. 79-80). Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard