Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Marzu 2010

 

San Albertu l-Kbir

 

Għeżież ħuti,

 

Wieħed mill-akbar imgħallmin tat-teoloġija Medjevali hu San Albertu l-Kbir. It-titlu ta’ “kbir” (magnus), li bih għadda għall-istorja, juri l-firxa wiesgħa u l-profondità tat-tagħlim tiegħu, li hu sieħeb bil-qdusija ta’ ħajtu. Imma diġà n-nies ta’ żmienu ma baqgħux lura milli jattribwulu titli eċċellenti; dixxiplu tiegħu, Ulriku ta’ Strasbourg, sejjaħlu “għaġeb u miraklu ta’ żmienna”.

 

Twieled il-Ġermanja fil-bidu tas-seklu 13, u meta kien għadu żagħżugħ ħafna mar l-Italja, f’Padova, sede ta’ waħda mill-aktar universitajiet famużi tal-Medjuevu. Iddedika ruħu għall-istudju tal-hekk imsejħa “arti liberali”: grammatika, rettorika, djalettika, aritmetika, ġometrija, astronomija u mużika, jiġifieri tal-kultura ġenerali, fejn wera dak l-interess tipiku għax-xjenzi naturali, li ma kellux idum ma jsir il-qasam favorit tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Matul il-waqfa tiegħu Padova, iffrekwenta l-knisja tad-Dumnikani, li magħhom imbagħad ingħaqad bil-professjoni tal-voti reliġjużi. L-għejun aġjografiċi jagħtuna x’nifhmu li Albertu bil-mod il-mod immatura din id-deċiżjoni. Ir-relazzjoni intensa ma’ Alla, l-eżempju ta’ qdusija tal-Patrijiet Dumnikani, is-smigħ tal-prietki tal-Beatu Ġordanju ta’ Sassonja, suċċessur ta’ San Duminku fit-treġija tal-Ordni tal-Predikaturi, kienu l-fatturi deċiżivi li għenuh jirbaħ kull dubju, u jegħleb anki r-reżistenzi familjari. Spiss, fis-snin taż-żgħożija, Alla jkellimna u jurina x’għandu jkun il-proġett ta’ ħajjitna. Kif ġralu Albertu, anki għalina lkoll it-talb personali msaħħaħ mill-Kelma tal-Mulej, il-frekwentazzjoni tas-Sagramenti u l-gwida spiritwali ta’ nies imdawla huma l-mezzi biex niskopru u nimxu wara l-leħen ta’ Alla. Irċieva l-libsa reliġjuża mingħand il-Beatu Ġordanju ta’ Sassonja.

 

Wara l-Ordinazzjoni saċerdotali, is-Superjuri bagħtuh jgħallem f’diversi ċentri ta’ studji teoloġiċi biswit il-kunventi tal-Patrijiet Dumnikani. Bil-kwalitajiet intellettwali brillanti li kellu seta’ jipperfezzjona l-istudju tat-teoloġija fl-università l-aktar ċelebri ta’ żmienu, dik ta’ Pariġi. Sa minn dak iż-żmien San Albertu beda dik l-attività straordinarja ta’ kittieb, li mbagħad kompla għaddej biha ħajtu kollha.

 

Tawh xogħlijiet prestiġjużi. Fl-1248 ġie inkarigat jiftaħ studju teoloġiku f’Cologne, wieħed mill-postijiet l-aktar importanti tal-Ġermanja, fejn hu għex iktar minn darba, u li saret il-belt li hu addotta. Minn Pariġi ħa miegħu Cologne alljiev eċċezzjonali, Tumas ta’ Aquino. Biżżejjed dan il-mertu li kien mgħallem ta’ San Tumas, biex ikollna ammirazzjoni profonda lejn San Albertu. Bejn dawn iż-żewġ teologi kbar nibtet rabta ta’ stima u ħbiberija reċiproka, attitudnijiet umani li jgħinu ħafna għall-iżvilupp tax-xjenza. Fl-1254, Albertu ġie magħżul Provinċjal tal-“Provincia Teutoniæ” – tewtonika tal-Patrijiet Dumnikani, li kienet tiġbor komunitajiet imxerrda f’territorju vast tal-Ewropa Ċentrali u dik tat-Tramuntana. Hu spikka għaż-żelu li bih ħaddem dan il-ministeru, huwa u jżur il-komunitajiet u jfakkar il-ħin kollu lil ħutu l-patrijiet fil-fedeltà, għat-tagħlim u l-eżempji ta’ San Duminku.

 

Id-doni tiegħu ma ħarbux minn taħt għajnejn il-Papa ta’ dak iż-żmien, Alessandru IV, li ried lil Albertu għal ċertu żmien ma’ djulu f’Anagni – fejn il-Papiet spiss kienu jinġabru – f’Ruma stess u f’Viterbo, biex jinqeda bil-konsulenza teoloġika tiegħu. L-istess Papa ħatru Isqof ta’ Ragensburg, djoċesi kbira u famuża, li kienet, imma, għaddejja minn żmien iebes. Mill-1260 sal-1262 Albertu wettaq dan il-ministeru b’dedikazzjoni bla waqfien, u rnexxielu jġib il-paċi u l-ftehim fil-belt, u jorganizza mill-ġdid parroċċi u kunventi, u jmexxi mill-ġdid ’il quddiem il-ħidmiet ta’ karità.

 

Fis-snin 1263-1264 Albertu pprietka fil-Ġermanja u fil-Boemja, imqabbad mill-Papa Urbanu IV, biex imbagħad reġa’ mar Cologne u qabad mill-ġdid il-missjoni tiegħu ta’ professur, ta’ studjuż u ta’ awtur. Bniedem ta’ talb, ta’ xjenza u ta’ karità, kien igawdi awtorevolezza kbira fl-interventi tiegħu, f’diversi ġrajjiet tal-Knisja u tas-soċjetà ta’ żmienu: kien fuq kollox bniedem ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi f’Cologne, fejn l-Arċisqof kellu xi jgħid bl-ikrah mal-istituzzjonijiet tal-belt; ħabrek għall-iżvolġiment tat-II Konċilju ta’ Lyons, fl-1274, imsejjaħ mill-Papa Girgor X biex jgħin fl-għaqda mal-Griegi, wara l-firda tax-xiżma l-kbira tal-Lvant tal-1054; hu ċċara l-ħsieb ta’ Tumas ta’ Aquino, li kien oġġett ta’ oġġezzjonijiet u saħansitra ta’ kundanni li xejn ma kienu ġġustifikati.

 

Miet fiċ-ċella tal-kunvent tiegħu tas-Salib Imqaddes f’Cologne fl-1280, u malajr beda jiġi meqjum minn ħutu l-patrijiet. Il-Knisja pproponiet il-kult tiegħu lill-fidili bil-beatifikazzjoni, fl-1622, u bil-kanonizzazzjoni, fl-1931, meta l-Papa Piju XI ipproklamah Duttur tal-Knisja. Kien għarfien li bla dubju ta’ xejn kien jixraqlu lil dan il-bniedem kbir ta’ Alla u studjuż insinji mhux biss tal-veritajiet tal-fidi, imma ta’ għadd kbir ta’ oqsma oħra tal-għerf; fil-fatt, jekk nagħtu ħarsa lejn it-titli tal-għadd bla tarf ta’ opri, nintebħu li l-kultura tiegħu għandha xi ħaġa speċjali, u li l-interessi enċiklopediċi tiegħu wassluh biex jinteressa ruħu mhux biss fil-filosofija u t-teoloġija, bħal oħrajn fi żmienu, imma anki f’kull dixxiplina oħra magħrufa dak iż-żmien, mill-fiżika għall-kimika, mill-astronomija għall-mineraloġija, mill-botanika għaż-żooloġija. Għalhekk il-Papa Piju XII għamlu Patrun tal-kulturi tax-xjenzi naturali u hu msejjaħ ukoll Doctor universalis” proprju minħabba l-firxa wiesgħa tal-interessi u tal-għerf tiegħu.

 

Ċertament, il-metodi xjentifiċi mħaddma minn San Albertu l-Kbir ma humiex dawk li kellhom jiġu kkonfermati fis-sekli ta’ wara. Il-metodu tiegħu kien jikkonsisti sempliċiment fl-osservazzjoni, fid-deskrizzjoni u fil-klassifikazzjoni tal-fenomeni studjati, imma hekk hu fetaħ il-bieb għal xogħlijiet oħra fil-futur.

 

Hu għad fadallu ħafna x’jgħallimna. Fuq kollox, San Albertu jurina li bejn il-fidi u x-xjenza ma hemmx oppożizzjoni, minkejja xi episodji ta’ nuqqas ta’ ftehim li seħħu fl-istorja bejn it-tnejn. Bniedem ta’ fidi u ta’ talb, bħalma kien San Albertu l-Kbir, jista’ bla diffikultà ta’ xejn irawwem l-istudju għax-xjenzi naturali u jimxi ’l quddiem fl-għarfien tal-mikro u makrokożmu, u jiskopri l-liġijiet tal-materja, għax dan kollu jgħin biex wieħed iżid fil-għatx u l-imħabba ta’ Alla. Il-Bibbja tkellimna fuq il-ħolqien bħala l-ewwel lingwaġġ li permezz tiegħu Alla – li hu l-ogħla intelliġenza – jurina xi ħaġa minnu nnifsu. Il-ktieb tal-Għerf, ngħidu aħna, jistqarr li l-fenomeni tan-natura, mogħnija bil-kobor u l-ġmiel, huma bħall-opri ta’ artista, li minnhom, b’xebh, aħna nistgħu nagħrfu l-Awtur tal-ħolqien (ara Għerf 13:5). B’xebh klassiku fil-Medjuevu u fir-Rinaxximent nistgħu nipparagunaw id-dinja naturali ma’ ktieb miktub minn Alla, li aħna naqraw skont id-diversi perspettivi tax-xjenza (ara Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi, 31 ta’ Ottubru 2008). Fil-fatt, kemm xjenzati, fuq il-passi ta’ San Albertu l-Kbir, komplew bit-tiftix tagħhom imnebbħin mis-sens ta’ stagħġib u ta’ gratitudni quddiem id-dinja li, fl-għajnejn tagħhom ta’ studjużi u ta’ nies ta’ fidi, kienet u għadha tidher bħala l-opra tajba ta’ Ħallieq għaref u kollu mħabba! L-istudju xjentifiku hawn jinbidel f’innu ta’ tifħir. Dan kien fehmu tajjeb ħafna astrofiżiku kbir ta’ żmienna, li nfetħet il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu, Enrico Medi, li kiteb: “Intom, o galassiji misterjużi…, jien narakom, nikkalkulakom, nifhimkom, nistudjakom u niskoprikom, ninfed fikom u niġborkom. Minnkom nieħu d-dawl u nagħmlu xjenza, nieħu l-moviment u nagħmu għerf, nieħu d-dija tal-ilwien u nagħmilha poeżija; jiena nieħu lilkom, kwiekeb, f’idejja, u mriegħed fl-għaqda tal-eżistenza tiegħi, nerfagħkom iżjed minnkom infuskom, u fit-talb noffrikom lill-Ħallieq, li biss permezz tiegħi intom il-kwiekeb tistgħu tadurawh” (Le opere. Inno alla creazione).

 

San Albertu l-Kbir ifakkarna li bejn xjenza u fidi hemm ħbiberija, u li l-bnedmin tax-xjenza jistgħu jimxu, permezz tal-vokazzjoni tagħhom għall-istudju tan-natura, fi triq awtentika u affaxxinanti ta’ qdusija.

 

Il-ftuħ straordinarju tiegħu tal-ħsieb jidher ukoll f’operazzjoni kulturali li hu wettaq b’suċċess, jiġifieri meta laqa’ u vvalorizza l-ħsieb ta’ Aristotli. Fil-fatt, fi żmien San Albertu kien qed jixtered l-għarfien ta’ għadd kbir ta’ opri ta’ dan il-filosfu kbir Grieg li għex fir-raba’ seklu qabel Kristu, fuq kollox fil-qasam tal-etika u tal-metafiżika. Dawn kien juru l-qawwa tar-raġuni, ifissru b’ċarezza s-sens u l-istruttura tar-realtà, l-intelliġibbiltà tagħha, il-valur u l-fini tal-azzjoni umana. San Albertu l-Kbir fetaħ il-bieb biex il-filosofija ta’ Aristotli setgħet tiġi milqugħa b’mod sħiħ mill-filosofija u t-teoloġija Medjevali, ħaġa li mbagħad ġiet elaborata darba għal dejjem minn San Tumas. Dan il-mod kif ġiet milqugħa filosofija, biex ngħidu hekk, pagana pre-Kristjana kien rivoluzzjoni kulturali awtentika għal dak iż-żmien. Madankollu, ħafna ħassieba Nsara kienu jibżgħu mill-filosofija ta’ Aristotli, il-filosofija mhix Nisranija, fuq kollox għax hi, ippreżentata mill-kummentaturi Għarab tagħha, kienet ġiet interpretata b’mod li tidher, tal-inqas f’xi punti tagħha, kważi ma tista’ tiġi rrikonċiljata bl-ebda mod mal-fidi Nisranija. Għalhekk kien hemm dilemma: fidi u raġuni huma f’kuntrast bejniethom jew le?

 

U hawn jinsab wieħed mill-merti kbar ta’ San Albertu: b’serjetà xjentifika studja l-opri ta’ Aristotli, konvint li dak kollu li hu tassew razzjonali hu kompatibbli mal-fidi rivelata fl-Iskrittura Mqaddsa. Fi kliem ieħor, San Albertu l-Kbir hekk ta sehem fil-formazzjoni ta’ filosofija awtonoma, magħżula mit-teoloġija u magħquda magħha biss mill-għaqda tal-verità. U hekk twieldet fis-seklu 13 distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ oqsma tal-għerf, il-filosofija u t-teoloġija, li, fi djalogu bejniethom, jikkoperaw b’mod armonjuż għall-iskoperta tal-vokazzjoni awtentika tal-bniedem, għatxan għall-verità u għall-hena: u hi fuq kollox it-teoloġija, li San Albertu jsejħilha “xjenza affettiva”, dik li turi lill-bniedem is-sejħa tiegħu għall-ferħ ta’ dejjem, ferħ li joħroġ mill-għaqda sħiħa mal-verità.

 

San Albertu l-Kbir kellu l-ħila jikkomunika dawn il-kunċetti b’mod sempliċi u li jinftiehem. Iben veru ta’ San Duminku, ipprietka mill-qalb lill-poplu ta’ Alla, li baqa’ mirbuħ mill-kelma tiegħu u mill-eżempju ta’ ħajtu.

 

Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej biex fil-Knisja mqaddsa ma jonqsu qatt teologi mgħallma, qaddisa u għorrief bħal San Albertu l-Kbir, u biex jgħin lil kull wieħed u waħda minna nagħmlu tagħna l-“formula tal-qdusija” li hu mexa magħha f’ħajtu: “Dak li nixtieq, nixtiequ kollu għall-glorja ta’ Alla, kif Alla jrid għall-glorja tiegħu dak kollu li jrid Hu”, u hekk dejjem nitwaħħdu mar-rieda ta’ Alla biex nixtiequ u nagħmlu kollox biss u dejjem għall-glorja tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard