Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 23 ta’ Settembru 2009

 

Sant’Anselmu

 

Għeżież ħuti,

 

F’Ruma, fuq l-għolja tal-Aventino, hemm l-Abbazija Benedittina ta’ Sant’Anselmu. Bħala sede ta’ Istitut ta’ studji superjuri u tal-Abbati Primat tal-Benedettini Konfederati, hija post li jiġbor fih it-talb, l-istudju u t-tmexxija, proprju t-tliet ħidmiet li jikkaratterizzaw il-ħajja tal-qaddis li lilu hu ddedikat: Anselmu ta’ Aosta li din is-sena jaħbat id-IX ċentinarju mill-mewt tiegħu. L-għadd ta’ inizjattivi, promossi speċjalment mid-Djoċesi ta’ Aosta għal din ir-rikorrenza sabiħa, kixfu l-interess li għadu jqanqal dan il-ħassieb Medjevali. Huwa magħruf ukoll bħala Anselmu ta’ Bec u Anselmu ta’ Canterbury minħabba l-bliet li magħhom kellu rabta. Min hu dan il-persunaġġ li miegħu tliet postijiet, imbiegħda minn xulxin u fi tliet Nazzjonijiet differenti – l-Italja, Franza, l-Ingilterra –, iħossuhom partikularment marbuta? Monaku ta’ ħajja spiritwali intensa, edukatur eċċellenti ta’ żgħażagħ, teologu b’ħila straordinarja ta’ spekulazzjoni, raġel għaref ta’ tmexxija u difensur intransiġenti tal-libertas Ecclesiæ, Anselmu hu waħda mill-personalitajiet eminenti tal-Medjuevu, li għaraf jarmonizza dawn il-kwalitajiet kollha grazzi għal esperjenza profonda mistika, li dejjem mexxiet il-ħsieb u l-azzjoni tiegħu.

 

Sant’Anselmu twieled fl-1033 (jew fil-bidu tal-1034) f’Aosta, l-ewwel iben ta’ familja nobbli. Missieru kien bniedem aħrax, mixħut għall-pjaċiri tal-ħajja u jberbaq ġidu; imma ommu kienet mara ta’ drawwiet għolja u ta’ reliġjożità qawwija (ara Eadmeru, Vita s. Anselmi, PL 159, kol. 49). Kienet hi li ħadet ħsieb tal-ewwel formazzjoni umana u reliġjuża ta’ binha, li mbagħad fdatu f’idejn il-Benedittini ta’ prijorat f’Aosta. Anselmu, li sa minn ċkunitu – kif jirrakkonta l-bijografu tiegħu – kien jistħajjel l-għamara ta’ Alla qalb il-qċaċet għoljin u miksija silġ tal-Alpi, lejl wieħed ħolom li kien mistieden f’dan il-palazz mill-isbaħ ta’ Alla nnifsu, li dam fit-tul jitħaddet miegħu bħal bejn żewġt iħbieb u fl-aħħar offrielu jiekol “ħobż tassew bajdani” (ibid., kol. 51). Dan is-sinjal ħallieh iżjed konvint li kien imsejjaħ għal missjoni għolja. Fl-età ta’ ħmistax-il sena, talab li jidħol fl-Ordni Benedittin, imma missieru ħadha qatta’ bla ħabel kontrih u ma ċediex imqar meta ibnu, marid serjament, kif ħassu qrib tal-mewt, talab l-abitu reliġjuż bħala l-aħħar faraġ. Wara l-fejqan u l-mewt bikrija tal-omm, Anselmu għadda minn perjodu ta’ nixfa morali: warrab l-istudji u, mifni mill-passjonijiet ta’ din l-art, ittarrax għas-sejħa ta’ Alla. Telaq mid-dar u beda jiġri ma’ Franza jfittex esperjenzi ġodda. Wara tliet snin, xħin wasal in-Normandija, mar fl-Abbazija Benedittina ta’ Bec, għax ħassu miġbud mill-fama ta’ Lanfranco ta’ Pavia, prijur tal-monasteru. Din kienet għalih laqgħa providenzjali u deċiżiva għall-bqija ta’ ħajtu. Taħt il-gwida ta’ Lanfranco, Anselmu fil-fatt reġa’ qabad b’ħeġġa l-istudji tiegħu u, f’qasir żmien, sar mhux biss l-alliev ippreferut tiegħu, imma wkoll il-ħabib tal-qalb tal-imgħallem. Il-vokazzjoni monastika tiegħu reġgħet tkebbset u, wara valutazzjoni attenta, fl-età ta’ 27 sena, daħal fl-Ordni monastiku u ġie ordnat saċerdot. L-axxeżi u l-istudju fetħulu quddiemu ixfqa ġodda, u reġa’ sab, fi grad wisq ogħla, dik il-familjarità ma’ Alla li kellu meta kien għadu ċkejken.

 

Meta fl-1063 Lanfranco sar Abbati ta’ Caen, Anselmu, wara biss tliet snin ta’ ħajja monastika, ġie maħtur prijur tal-monasteru ta’ Bec u mgħallem tal-iskola klawstrali, fejn wera ħiliet ta’ edukatur raffinat. Ma kienx iħobb il-metodi awtoritarji; liż-żgħażagħ kien ixebbahhom max-xtieli żgħar li jikbru aħjar jekk ma jkunux magħluqa fis-serer u kien iħobb jagħtihom libertà “sana”. Kien esiġenti ħafna miegħu nnifsu u mal-oħrajn fl-osservanza monastika, imma flok jimponi d-dixxiplina kien iħabrek biex jipperswadihom isegwuha. Fil-mewt tal-abbati Erluwinu, fundatur tal-abbazija ta’ Bex, Anselmu ġie elett unanimament biex jilħaq warajh: kien Frar 1079. Sadattant, għadd ta’ monaċi ġew imsejħa Canterbury biex iwasslu lil ħuthom in-naħa l-oħra tal-fliegu t-tiġdid li kien għaddej fil-kontinent. L-opra tagħhom ġiet milqugħa tajjeb, sal-punt li Lanfranco minn Pavia, abbati ta’ Caen, sar l-Arċisqof il-ġdid ta’ Canterbury u talab lil Anselmu jgħaddi xi żmien miegħu biex jgħallem lill-monaċi u jgħinu fil-qagħda diffiċli li fiha kienet sabet ruħha l-komunità ekkleżjali tiegħu wara l-invażjoni tan-Normanni. Iż-żmien li għadda Anselmu ħalla ħafna frott; hu rebaħ is-simpatija u l-istima ta’ ħafna, tant li, mal-mewt ta’ Lanfranco, ġie magħżul biex jeħodlu postu fuq is-sede arċiveskovili ta’ Canterbury. Irċieva l-konsagrazzjoni episkopali solenni f’Diċembru 1093.

 

Anselmu ħabrek minnufih f’taqbida enerġetika għal-libertà tal-Knisja, u wieżen b’kuraġġ l-indipendenza tas-setgħa spiritwali minn dik temporali. Iddefenda l-Knisja mill-interferenzi żejda tal-awtoritajiet politiċi, fuq kollox tar-Rejiet Guliermu Rufu u Neriku I, u f’dan sab l-inkuraġġiment u l-appoġġ tal-Papa, li miegħu Anselmu wera dejjem qbil kuraġġjuż u kordjali. Din il-fedeltà swietlu, fl-1103, anki l-imrar tal-eżilju mis-sede tiegħu ta’ Canterbury. U kien biss meta, fl-1106, ir-Re Neriku I irrinunzja għall-pretensjoni li jagħti hu l-investituri ekkleżjastiċi, kif ukoll għall-ġbir tat-taxxi u għall-ikkonfiskar tal-ġid tal-Knisja, li Anselmu seta’ jirritorna l-Ingilterra, milqugħ b’mod solenni mill-kleru u mill-poplu. Hekk għalqet b’mod feliċi t-taqbida twila li hu ssielet bl-armi tal-perseveranza, tal-qlubija u tat-tjieba. Dan l-Arċisqof qaddis li kien iqanqal tant ammirazzjoni madwaru, kull fejn kien ikun, iddedika l-aħħar snin ta’ ħajtu fuq kollox għall-formazzjoni morali tal-kleru u għat-tiftix intellettwali dwar argumenti teoloġiċi. Miet fil-21 ta’ April 1109, imsieħeb mill-kelmiet tal-Vanġelu mxandra fil-quddiesa ta’ dakinhar: “Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati…” (Lq 22:28-30). Hekk il-ħolma ta’ dik l-ikla misterjuża, li fi ċkunitu kellu proprju fil-bidu tal-mixja spiritwali tiegħu, issa sabet il-milja tagħha. Ġesù, li kien stiednu joqgħod mal-mejda tiegħu, laqa’ lil Sant’Anselmu, f’mewtu, fis-saltna eterna tal-Missier.

 

“O Alla, nitolbok, nixtieq insir nafek, nixtieq inħobbok u nista’ ngawdik. U jekk f’din il-ħajja ma nistax nasal għal dan b’mod sħiħ, nista’ tal-inqas ta’ kuljum nimxi ftit ftit sa ma nasal għall-milja” (Proslogion, kap. 14). Din it-talba tgħinna nifhmu r-ruħ mistika ta’ dan il-qaddis kbir taż-żmien Medjevali, fundatur tat-teoloġija Skolastika, li lilu t-tradizzjoni Nisranija tatu t-titlu ta’ “Duttur Manifiku” għax rawwem fih xewqa intensa li japprofondixxi l-Misteri divini, imma fl-għarfien sħiħ li l-mixja ta’ min ifittex lil Alla qatt ma hi magħluqa, tal-inqas fuq din l-art. Iċ-ċarezza u l-preċiżjoni loġika tal-ħsieb tiegħu dejjem kellhom bħala għan tagħhom li “jgħollu l-ħsieb lejn il-kontemplazzjoni ta’ Alla” (Ivi, Prœmium). Hu jistqarr b’mod ċar li min jixtieq jagħmel it-teoloġija ma jistax iserraħ biss fuq l-intelliġenza tiegħu, imma għandu jrawwem fl-istess waqt esperjenza profonda ta’ fidi. Il-ħidma tat-teologu, skont Sant’Anselmu, hekk tiżviluppa fi tliet stadji: il-fidi, don b’xejn ta’ Alla li għandna nilqgħuh b’umiltà; l-esperjenza, li tikkonsisti f’li nlaħħmlu l-kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum; u allura l-għarfien veru, li qatt ma hu frott ta’ raġunamenti sterili, imma ta’ intuwizzjoni kontemplattiva. F’dan kollu, jibqgħu siewja daqs qatt qabel illum ukoll, għal tiftixa tajba teoloġika u għal kull min irid jinżel iktar fil-fond tal-veritajiet tal-fidi, il-kelmiet ċelebri tiegħu: “Mhux ħa nipprova, Mulej, ninfed fil-profondità tiegħek, għax lanqas mill-bogħod ma nista’ nqabbel magħha l-għerf tiegħi; imma nixtieq nifhem, tal-inqas sa ċertu punt, il-verità tiegħek, li l-qalb tiegħi temmen u tħobb. Fil-fatt m’iniex infittex li nifhem biex nemmen, imma nemmen biex nifhem” (Ivi, 1).

 

Għeżież ħuti, l-imħabba għall-verità u l-għatx kontinwu ta’ Alla, li mmarkaw il-ħajja kollha ta’ Sant’Anselmu, ħa jkunu stimolu għal kull Nisrani biex ifittex bla qatt ma jegħja għaqda dejjem iżjed intima ma’ Kristu, it-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Barra minn hekk, ħa jkun iż-żelu mimli kuraġġ li mmarka l-azzjoni pastorali tiegħu, u li xi drabi kkawżalu inkomprensjonijiet, imrar u saħansitra l-eżilju, inkuraġġiment għar-Ragħajja, għall-persuni kkonsagrati u għall-fidili kollha biex iħobbu l-Knisja ta’ Kristu, biex jitolbu, biex jaħdmu u jbatu għaliha, bla qatt jabbandunawha jew jittraduha. Ħa tiksbilna din il-grazzja l-Verġni Omm Alla, li lejha Sant’Anselmu kellu devozzjoni ħelwa u ta’ iben. “Marija, lilek trid tħobb qalbi”, jikteb Sant’Anselmu, “lilek ilsieni jixtieq iweġġaħ kollu ħerqa”.

 

imiġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard