Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 23 ta’ Ġunju 2010

 

San Tumas ta’ Aquino (3)

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkompli u nagħlaq, bit-tielet parti, il-katekeżijiet tiegħi fuq San Tumas ta’ Aquino. Imqar fuq seba’ mitt sena wara mewtu, nistgħu nitgħallmu ħafna minnu. Dan fakkru wkoll il-Predeċessur tiegħi, il-Papa Pawlu VI, li, f’diskors li għamel f’Fossanova fl-14 ta’ Settembru 1974, fl-okkażjoni tas-seba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Tumas, staqsa: “Mgħallem Tumas, liema lezzjoni tista’ tagħtina?”. U wieġeb hekk: “Il-fiduċja fil-verità tal-ħsieb reliġjuż Kattoliku, li hu ddefenda, espona, fetaħ għall-ħila tal-għarfien tal-ħsieb uman” (Insegnamenti di Paolo VI, XII [1974], pp. 833-834). U, fl-istess jum, f’Aquino, dejjem f’riferiment għal San Tumas, stqarr: “Ilkoll kemm aħna, jekk aħna wlied fidili tal-Knisja, nistgħu u għandna, tal-inqas b’xi mod, inkunu dixxipli tiegħu!” (Ibid., p. 836).

 

Mela ejjew aħna wkoll noqogħdu fl-iskola ta’ San Tumas u tal-kapulavur tiegħu, is-Summa Theologiæ. Baqgħet mhix kompluta, u madankollu hija opra monumentali: fiha 512-il mistoqsija u 2,669 artiklu. Hi raġunament ikkonċentrat, li fih l-applikazzjoni tal-intelliġenza umana għall-misteri tal-fidi ssir b’ċarezza u profondità, f’nisġa ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, li fihom San Tumas jinżel fil-fond tat-tagħlim mill-Iskrittura Mqaddsa u mill-Missirijiet tal-Knisja, fuq kollox minn Santu Wistin. F’din ir-riflessjoni, fil-laqgħa ma’ mistoqsijiet veri ta’ żmienu, li huma spiss ukoll mistoqsijiet tagħna, San Tumas inqeda wkoll bil-metodu u l-ħsieb tal-filosfi tal-qedem, b’mod partikulari ta’ Aristotli, biex hekk wasal għal formulazzjonijiet preċiżi u ċari dwar il-veritajiet tal-fidi, fejn il-verità hija don tal-fidi, tilma u ssir aċċessibbli għalina, għar-riflessjoni tagħna. Imma dan l-isforz tal-ħsieb uman – ifakkarna Akwinu bl-istess ħajja tiegħu – hu dejjem imdawwal mit-talb, mid-dawl li jiġi mill-Għoli. Huwa biss min jgħix ma’ Alla u mal-misteri li jista’ wkoll jifhem x’jgħidu dawn.

 

Fis-Summa ta’ Teoloġija, San Tumas jitlaq mill-fatt li hemm tliet modi differenti tal-essri u tal-essenza ta’ Alla: Alla jeżisti fih innifsu, huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox, u għalhekk il-ħlejjaq ġejjin u jiddependu minnu; imbagħad Alla hu preżenti permezz tal-Grazzja tiegħu fil-ħajja u fil-ħidma tan-Nisrani, tal-qaddisin; fl-aħħar nett, Alla hu preżenti b’mod għalkollox speċjali fil-Persuna ta’ Kristu li hawn hu magħqud tassew mal-bniedem Ġesù, u jaħdem fis-Sagramenti, li jgelglu mill-opra feddejja tiegħu. Għalhekk, il-binja ta’ din l-opera monumentali (ara Jean-Pierre Torrell, La Summa di San Tommaso, Milano 2003, pp. 29-75), li hi tiftixa b’“ħarsa teoloġika” tal-milja ta’ Alla (ara Summa Theologiæ, Ia, q. 1, a. 7), hi artikulata fi tliet partijiet, u l-istess Doctor Communis – San Tumas – jurihielna b’dawn il-kelmiet: “L-għan ewlieni tad-duttrina mqaddsa hu dak li turi min hu Alla, u mhux biss fih innifsu, imma wkoll bħala l-bidu u t-tmiem ta’ kollox, u speċjalment tal-ħlejqa li għandha r-raġuni. Bl-għan li nuru din id-duttrina, aħna se nittrattaw l-ewwel lil Alla; it-tieni, il-moviment tal-ħlejqa lejn Alla; u t-tielet, lil Kristu, li, bħala bniedem, huwa għalina triq biex naslu għand Alla” (Ibid., I, q. 2). Hu ċirku dan: Alla fih innifsu, li joħroġ minnu nnifsu u jaqbdilna jdejna, biex hekk ma’ Kristu nerġgħu lura għand Alla, ningħaqdu ma’ Alla, u Alla jkun kollox f’kulħadd.

 

L-ewwel parti tas-Summa Theologiæ allura tistħarreġ dwar Alla fih innifsu, dwar il-misteru tat-Trinità u dwar il-ħidma ħallieqa ta’ Alla. F’din il-parti nsibu wkoll riflessjoni profonda fuq ir-realtà awtentika tal-essri uman bħala dak li ħareġ mill-idejn ħallieqa ta’ Alla, hu frott ta’ mħabbtu. Minn naħa aħna essri maħluq, dipendenti, m’aħniex ġejjin minna nfusna; imma, mill-oħra, għandna awtonomija vera, hekk li aħna m’aħniex biss xi ħaġa li tidher – kif jgħidu xi filosfi Platoniċi – imma realtà mixtieqa minn Alla bħala tali, u b’valur fiha nfisha.

 

Fit-tieni parti San Tumas iqis lill-bniedem, imċaqlaq mill-Grazzja, fix-xenqa tiegħu li jsir jaf u jħobb lil Alla biex ikun hieni fiż-żmien u fl-eternità. L-ewwel ħaġa, l-Awtur jippreżenta l-prinċipji teoloġiċi tal-azzjoni morali, u jistħarreġ kif, fl-għażla libera tal-bniedem li jwettaq għemejjel tajbin, hemm integrati r-raġuni, ir-rieda u l-passjonijiet, li magħhom iżid il-qawwa li tagħti l-Grazzja ta’ Alla permezz tal-virtujiet u d-doni tal-Ispirtu s-Santu, kif ukoll l-għajnuna li tiġi offruta mil-liġi morali. Għalhekk l-essri uman huwa essri dinamiku li jfittex lilu nnifsu, ifittex li jsir hu nnifsu u jfittex, f’dan is-sens, li jwettaq għemejjel li jibnuh, jagħmluh tassew bniedem; u hawn tidħol il-liġi morali, jidħlu l-Grazzja u r-raġuni, ir-rieda u l-passjonijiet tal-persuna. Fuq din il-bażi San Tumas jagħtina l-fiżjonomija tal-bniedem li jgħix skont l-Ispirtu u li hekk isir ikona ta’ Alla. Hawn Akwinu jieqaf biex jistudja t-tliet virtujiet teologali – fidi, tama u mħabba –, u mbagħad jagħmel eżami mirqum ta’ iżjed minn ħamsin virtù morali, imqassmin madwar l-erba’ virtujiet kardinali – l-għaqal, il-ħaqq, il-qies u l-qawwa. Jagħlaq imbagħad bir-riflessjoni fuq id-diversi vokazzjonijiet fil-Knisja.

 

Fit-tielet parti tas-Summa, San Tumas jistudja l-Misteru ta’ Kristu – it-triq u l-verità – li permezz tiegħu aħna nistgħu nerġgħu ningħaqdu ma’ Alla l-Missier. F’din it-taqsima jikteb paġni, li tista’ tgħid aqwa minnhom m’hawnx, dwar il-Misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Passjoni ta’ Ġesù, u mbagħad iżid trattat wiesa’ dwar is-seba’ Sagramenti, għax fihom il-Verb divin inkarnat jestendi l-benefiċċji tal-Inkarnazzjoni għas-salvazzjoni tagħna, għall-mixja tagħna ta’ fidi lejn Alla u l-ħajja ta’ dejjem, u jibqa’ kważi materjalment preżenti fir-realtajiet tal-ħolqien, u hekk imissna fil-ġewwieni tagħna.

 

Meta jitkellem fuq is-Sagramenti, San Tumas jieqaf b’mod partikulari fuq il-Misteru tal-Ewkaristija, li lejh kellu devozzjoni mill-akbar, sal-punt li, skont il-bijografi l-qodma tiegħu, kien imdorri jmidd rasu fuq it-Tabernaklu, biex bħallikieku jisma’ tħabbat il-Qalb divina u umana ta’ Ġesù. F’opra tiegħu ta’ kummentarju għall-Iskrittura, San Tumas jgħinna nifhmu l-kobor tas-Sagrament tal-Ewkaristija, meta jikteb: “L-Ewkaristija, bħala s-sagrament tal-Passjoni ta’ Sidna, fiha lil Ġesù Kristu li bata għalina. Għalhekk dak kollu li hu effett tal-Passjoni ta’ Sidna, huwa wkoll effett ta’ dan is-sagrament, billi mhuwiex għajr l-applikazzjoni fina tal-Passjoni tal-Mulej” (In Ioannem, c. 6, lect. 6, n. 963). Nistgħu nifhmu tajjeb għaliex San Tumas u qaddisin oħra ċċelebraw il-Quddiesa jxerrdu d-dmugħ ta’ kompassjoni għall-Mulej, li jingħata f’sagrifiċċju għalina, dmugħ ta’ ferħ u ta’ gratitudni.

 

Għeżież ħuti, fl-iskola tal-qaddisin, ejjew ninnamraw ma’ dan is-Sagrament! Nieħdu sehem fil-Quddiesa bil-ġabra, biex niksbu l-frott spiritwali tagħha, nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, biex nisseddqu bla waqfien bil-Grazzja divina! Noqogħdu minn qalbna u ta’ sikwit, wiċċ imb wiċċ, fil-kumpanija tas-Santissmu Sagrament!

 

Dak li San Tumas wera b’rigorożità xjentifika fl-opri teoloġiċi maġġuri tiegħu, bħalma huma appuntu s-Summa Theologiæ, u anki s-Summa contra Gentiles, esponieh ukoll fil-predikazzjoni tiegħu, lill-istudenti u l-fidili. Fl-1273, sena qabel mewtu, tul ir-Randan kollu, hu pprietka fil-Knisja ta’ San Domenico Maggiore f’Napli. Il-kontenut ta’ dawk il-prietki ġie miġbur u kkonservat: huma l-Opuskoli li fihom hu jfisser is-Simbolu tal-Appostli, jinterpreta t-talba tal-Missierna, jispjega d-Dekalogu, u jikkummenta s-Sliema. Il-kontenut tal-predikazzjoni tad-Doctor Angelicus jikkorrispondi kważi kollu mal-qafas tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Fil-fatt, fil-katekeżi u fil-predikazzjoni, fi żmien bħal tagħna ta’ tiġdid tal-evanġelizzazzjoni, qatt m’għandhom jonqsu dawn l-argumenti fundamentali: jiġifieri dak li aħna nemmnu, u allura s-Simbolu tal-fidi jew Kredu; dak li aħna nitolbu, u allura l-Missierna u s-Sliema; u dak li aħna ngħixu bħalma tgħallimna r-Rivelazzjoni Biblika, u allura l-liġi tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu u l-Għaxar Kmandamenti, bħala esplikazzjoni ta’ dan il-mandat tal-imħabba.

 

Nixtieq nipproponi xi eżempju tal-kontenut, sempliċi, essenzjali u konvinċenti, tat-tagħlim ta’ San Tumas. Fl-Opuskolu fuq is-Simbolu tal-Appostli huwa jfisser il-valur tal-fidi. Permezz tagħha, jgħidilna, ir-ruħ tingħaqad ma’ Alla, u tipproduċi bħal nibta tal-ħajja eterna; il-ħajja tirċievi orjentament fiż-żgur, u b’ħeffa ikbar aħna negħlbu t-tentazzjonijiet. Lil min joġġezzjona u jgħid li l-fidi hija bluha, għax iġġagħlek temmen f’xi ħaġa li ma taqax taħt l-esperjenza tas-sensi, San Tumas joffri tweġiba artikulata ħafna, u jfakkar li dan hu dubju inkonsistenti, għax l-intelliġenza umana hija limitata u ma tistax tkun taf kollox. Ara kieku stajna nkunu nafu perfettament il-ħwejjeġ kollha li jidhru u ma jidhrux, allura kienet tassew tkun bluha li naċċettaw veritajiet bil-fidi waħidha! Mill-bqija, impossibbli ngħixu, josserva San Tumas, mingħajr ma nafdaw fl-esperjenza ta’ ħaddieħor, hemm fejn l-għarfien personali tagħna ma jasalx. Allura hi ħaġa raġonevoli li nemmnu f’Alla li jirrivela ruħu u fix-xhieda tal-Appostli: huma kienu ftit, sempliċi u foqra, u ħassewhom mirbuħa minħabba li sallbu lill-Imgħallem tagħhom; imma ħafna persuni għorrief, nobbli u għonja kkonvertew fi ftit żmien malli semgħu l-predikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, hawn għandna fenomenu storikament tal-għaġeb, li għalih diffiċli nsibu tweġiba raġonevoli oħra, jekk mhux dik tal-laqgħa tal-Appostli ma’ Kristu Rxoxt.

 

Xħin jikkummenta l-artiklu tal-Kredu dwar l-Inkarnazzjoni tal-Verb divin, San Tumas jagħmel xi kunsiderazzjonijiet. Jistqarr li l-fidi Nisranija, meta tqis il-misteru tal-Inkarnazzjoni, iktar hi msaħħa; it-tama tikber fil-fiduċja, għall-ħsieb li l-Iben ta’ Alla niżel fostna, wieħed minna, biex jagħti lill-bnedmin id-divinità tiegħu; l-imħabba tieħu ħajja ġdida, għax ma hemmx sinjal iktar ċar tal-imħabba ta’ Alla għalina, daqs dak li naraw lill-Ħallieq tal-univers isir ħlejqa huwa stess, wieħed minna. Fl-aħħar nett, meta nqisu l-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla, inħossu titkebbes fina x-xewqa tagħna li nilħqu lil Kristu fil-glorja. San Tumas jinqeda b’paragun sempliċi u effikaċi meta josserva: “Jekk ħu s-sultan ikun imbiegħed minnu, m’hemmx dubju li jkollu seba’ mitt sena sa ma jasal ħdejh. Mela, Kristu huwa ħuna: għalhekk jeħtieġ nixxennqu għall-kumpanija tiegħu, sa ma nsiru qalb waħda miegħu” (Opuscoli teologico-spirituali, Roma 1976, p. 64).

 

Meta jippreżenta l-Missierna, San Tumas jurina li hi perfetta fiha nfisha, għax fiha l-ħames karatteristiċi kollha li għandu jkollha talba magħmula kif imiss: abbandun fiduċjuż u trankwill; kontenut tajjeb u siewi, għax – josserva San Tumas – “hu pjuttost diffiċli tkun taf eżattament x’għandek titlob u x’m’għandekx, ladarba nsibuha bi tqila nagħżlu minn fost ix-xewqat tagħna” (Ibid., p. 120); u mbagħad l-ordni tajjeb tal-petizzjonijiet, il-ħeġġa tal-karità, u s-sinċerità tal-umiltà.

 

San Tumas kien, bħall-qaddisin kollha, devot kbir tal-Madonna. Sejħilha b’titlu stupend: Triclinium totius Trinitatis, triklinju, jiġifieri post fejn it-Trinità ssib il-mistrieħ tagħha, għax, minħabba fl-Inkarnazzjoni, fl-ebda ħlejqa oħra daqsha t-tliet Persuni divini ma jgħammru u jsibu l-għaxqa u l-ferħ li jgħixu fir-ruħ tagħha mimlija Grazzja. Għall-interċessjoni tagħha nistgħu niksbu kull għajnuna.

 

B’talba, li tradizzjonalment hi attribwita lil San Tumas u li, hu x’inhu, tirrifletti l-elementi tad-devozzjoni Marjana qawwija tiegħu, ejjew ngħidu aħna wkoll: “O l-aktar imqaddsa u ħelwa Verġni Marija, Omm Alla…, jiena nafda lill-qalb ħanina tiegħek il-ħajja kollha tiegħi… Aqlagħli, o Sidt l-aktar ħelwa tiegħi, imħabba vera, li biha nista’ nħobb b’qalbi kollha lill-Iben wisq qaddis tiegħek, u lilek warajh, fuq kull ħaġa oħra, u lill-proxxmu f’Alla u għal Alla”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard