Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 22 ta’ Awwissu 2007

 

San Girgor Nazjanzenu

II: It-tagħlim

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-serje ta’ profili ta’ Missirijiet u Dutturi kbar tal-Knisja li qed nipprova noffri f’dawn il-katekeżijiet, l-aħħar darba tkellimt fuq San Girgor Nazjanzenu, Isqof tar-raba’ seklu; u issa nixtieq inkompli dan il-profil. Illum se nippruvaw niġbru xi wħud mit-tagħlim tiegħu. Meta jirrifletti fuq il-missjoni li fdalu Alla, San Girgor Nazjanzenu hekk jikkonkludi: “Jien ġejt maħluq biex bl-għemejjel tiegħi nogħla ’l fuq lejn Alla” (Diskors 14,6 fuq l-imħabba għall-foqra). Fil-fatt, hu qiegħed għas-servizz ta’ Alla u tal-Knisja t-talent tiegħu ta’ kittieb u ta’ oratur. Niseġ għadd bla qies ta’ diskorsi, bosta omeliji u paniġierki, ħafna ittri u opri poetiċi (kważi 18,000 vers!): ħidma tassew tal-għaġeb. Fehem li din kienet il-missjoni li Alla kien fdalu: “Qaddej tal-Kelma, jiena għandi sehem fil-ministeru tal-Kelma; jalla ma nwarrab qatt dan il-ġid. Din il-vokazzjoni jiena ngħożżha u nħobbha, iktar nikseb ferħ minnha milli mill-ħwejjeġ l-oħra kollha ma’ xulxin” (Diskors 6,5; ara wkoll Diskors 4,10).

 

In-Nazjanzenu kien bniedem umli u twajjeb, u fil-ħajja tiegħu fittex dejjem li jagħmel ħidma ta’ paċi fil-Knisja ta’ żmienu, mifnija b’nuqqas ta’ ftehim u b’ereżiji. Bi qlubija evanġelika stinka biex jegħleb il-mistħija tiegħu u jxandar il-verità tal-fidi. Kien iħoss fih ix-xenqa qawwija li joqrob iżjed lejn Alla, li jingħaqad miegħu. Dan hu li jesprimi huwa stess f’poeżija tiegħu, fejn jikteb: qalb l-“imwieġ għoljin tal-baħar tal-ħajja, / minn hemm u minn hawn imċaqlaq minn irjieħ qalila, / … / ħaġa waħda kienet għażiża għalija, l-għana waħdieni tiegħi, / faraġ li jnessini t-taħbit kollu, / id-dawl tat-Trinità Qaddisa” (Poeżiji [storiċi] 2,1,15).

 

Girgor wera d-dawl tat-Trinità, billi ddefenda l-fidi mxandra fil-Konċilju ta’ Niċea: Alla wieħed fi tliet Persuni ndaqs u magħżula minn xulxin – Missier, Iben u Spirtu s-Santu –, “tliet darbiet dawl / li fi ġmiel wieħed jinġabar” (ibid. 2,1,32). Għalhekk, jistqarr dejjem Girgor fuq il-passi ta’ San Pawl (1 Kor 8:6), “għalina hemm Alla wieħed, il-Missier, li minnu ġej kollox; Mulej wieħed, Ġesù Kristu, li permezz tiegħu għandna kollox; u Spirtu s-Santu wieħed, li fih hu kollox” (Diskors 39,12).

 

Girgor wera t-tifsira għolja tal-umanità sħiħa ta’ Kristu: biex jifdi lill-bniedem sħiħ – ġisem, ruħ u spirtu – Kristu ħa fuqu dak kollu li minnu magħmula n-natura tal-bniedem, inkella l-bniedem ma kienx ikun salvat. Kontra l-ereżija ta’ Apollinari, li kien jisħaq li Ġesù Kristu ma kienx ħa ruħ razzjonali, Girgor affronta l-problema fid-dawl tal-misteru tas-salvazzjoni: “Dak li ma ħax fuqu, ma setax ifejqu” (Ep. 101,32), u kieku Kristu ma kienx “mogħni b’intellett razzjonali, kif seta’ jkun bniedem?” (Ep. 101,34). Kien sewwasew l-intellett tagħna, ir-raġuni tagħna li kellha u għandha bżonn tar-relazzjoni, tal-laqgħa ma’ Alla fi Kristu. Meta sar bniedem, Kristu tana l-possibbiltà li nsiru aħna wkoll bħalu. In-Nazjanzenu jħeġġiġna: “Ejjew infittxu li nkunu bħal Kristu, għax anki Kristu sar bħalna: li nsiru allat permezz tiegħu, ladarba hu stess, permezz tagħna, sar bniedem. Ħa fuqu l-agħar, biex jagħtina l-aħjar” (Diskors 1,5).

 

Marija, li tat lil Kristu n-natura umana, hija tassew Omm Alla (Theotókos: ara Ep. 101,16), u fid-dawl tal-missjoni l-aktar għolja tagħha hi ġiet “ippurifikata minn qabel” (Diskors 38,13; kawżi preludju mbiegħed tad-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni). Lil Marija jagħtihielna bħala mudell għall-Insara, fuq kollox għall-verġni, u bħala dik li tidħol għalina u allura nitolbuha fil-ħtiġijiet (ara Diskors 24,11).

 

Girgor ifakkarna li, bħala persuni umani, għandna nkunu solidali ma’ xulxin. Jikteb: “‘Aħna lkoll ħaġa waħda fil-Mulej’ (ara Rum 12:5), għonja u foqra, ilsiera u ħielsa, b’saħħitna u morda; waħda hi r-ras li minnha ġej kollox: Ġesù Kristu. U kif jagħmlu l-membri ta’ ġisem wieħed, kull wieħed jieħu ħsieb tal-ieħor, u kulħadd ta’ kulħadd”. Imbagħad, b’riferiment għall-morda u għall-persuni f’diffikultà, jikkonkludi: “Din hija l-unika salvazzjoni għall-ġisem tagħna u għar-ruħ tagħna: l-imħabba lejhom” (Diskors 14,8 fuq l-imħabba għall-foqra). Girgor jisħaq li l-bniedem għandu jixbah it-tjieba u l-imħabba ta’ Alla, u allura jirrakkomanda: “Jekk int b’saħħtek u għani, taffi l-bżonn ta’ min hu marid u fqir; jekk ma waqajtx, aqbeż għal min waqa’ u qed jgħix fit-tbatija; jekk int hieni, farraġ lil min hu mnikket; jekk int xortik tajba, għin lil min hu magħfus mis-saram. Agħti lil Alla prova ta’ rikonoxxenza, għax int wieħed minn dawk li jistgħu jagħmlu l-ġid, u mhux minn dawk li għandhom bżonn il-ġid ta’ ħaddieħor… Kun għani mhux biss fil-ġid, imma anki fil-ħniena; mhux biss fid-deheb, imma fil-virtù, jew aħjar, f’din biss. Għaddi lill-proxxmu tiegħek fil-fama billi turi li int iżjed tajjeb minn kulħadd; kun bħal Alla għal min hu xortih ħażina, billi tixbah lil Alla fil-ħniena” (ibid., 14,26).

 

Girgor qabelxejn jgħallimna l-importanza u l-ħtieġa tat-talb. Hu jistqarr li “hemm bżonn niftakru f’Alla iżjed ta’ spiss minn kemm nieħdu n-nifs” (Diskors 27,4), għax it-talb huwa l-laqgħa tal-għatx ta’ Alla mal-għatx tagħna. Alla għatxan li aħna nkunu għatxana għalih (ara Diskors 40,27). Fit-talb jeħtieġ induru bil-qalb tagħna lejn Alla, biex ningħataw lilu bħala offerta biex hu jsaffiha u jibdilha. Fit-talb aħna naraw kollox fid-dawl ta’ Kristu, inħallu l-maskri tagħna jaqgħu u nidħlu fil-verità u fis-smigħ ta’ Alla, u nkebbsu n-nar tal-imħabba.

 

F’poeżija, li hi fl-istess waqt meditazzjoni fuq l-għan tal-ħajja u hi impliċitament invokazzjoni lil Alla, Girgor jikteb: “Għandek biċċa xogħol, ruħi tiegħi, / xogħol kbir, jekk trid. / Għarbel serjament lilek innifsek, / dak li int, id-destin tiegħek; / mnejn ġejja u fejn għandek tistrieħ; / fittex li tagħraf jekk hix ħajja dik li qed tgħix / jew jekk hemmx xi ħaġa iżjed minn hekk. / Għandek biċċa xogħol, ruħi tiegħi, / saffi, għalhekk, lil ħajtek: / qis, nitolbok, lil Alla u l-misteri tiegħu, / indaga x’kien hemm qabel dan l-univers / u x’inhuwa dan għalik, / mnejn ġie, u liema hu d-destin tiegħu. / Dan hu x-xogħol tiegħek, / ruħ tiegħi, / saffi, għalhekk, lil ħajtek” (Poeżiji [storiċi] 2,1,78). L-Isqof qaddis kontinwament jitlob l-għajnuna ta’ Kristu, biex iqajmu u jerġa’ jaqbad jimxi: “Ġejt imqarraq, o Kristu tiegħi, / minħabba fil-kburija tiegħi: / mill-għoli waqajt ħafna fil-baxx. / Imma int issa erġa’ erfagħni, biex nara / li minni nnifsi tqarraqt; / jekk nerġa’ nafda iktar fija nnifsi, / dlonk naqa’, u l-waqgħa tkun tal-mewt” (ibid., 2,1,67).

 

Għalhekk Girgor ħass il-bżonn li jersaq lejn Alla biex jegħleb l-għeja tal-jien tiegħu. Daq din il-qabża tar-ruħ, il-ħajja ta’ spirtu sensibbli u l-instabbiltà tal-ferħ li jgħaddi. Għalih, fid-dramm ta’ ħajja mtaqqla bl-għarfien tad-dgħufija u l-faqar tiegħu, dejjem rebħet l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. Għandek biċċa xogħol, ja ruħ – qed jgħid San Girgor lilna wkoll –, ix-xogħol li ssib id-dawl veru, li ssib il-veru għoli tal-ħajja tiegħek. U l-ħajja tiegħek hi li tiltaqa’ ma’ Alla, li hu għatxan għall-għatx tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Fuq San Girgor Nazjanzenu, ara wkoll: Katekeżi tal-Papa Bendittu XVI. Ħajtu u kitbietu ...