Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 20 ta’ Ottubru 2010

 

Sant’Eliżabetta tal-Ungerija

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkellimkom fuq waħda min-nisa tal-Medjuevu li ġibdet lejha ammirazzjoni kbira; din hi Sant’Eliżabetta tal-Ungerija, imsejħa wkoll Eliżabetta tat-Turinġja.

 

Twieldet fl-1207; l-istoriċi ma jaqblux fuq il-post. Missierha kien Andrija II, Re għani u qawwi tal-Ungerija, li, biex isaħħaħ ir-rabtiet politiċi, kien iżżewweġ lill-Kontessa Ġermaniża Ġertrude ta’ Andechs-Meran, oħt Santa Edwiġe, li kienet mart id-Duka ta’ Silesia. Eliżabetta għexet fil-Qorti rjali Ungeriż biss għall-ewwel erba’ snin ta’ tfulitha, flimkien ma’ oħtha u tliet ħutha subien. Kienet tħobb il-logħob, il-mużika u ż-żfin; b’fedeltà kbira kienet tgħid it-talbiet tagħha u minn bikri wriet attenzjoni lejn il-foqra, li hi kienet tgħinhom b’xi kelma tajba jew b’ġest ta’ mħabba.

 

It-tfulija hienja tagħha ġiet maħsuda ħabta u sabta meta, mit-Turinġja mbiegħda, waslu xi kavallieri biex jeħduha fis-sede ġdida tagħha fil-Ġermanja ċentrali. Fil-fatt, skont id-drawwiet ta’ dak iż-żmien, missierha kien ordna li Eliżabetta ssir Prinċipessa tat-Turinġja. Il-Landgravju jew Konti ta’ dak ir-reġjun kien wieħed mis-sovrani l-aktar għonja u influwenti tal-Ewropa fil-bidu tas-seklu 13, u l-kastell tiegħu kien ċentru ta’ maestożità u ta’ kultura. Imma wara l-festi u l-glorja li kienet tidher minn barra kien hemm moħbija l-ambizzjonijiet tal-prinċpijiet fewdali, spiss fi gwerra bejniethom u f’tilwim mal-awtoritajiet irjali u imperjali. F’dan il-kuntest, il-Landgravju Hermann ħa tassew pjaċir bl-għerusija bejn ibnu Ludoviku u l-prinċipessa Ungeriża. Eliżabetta ħalliet art twelidha b’dota sinjura u s-segwitu kbir tagħha, inklużi l-qaddejja personali tagħha, li tnejn minnhom baqgħu ħbieb fidili tagħha sal-aħħar. Kienu huma li ħallewlna tagħrif imprezzabbli fuq it-tfulija u l-ħajja tal-Qaddisa.

 

Wara vjaġġ twil waslu Eisenach, biex imbagħad telgħu lejn il-fortizza ta’ Wartburg, il-kastell massiċċ fuq ir-riħ tal-belt. Hawn ġiet iċċelebrata l-għerusija bejn Ludoviku u Eliżabetta. Fis-snin ta’ wara, waqt li Ludoviku kien qed jitgħallem il-mestier ta’ kavallieri, Eliżabetta u sħabha studjaw il-Ġermaniż, il-Franċiż, il-Latin, il-mużika, il-letteratura u r-rakkmu. Minkejja l-fatt li ż-żwieġ tagħhom kien ġie deċiż għal raġunijiet politiċi, bejn iż-żewġ żgħażagħ nibtet imħabba sinċiera, imdawla mill-fidi u mix-xewqa li jagħmlu r-rieda ta’ Alla. Fl-età ta’ 18-il sena, Ludoviku, wara l-mewt ta’ missieru, beda jsaltan hu fuq it-Turinġja. Imma Eliżabetta sfat vittma ta’ ħafna kritika minn taħt, għax l-imġiba tagħha ftit kienet taqbel mal-ħajja tal-qorti rjali. Hekk lanqas iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma kienet lussuża u parti mill-ispejjeż tal-festa marru għall-foqra. Bis-sensibbiltà qawwija li kellha Eliżabetta kienet tara l-kontradizzjonijiet bejn il-fidi li tistqarr u l-prattika Nisranija. Il-kompromessi ma kinitx tiflaħhom. Darba, hija u dieħla l-knisja fil-Festa tal-Assunta, neżgħet il-kuruna, qegħditha quddiem is-salib u baqgħet mixħuta għal tulha mal-art b’wiċċha mgħotti. Meta omm ir-raġel ċanfritha għal dak il-ġest, hi weġbitha: “Kif nista’ jien, ħlejqa miżerabbli, nibqa’ nilbes kuruna ta’ dinjità ta’ din l-art, meta nilmaħ lis-Sultan tiegħi Ġesù Kristu bil-kuruna tax-xewk?”. Kif kienet iġġib ruħha quddiem Alla, bl-istess mod kienet timxi mas-sudditi tagħha. Fost il-Kelmiet tal-erba’ qaddejja nsibu din ix-xhieda: “Ikel ma kinitx tmiss ma’ ħalqha jekk ma tkunx żgura li kien ġej mill-proprjetajiet u mill-ġid leġittimu ta’ żewġha. Waqt li kienet tiċċaħħad mill-ġid miksub illeċitament, kienet tħabrek ukoll biex tagħti kumpens lil dawk li jkunu ġarrbu xi vjolenza” (nn. 25 u 37). Ta’ eżempju tassew għal dawk kollha li għandhom xi rwol fit-tmexxija: it-tħaddim tal-awtorità, fuq kull livell, għandu jitħaddem bħala servizz lill-ġustizzja u l-imħabba, fit-tiftix kontinwu tal-ġid komuni.

 

Eliżabetta kienet tipprattika ta’ spiss l-opri tal-ħniena: kienet tagħti x’jixorbu u x’jieklu lil dawk li kienu jħabbtu fuq il-bieb tagħha, tqassam ħwejjeġ, tħallas djun, tieħu ħsieb tal-morda u tidfen il-mejtin. Kienet tinżel mill-kastell, u flimkien mal-qaddejja tagħha kienet tmur fid-djar tal-foqra, teħdilhom ħobż, laħam, dqiq u ikel ieħor. Kienet tqassam l-ikel hi stess u b’attenzjoni tara xi jkunu lebsin u fejn kienu joqogħdu l-foqra. Lil żewġha tarrfulu b’din l-imġiba tagħha, imma hu mhux biss ma ddispjaċihx, imma lil dawk li xlewha weġibhom: “Sakemm ma tbegħlix il-kastell, jiena kuntent!”. F’dan il-kuntest seħħ il-miraklu tal-ħobż mibdul f’ward: waqt li Eliżabetta kienet miexja fit-triq bil-fardal tagħha mimli ħobż għall-foqra, iltaqgħet ma’ żewġha li staqsieha x’kellha fih. Hi fetħet il-fardal biex turih, u flok ħobż, deher ward il-ġmiel tiegħu. Dan is-simbolu ta’ karità spiss insibuh f’ħafna xbihat ta’ Santa Eliżabetta.

 

Iż-żwieġ tagħha kien wieħed tassew hieni: Eliżabetta kienet tgħin lil żewġha biex jgħolli l-kwalitajiet umani tiegħu għal livell sopranaturali, u hu, min-naħa tiegħu, kien jipproteġi lil martu fil-ġenerożità tagħha mal-foqra u fil-prattika reliġjuża tagħha. Dejjem iżjed ammirat għall-fidi kbira ta’ martu, Ludoviku, b’riferenza għall-attenzjoni tagħha lejn il-foqra, qalilha: “Għażiża Eliżabetta, huwa Kristu li inti ħsilt, tmajt u ħadt ħsieb”. Xhieda ċara ta’ kif il-fidi u l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu jsaħħu l-ħajja tal-familja u jagħmlu dejjem iżjed profonda l-għaqda fiż-żwieġ.

 

Il-koppja żagħżugħa sabet appoġġ spiritwali fil-Patrijiet Minuri, li, mill-1222, xterdu fit-Turinġja. Minn fosthom Eliżabetta għażlet lil Fra Ruġġier (Rüdiger) bħala direttur spiritwali. Meta hu rrakkuntalha l-istorja tal-konverżjoni tan-negozjant żagħżugħ u għani Franġisku ta’ Assisi, Eliżabetta iktar kompliet tħeġġet fil-mixja tagħha tal-ħajja Nisranija. Minn dak il-ħin saret iżjed deċiża li timxi wara Kristu fqir u msallab, preżenti fil-foqra. Anki meta twieled l-ewwel tifel tagħha, u warajh tnejn oħra, il-Qaddisa tagħna qatt ma telqet minn idejha l-opri tagħha ta’ karità. Għenet ukoll lill-Patrijiet Minuri biex f’Halberstadt jibnu kunvent, li tiegħu Fra Ruġġier sar is-superjur. U hawn id-direzzjoni spiritwali ta’ Eliżabetta għaddiet għand Korradu ta’ Marburg.

 

Prova iebsa kienet it-tluq ta’ żewġha, fi tmiem Ġunju 1227, meta Ludoviku IV issieħeb mal-kruċjata tal-Imperatur Federiku II, waqt li fakkar lil martu li dik kienet tradizzjoni għas-sovrani tat-Turinġja. Eliżabetta weġbitu: “Mhux sa nkun jien li nżommok. Tajt lili nnifsi kollni kemm jien lil Alla u issa rrid nagħtih lilek ukoll”. Imma xterdet l-influwenza fost it-truppi u Ludoviku nnifsu marad u miet f’Otranto, qabel ma laħaq imbarka, f’Settembru 1227, fl-età ta’ 27 sena. Malli saret taf bl-aħbar, Eliżabetta tant tnikktet li ngħalqet waħidha, imma mbagħad, imsaħħa mit-talb u mfarrġa mit-tama li terġa’ tarah fis-Sema, reġgħet bdiet tinteressa ruħha fil-ħwejjeġ tas-saltna. Imma kien hemm tistennieha prova iebsa: ħu żewġha ħataf f’idejh it-treġija tat-Turinġja, u ddikjara ruħu l-veru eredi ta’ Ludoviku waqt li akkuża lil Eliżabetta li kienet mara twajba imma inkompetenti fit-tmexxija. L-armla żagħżugħa, bit-tliet uliedha magħha, ġiet imkeċċija mill-kastell ta’ Wartburg u bdiet tfittex post fejn tistkenn. Tnejn biss mill-qaddejja tagħha baqgħu qribha, marru magħha u fdaw it-tlitt itfal żgħar fil-kura tal-ħbieb ta’ Ludoviku. Tiġri minn raħal għall-ieħor, Eliżabetta kienet taħdem fejn jilqgħuha, tgħin lill-morda, tagħżel u tħit. Matul dan il-kalvarju li hi ġarrbet b’fidi kbira, bis-sabar u b’fiduċja sħiħa f’Alla, xi qraba, li kienu baqgħu fidili lejha u jqisu b’illeġittimu l-gvern ta’ ħu żewġha, reġgħu raw kif irrijabilitaw isimha. Hekk Eliżabetta, fil-bidu tas-sena 1228, setgħet tirċievi dħul xieraq biex tirtira fil-kastell tal-familja f’Marburg, fejn kien jgħix ukoll id-direttur spiritwali tagħha Korradu. Kien hu li qal lill-Papa Girgor IX dan il-fatt: “Nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-1228, b’idejha fuq l-altar fil-kappella tal-belt tagħha ta’ Eisenach, fejn kienet laqgħet lill-Aħwa Minuri, fil-preżenza ta’ xi patrijiet u familjari, Eliżabetta ċaħdet ir-rieda tagħha u l-frugħat kollha tad-dinja. Hi riedet tiċħad ukoll il-ġid kollu li kellha, imma jien ippreswadejtha mod ieħor għall-imħabba tal-foqra. Ftit wara bniet sptar, ġabret il-morda u d-diżabbli, u qdiet mill-mejda tagħha l-iktar miżerabbli u mwarrba. Meta ċanfartha fuq din il-ħaġa, Eliżabetta wieġbet li mill-foqra kienet tirċievi grazzja u umiltà speċjali” (Epistula magistri Conradi, 14-17).

 

F’din l-istqarrija għandna ħjiel ta’ ċerta esperjenza mistika simili għal dik li għex San Franġisk: fil-fatt il-Fqajjar ta’ Assisi ddikjara fit-testment tiegħu li, meta qeda lill-imġiddmin, dak li qabel għalih kien morr inbidillu fi ħlewwa tar-ruħ u tal-ġisem (Testamentum, 1-3). Eliżabetta qattgħet l-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha fl-isptar li hi waqqfet, taqdi lill-foqra, tieħu ħsieb tal-moribondi. Dejjem kienet tfittex li twettaq l-aktar servizzi umli u xogħlijiet mistkerrha. Hi saret dik li nistgħu nsejħu mara kkonsagrata f’nofs id-dinja (soror in sæculo) u sawret, flimkien ma’ ħbiebha, lebsin ilbies griż, komunità reliġjuża. Mhux ta’ b’xejn hi Patruna tat-Terz’Ordni Regolari ta’ San Franġisk u tal-Ordni Franġiskan Sekular.

 

F’Novembru 1231 intlaqtet minn deni għoli ħafna. Meta xterdet l-aħbar tal-marda tagħha, ħafna nies ġriet biex taraha. Wara ftit jiem, talbet li jagħlqu l-bibien, biex tibqa’ waħidha ma’ Alla. Fil-lejl tas-17 ta’ Novembru raqdet ħelu ħelu fil-Mulej. Tant kienu x-xhieda fuq il-qdusija tagħha li, erba’ snin biss wara, il-Papa Girgor IX ipproklamaha Qaddisa u, fl-istess sena, ġiet ikkonsagrata l-knisja sabiħa mibnija f’ġieħha f’Marburg.

 

Għeżież ħuti, fil-figura ta’ Santa Eliżabetta naraw kif il-fidi u l-ħbiberija ma’ Kristu joħolqu s-sens tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza bejn kulħadd, tad-drittijiet tal-oħrajn, u joħolqu l-imħabba, il-karità. U minn din il-karità titwieled ukoll it-tama, iċ-ċertezza li aħna maħbubin minn Kristu u li l-imħabba ta’ Kristu qed tistenniena u allura tagħmilna kapaċi nixbhu lil Kristu u naraw lil Kristu fl-oħrajn. Santa Eliżabetta tistedinna niskopru mill-ġdid lil Kristu, inħobbuh, u jkollna l-fidi u hekk insibu l-vera ġustizzja u l-imħabba, kif ukoll il-ferħ li jum wieħed għad nogħdsu fl-imħabba divina, fil-ferħ tal-eternità ma’ Alla. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard