Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 20 ta’ Frar 2008

 

Santu Wistin

IV: Il-kitbiet

 

Għeżież ħuti,

 

Wara l-waqfa għall-Eżerċizzi Spiritwali tal-ġimgħa l-oħra, illum nerġgħu lura għall-figura kbira ta’ Santu Wistin, li dwaru diġà tkellimt kemm-il darba fil-katekeżijiet tal-Erbgħa. Huwa l-Missier tal-Knisja li ħalla l-ikbar għadd ta’ opri, u fuq dan illum nixtieq nitkellem fil-qosor. Xi wħud mill-kitbiet ta’ Wistin huma ta’ importanza kbira ħafna, u mhux biss għall-istorja tal-Kristjaneżmu imma għat-tiswir tal-kultura kollha tal-Punent: l-aktar eżempju ċar huma l-Istqarrijiet, li bla dubju ta’ xejn hu wieħed mill-kotba tal-antikità Nisranija li l-iżjed għadhom jinqraw sal-lum. Bħal diversi Missirijiet tal-Knisja tal-ewwel sekli, imma b’mod wisq usa’ u li ma ssibx pariġġu, anki l-Isqof ta’ Ippona fil-fatt eżerċita influwenza wiesgħa u persistenti, kif jidher diġà mit-tradizzjoni kotrana ta’ manuskritti tal-kitbiet tiegħu, li huma tabilħaqq bosta.

 

Hu stess reġa’ darhom xi snin qabel ma miet fir-Retractationes, u ftit wara l-mewt tiegħu ġew irreġistrati b’reqqa fl-Indiculus (“elenku”) miżjud mill-ħabib fidil tiegħu Possidju mal-bijografija ta’ Santu Wistin, Ħajja ta’ Wistin. Il-lista tal-opri ta’ Wistin inġabret bl-għan ċar li titħares il-memorja tiegħu, waqt li l-invażjoni tal-Vandali kienet qed tħarbat l-Afrika Rumana kollha, u tgħodd fiha iktar minn 1,030 kitba nnumerati mill-Awtur tagħhom, flimkien ma’ oħrajn “li ma tistax tinnumerahom, għax ma tahom ebda numru”. Possidju, li kien Isqof ta’ belt fil-qrib, iddetta dawn il-kelmiet proprju f’Ippona – fejn kien stkenn u fejn kien assista għall-mewt ta’ ħabibu – u kważi żgur kien bena kollox fuq il-katalgu tal-bibljoteka personali ta’ Wistin. Illum, huma ’l fuq minn 300 l-ittri li waslulna tal-Isqof ta’ Ippona u kważi 600 l-omeliji, imma dawn fil-bidu kienu ħafna u ħafna iżjed, forsi saħansitra bejn it-3,000 u l-4,000, frott ta’ 40 sena ta’ predikazzjoni mir-rettoriku tal-qedem li kien iddeċieda li jimxi wara Ġesù u li flok lill-kbarat tal-qorti imperjali jibda jkellem lin-nies sempliċi ta’ Ippona.

 

U mill-ġdid fi żminijiet riċenti, l-iskoperti ta’ grupp ta’ ittri u ta’ xi omeliji komplew jagħnu l-għarfien tagħna ta’ dan il-Missier kbir tal-Knisja. “Ħafna kotba”, jikteb Possidju, “ġew miktuba u ppubblikati minnu, ħafna prietki nżammu fil-knisja, ġew traskritti u kkoreġuti, kemm biex jikkonfutaw id-diversi eretiċi u kemm biex jinterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa għall-edifikazzjoni tal-ulied imqaddsa tal-Knisja. Dawn l-opri”, jisħaq l-Isqof ħabibu, “huma ħafna, li bi tbatija jista’ studjuż jaqrahom u jitgħallem isir jafhom” (Ħajja ta’ Wistin 18,9).

 

Minn din il-produzzjoni letterarja ta’ Wistin – allura iktar minn elf pubblikazzjoni maqsuma f’kitbiet filosofoċi, apoloġetiċi, duttrinali, morali, monastiċi, eseġetiċi, antieretiċi, barra appuntu l-ittri u l-omeliji – jispikkaw xi opri eċċezzjonali ta’ importanza teoloġika u filosofika kbira. Qabelxejn irridu nsemmu, kif diġà għamilna, l-Istqarrijiet, minsuġa fi tlettax-il ktieb bejn it-397 u l-400 b’tifħir lil Alla. Dawn huma speċi ta’ awtobijografija fl-għamla ta’ djalogu ma’ Alla. Dan il-ġeneru letterarju jirrifletti sewwasew il-ħajja ta’ Santu Wistin, li ma kinitx ħajja magħluqa fiha nfisha, imxerrda fuq ħafna ħwejjeġ, imma waħda li hu sostanzjalment għex bħala djalogu ma’ Alla u għalhekk ħajja mal-oħrajn. Diġà t-titlu Confessiones jindika l-ispeċifiċità ta’ din l-awtobijografija. Din il-kelma confessiones fil-Latin Nisrani żviluppat mit-tradizzjoni tas-Salmi u għandha żewġ tifsiriet, li xorta waħda jintisġu flimkien. Confessiones tindika, qabelxejn, l-istqarrijiet tad-dgħufijiet tiegħu, tal-miżerja ta’ dnubietu; imma, fl-istess waqt, confessiones tfisser ġieħ lil Alla, għarfien b’radd ta’ ħajr lil Alla. Meta wieħed jara l-miżerja tiegħu fid-dawl ta’ Alla, dan jinbidel f’tifħir lil Alla u radd il-ħajr, għax Alla jħobbna u jaċċettana, jibdilna u jgħollina lejh. Fuq dawn l-Istqarrijiet, li kellhom suċċess kbir diġà tul il-ħajja ta’ Santu Wistin, hu stess kiteb: “Huma ħallew fuqi influwenza kbira jiena u niktibhom, u għad għandhom fuqi jiena u naqrahom mill-ġdid. Ħafna huma l-aħwa li dawn l-opri jogħġbuhom” (Retractationes II,6): u rrid ngħid li jiena wkoll wieħed minn dawn l-“aħwa”. Grazzi għall-Istqarrijiet nistgħu nimxu pass pass mal-mixja interjuri ta’ dan ir-raġel straordinarju u appassjonat ta’ Alla. Inqas magħrufa, imma daqstant ieħor oriġinali u importanti ħafna, huma mbagħad ir-Retractationes, miktuba f’żewġ kotba lejn l-427, li fihom Santu Wistin, issa mdaħħal fiż-żmien, jinseġ opra ta’ “reviżjoni” (retractatio) tal-opra kollha tal-kitba tiegħu, u hekk iħallilna dokument letterarju singulari u prezzjożissmu, imma anki tagħlim ta’ sinċerità u ta’ umiltà intellettwali.

 

Il-belt ta’ Alla – opra importanti u deċiżiva għall-iżvilupp tal-ħsieb politiku tal-Punent u għat-teoloġija Nisranija tal-istorja – inkiteb bejn l-413 u l-426 fi 22 ktieb. L-okkażjoni kienet il-Ħtif ta’ Ruma mill-Goti fl-410. Il-pagani, li f’dak iż-żmien kienu għadhom ħafna fl-għadd, u anki mhux ftit Insara, kien jaħsbu li Alla tar-reliġjon il-ġdida u l-istess Appostli kienu wrew li ma kellhomx il-ħila jipproteġu l-belt. Fi żmien id-divinitajiet pagani Ruma kienet caput mundi, il-kapitali l-kbira, u ħadd qatt ma kien joħlom li setgħet taqa’ f’idejn l-għedewwa. Issa, b’Alla tal-Insara, din il-belt kbira ma kinitx għadha fiż-żgur. Għalhekk deher li Alla tal-Insara, li ma kienx qed jagħti protezzjoni, ma setax ikun Alla li tista’ tafdah. Għal din l-oġġezzjoni, li kienet tmiss fil-fond anki l-qalb tal-Insara, iwieġeb Santu Wistin b’din l-opra grandjuża, De civitate Dei (Il-belt ta’ Alla), u jiċċara x’għandna u x’m’għandniex nistennew minn Alla, liema hi r-relazzjoni bejn l-isfera politika u l-isfera tal-fidi, tal-Knisja. Illum ukoll dan il-ktieb huwa għajn biex niddefinixxu tajjeb il-lajċità vera u l-kompetenza tal-Knisja, il-vera tama kbira li tagħtina l-fidi.

 

Dan il-ktieb kbir huwa preżentazzjoni tal-istorja tal-umanità mmexxija mill-Providenza divina, imma attwalment maqsuma minn żewġ imħabbiet. U dan hu l-pjan fundamentali, l-interpretazzjoni tiegħu tal-istorja, li hi t-taqbida bejn żewġ imħabbiet: l-imħabba tagħna nfusna “sal-indifferenza lejn Alla”, u l-imħabba lejn Alla “sal-indifferenza lejna nfusna” (Il-belt ta’ Alla XIV,28), sal-libertà sħiħa minna nfusna għall-oħrajn fid-dawl ta’ Alla. Għalhekk, dan hu aktarx l-akbar ktieb ta’ Santu Wistin, ta’ importanza dejjiema. Daqstant ieħor importanti hu d-De Trinitate (It-Trinità), opra fi 15-il ktieb fuq il-qalba ewlenija tal-fidi Nisranija, il-fidi f’Alla Trinità, miktuba f’żewġ żminijiet: bejn it-399 u l-412 l-ewwel 12-il ktieb, ippubblikati bla ma kien jaf Wistin, li lejn l-420 lestiehom u rreveda l-opra kollha. Hawn hu jirrifletti fuq il-wiċċ ta’ Alla u jfittex jifhem dan il-misteru ta’ Alla li hu wieħed, il-Ħallieq waħdieni tad-dinja, tagħna lkoll, u safrattant, proprju dan Alla wieħed hu trinitarju, ċirku ta’ mħabba. Ifittex jifhem il-misteru bla tarf: proprju l-essri trinitarju, fi tliet Persuni, hu l-għaqda l-iżjed reali u l-iżjed profonda ta’ Alla wieħed.

 

L-opra De doctrina Christiana (Id-duttrina Nisranija) mill-banda l-oħra hi introduzzjoni kulturali vera u proprja għall-interpretazzjoni tal-Bibbja u bla dubju ta’ xejn għall-istess Kristjaneżmu, trattat li kellu importanza deċiżiva fit-tiswir tal-kultura tal-Punent.

 

Minkejja l-umiltà kollha tiegħu, Wistin ċertament kien konxju mill-istatura intellettwali tiegħu. Imma għalih, iżjed importanti milli jagħmel opri kbar ta’ importanza għolja, teoloġika, kien li jwassal il-messaġġ Nisrani lin-nies sempliċi. Din il-fehma l-iżjed profonda tiegħu, li mexxiet lil ħajtu kollha, toħroġ f’ittra miktuba lill-kollega Evodju, fejn jurih bid-deċiżjoni tiegħu li għal xi żmien jieqaf jiddetta l-kotba fuq It-Trinità, “għax fihom wisq taħbit u naħseb li jistgħu jifhmuhom biss il-ftit; għalhekk huma iżjed urġenti testi li nittamaw li jkunu siewja f’idejn il-ħafna” (Ep. 169,1,1). Għalhekk, f’għajnejh kien aktar ta’ siwi li jgħaddi l-fidi b’mod li jinftiehem minn kulħadd, milli jikteb opri teoloġiċi kbar. Ir-responsabbiltà qawwija li hu jħoss għat-tixrid tal-messaġġ Nisrani mbagħad insibuha fl-għeruq ta’ kitbiet bħal De catechizandis rudibus (Il-katekeżi lis-sempliċi), teorija u anki prassi għall-katekeżi, jew Psalmus contra Partem Donati (Salm kontra l-partit ta’ Donatu). Id-Donatisti kienu l-problema l-kbira tal-Afrika ta’ Santu Wistin, xiżma li ħarġet proprju mill-Afrika. Huma kien jaffermaw: il-vera Kristjanità hi dik Afrikana. Kienu kontra l-għaqda tal-Knisja. Kontra din ix-xiżma l-Isqof kbir tqabad ħajtu kollha, fittex jikkonvinċi lid-Donatisti li fl-għaqda biss anki l-istess Afrikanità tista’ tkun vera. U biex jifhmuh is-sempliċi, li ma setgħux jifhmu l-Latin għoli tar-rettorika, Wistin qatagħha: jeħtieġ nikteb, anki bi żbalji grammatikali, Latin ħafna iżjed issimplifikat. U dan għamlu fuq kollox f’dan is-Salm, speċi ta’ poeżija sempliċi kontra d-Donatisti, biex jgħin lil kulħadd jifhem li fl-għaqda tal-Knisja biss tista’ sseħħ tassew għal kulħadd ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u jikber is-sliem fid-dinja.

 

F’din il-produzzjoni ddestinata għal pubbliku usa’ terġa’ tikseb importanza partikulari l-ġabra kbira tal-omeliji, spiss imlissna spontanjament, traskritti mit-takigrafi waqt li kien ikun jipprietka u mqassmin dritt wara. Fost dawn jispikkaw il-ġmiel tal-Enarrationes in Psalmos (Espożizzjoni fuq is-Salmi), moqrija ħafna fil-Medjuevu. Proprju l-prassi tal-pubblikazzjoni tal-eluf ta’ omeliji ta’ Wistin – spiss mingħajr ebda kontroll mill-awtur – tispjega kif dawn tqassmu tant u wara komplew jixterdu, imma wkoll kemm għadhom ħaġa ħajja. Fil-fatt, minnufih il-prietki tal-Isqof ta’ Ippona kienu jsiru, minħabba l-fama tal-awtur tagħhom, testi mfittxija ħafna u servew ukoll bħala mudell għal Isqfijiet u saċerdoti oħra, dejjem addattati għal kuntesti ġodda.

 

It-tradizzjoni ikonografika, diġà f’affresk tal-Lateran li jmur lura għas-seklu 6, tirrappreżenta lil Santu Wistin bi ktieb f’idu, bla dubju ta’ xejn biex jesprimi l-produzzjoni letterarja tiegħu, li tant influwenzat il-mentalità u l-ħsieb Nisrani, imma biex jesprimi wkoll imħabbtu għall-kotba, għall-qari u għall-għerf tal-kultura kbira ta’ qablu. F’mewtu ma ħalla xejn, jirrakkonta Possidju, imma “kien jirrakkomanda dejjem li tinżamm b’għożża għal ta’ warajh il-bibljoteka tal-knisja bil-kodiċi kollha tagħha”, fuq kollox dawk tal-opri tiegħu. F’dawn, jisħaq Possidju, Wistin hu “dejjem ħaj” u minn jgawdu l-qarrejja tiegħu, anki jekk, u jagħlaq, “jiena nemmen li setgħu jgawdu iżjed mill-kuntatt tiegħu dawk li setgħu jarawh u jisimgħuh meta kien jitkellem personalment fil-knisja, u fuq kollox dawk li daqu mill-ħajja tiegħu ta’ kuljum qalb in-nies” (Ħajja ta’ Wistin 31). Iva, anki għalina kien ikun sabiħ li kieku stajna nisimgħuh jitkellem meta kien għadu ħaj. Imma hu tassew ħaj fil-kitbiet tiegħu, hu preżenti fina, u hekk naraw ukoll il-vitalità permanenti tal-fidi li għaliha hu ta ħajtu kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard