Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju 2010

 

San Tumas ta’ Aquino (2)

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkompli bil-preżentazzjoni ta’ San Tumas ta’ Aquino, teologu ta’ valur hekk kbir li l-istudju tal-ħsieb tiegħu ġie espliċitament irrakkomandat mill-Konċilju Vatikan II f’żewġ dokumenti, id-Digriet Optatam totius, dwar il-formazzjoni għas-saċerdozju, u d-Dikjarazzjoni Gravissimum educationis, li tittratta l-edukazzjoni Nisranija. Mill-bqija, diġà fl-1880 il-Papa Ljun XIII, li kellu stima kbira tiegħu u ppromova l-istudji Tomistiċi, ried jiddikjara lil San Tumas Patrun tal-Iskejjel u tal-Universitajiet Kattoliċi.

 

Ir-raġuni prinċipali għal dan l-apprezzament tinsab mhux biss fil-kontenut tat-tagħlim tiegħu, imma anki fil-metodu addottat minnu, fuq kollox is-sintesi u distinzjoni ġdida tiegħu bejn filosofija u teoloġija. Il-Missirijiet tal-Knisja sabu ma’ wiċċhom diversi filosofiji ta’ xejra Platonika, li fihom kien hemm ippreżentata viżjoni sħiħa tad-dinja u tal-ħajja, fost l-oħrajn il-kwistjoni ta’ Alla u tar-reliġjon. Quddiem dawn il-filosofiji, huma stess kienu elaboraw viżjoni sħiħa tar-realtà, li titlaq mill-fidi u tinqeda b’elementi Platoniċi, biex setgħet twieġeb għall-mistoqsijiet essenzjali tal-bnedmin. Din il-viżjoni, imsejsa fuq ir-rivelazzjoni Biblika u elaborata bi Platoniżmu korrett fid-dawl tal-fidi, huma sejħulha l-“filosofija tagħna”. Il-kelma “filosofija” allura ma kinitx espressjoni ta’ sistema purament razzjonali u, bħala tali, distinta mill-fidi, imma kienet tindika viżjoni sħiħa tar-realtà, imsawra fid-dawl tal-fidi, imma maħsuba mir-raġuni li għamlitha tagħha; viżjoni li, bla dubju, kienet tmur lil hemm mill-ħiliet proprji tar-raġuni, imma li, bħala tali, kienet ukoll sodisfaċenti għaliha. Għal San Tumas, il-laqgħa mal-filosofija pre-Kristjana ta’ Aristotli (li miet lejn is-sena 322 qk) fetħet perspettiva ġdida. Il-filosofija Aristoteljana kienet, ovvjament, filosofija elaborata mingħajr ebda għarfien tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid, spjegazzjoni tad-dinja mingħajr rivelazzjoni, bl-użu tar-raġuni waħidha. U din ir-razzjonalità bħala konsegwenza ta’ hekk kienet konvinċenti. Għaldaqstant ix-xejra antika tal-“filosofija tagħna” tal-Padri ma baqgħetx tgħodd. Ir-relazzjoni bejn filosofija u teoloġija, bejn fidi u raġuni, kellha terġa’ tiġi elaborata. Kienet teżisti “filosofija” sħiħa u konvinċenti fiha nfisha, razzjonalità li ġiet qabel il-fidi, u mbagħad it-“teoloġija”, ħsieb bil-fidi u fil-fidi. Il-mistoqsija li bdiet tagħfas kienet din: id-dinja tar-razzjonalità, il-filosofija maħsuba mingħajr Kristu, u d-dinja tal-fidi huma kompatibbli? Jew jeskludu lil xulxin? Ma kinux neqsin elementi li jaffermaw l-inkompatibbiltà bejn iż-żewġ dinjiet, imma San Tumas kien konvint għalkollox dwar il-kompatibbiltà tagħhom – anzi, li l-filosofija elaborata mingħajr għarfien ta’ Kristu kważi kienet qed tistenna d-dawl ta’ Ġesù biex tista’ tkun sħiħa. Din kienet is-“sorpriża” l-kbira ta’ San Tumas, li ddeterminat il-mixja tiegħu ta’ ħassieb. Li juri din l-indipendenza ta’ filosofija u teoloġija u, fl-istess waqt, ir-relazzjonalità reċiproka tagħhom, din kienet il-missjoni storika ta’ dan l-imgħallem kbir. U hekk nifhmu kif, fis-seklu 19, meta kien hemm min qed jindika b’saħħa kbira li raġuni moderna u fidi ma jmorrux flimkien, il-Papa Ljun XIII wera lil San Tumas bħala gwida fid-djalogu bejn il-waħda u l-oħra. Fil-ħidma teoloġika tiegħu, San Tumas jissupponi u jikkonkretizza din ir-relazzjonalità. Il-fidi ssaħħaħ, tintegra u ddawwal il-wirt ta’ verità li tiksbilna r-raġuni umana. Il-fiduċja li San Tumas ipoġġi bejn dawk iż-żewġ strumenti tal-għarfien – il-fidi u r-raġuni – aktarx ġejja mill-konvinzjoni tiegħu li t-tnejn li huma ħerġin mill-istess għajn ta’ kull verità, il-Logos divin, li jaħdem kemm fil-qasam tal-ħolqien, kemm f’dak tal-fidwa.

 

Flimkien mal-armonija li r-raġuni u l-fidi għandhom bejniethom, min-naħa l-oħra rridu nagħrfu li huma jinqdew b’metodi differenti ta’ għarfien. Ir-raġuni tilqa’ verità skont l-evidenza intrinsika tagħha, medjata jew mhux medjata; imma l-fidi tilqa’ verità skont l-awtorità tal-Kelma ta’ Alla li tirrivela ruħha. Jikteb San Tumas fil-bidu tas-Summa Theologiæ tiegħu: “L-ordni tax-xjenzi huwa doppju; uħud ġejjin minn prinċipji magħrufin permezz tad-dawl naturali tar-raġuni, bħall-matematika, il-ġometrija u oħrajn jixxiebhu; oħrajn ġejjin minn prinċipji magħrufin permezz ta’ xjenza ogħla: bħalma l-perspettiva ġejja minn prinċipji magħrufin permezz tal-ġometrija, u l-mużika minn prinċipji magħrufin permezz tal-matematika. U b’dan il-mod id-duttrina mqaddsa (jiġifieri t-teoloġija) hija xjenza għax ġejja mil-prinċipji magħrufin permezz tad-dawl ta’ xjenza ogħla, jiġifieri x-xjenza ta’ Alla u tal-qaddisin” (I, q. 1, a. 2).

 

Din id-distinzjoni tiżgura l-awtonomija tax-xjenzi kemm umani u kemm teoloġiċi. Imma din mhijiex separazzjoni, imma timplika pjuttost kollaborazzjoni reċiproka u vantaġġjuża. Fil-fatt, il-fidi tipproteġi r-raġuni minn kull tentazzjoni li taqta’ qalbha mill-ħiliet tagħha, tħeġġiġha biex tinfetaħ għal ixfqa dejjem usa’, iżżomm ħajja fiha t-tiftixa tal-fundamenti u, meta r-raġuni nfisha titħaddem fl-isfera sopranaturali tar-relazzjoni bejn Alla u bniedem, tagħni l-ħidma tagħha. Skont San Tumas, ngħidu aħna, ir-raġuni umana tista’ bla dubju ta’ xejn tasal għall-istqarrija tal-eżistenza ta’ Alla wieħed, imma l-fidi biss, li tilqa’ r-Rivelazzjoni  divina, hi kapaċi tixrob mill-misteru tal-Imħabba ta’ Alla Wieħed u Tlieta.

 

Min-naħa l-oħra, mhijiex biss il-fidi li tgħin lir-raġuni. Anki r-raġuni, bil-mezzi tagħha, tista’ tagħmel xi ħaġa importanti għall-fidi, biex hekk tagħti servizz tripliku li San Tumas jiġbor fid-daħla għall-kummentarju tiegħu tad-De Trinitate ta’ Boezju: “Turi x’inhuma l-fundamenti tal-fidi; tfisser bit-tixbih il-veritajiet tal-fidi; tilqa’ għall-oġġezzjonijiet li jqumu kontra l-fidi” (q. 2, a. 2). L-istorja kollha tat-teoloġija fil-verità hi t-tħaddim ta’ dan l-impenn tal-intelliġenza, li juri l-intelliġibbiltà tal-fidi, l-artikulazzjoni u l-armonija interna tagħha, ir-raġonevolezza u l-kapaċità tagħha li tippromovi l-ġid tal-bniedem. Il-korrettezza tar-raġunamenti teoloġiċi u s-sinifikat veru tagħhom ta’ għarfien jissejsu fuq il-valur tal-lingwaġġ teoloġiku, li hu, skont San Tumas, prinċipalment lingwaġġ analoġiku. Id-distanza bejn Alla, il-Ħallieq, u l-essri tal-ħlejjaq tiegħu hi bla tarf; dejjem hemm iktar li fih ma jixxibhux milli li jixxiebhu (ara DS 806). Madankollu, fid-differenza kollha bejn Ħallieq u ħlejqa, hemm analoġija bejn l-essri maħluq u l-essri tal-Ħallieq, li tippermettilna nitkellmu dwar Alla bi kliem ta’ bnedmin.

 

Minbarra fuq argumentazzjonijiet filosofiċi mill-aqwa, San Tumas bena d-duttrina tal-analoġija anki fuq il-fatt li bir-Rivelazzjoni Alla nnifsu kellimna u allura awtorizzana nitkellmu miegħu. Inħoss li hu importanti nfakkru dan it-tagħlim. Fil-fatt, dan jgħinna negħlbu ċerti oġġezzjonijiet tal-ateiżmu ta’ żmienna, li jiċħad li l-lingwaġġ reliġjuż hu fornit b’sinifikat oġġettiv, anzi jsostni li għandu biss valur suġġettiv jew sempliċiment emottiv. Din l-oġġezzjoni ġejja mill-fatt li l-ħsieb pożittivistiku hu konvint li l-bniedem ma jafx lill-essri, imma biss il-funzjonijiet sperimentabbli tar-realtà. Ma’ San Tumas u t-tradizzjoni kbira filosofika aħna konvinti li, fir-realtà, il-bniedem ma jafx biss il-funzjonijiet, li huma oġġett tax-xjenzi naturali, imma jaf xi ħaġa mill-essri nnifsu – ngħidu aħna jaf il-persuna, l-Int tal-ieħor, u mhux biss l-aspett fiżiku u bijoloġiku tal-essri tiegħu.

 

Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim ta’ San Tumas, it-teoloġija tistqarr li, hu kemm hu limitat, il-lingwaġġ reliġjuż hu mogħni bis-sens – għax qed immissu l-essri –, bħal vleġġa sparata lejn ir-realtà li tfisser. Dan il-qbil fundamentali bejn raġuni umana u fidi Nisranija nagħrfuh ukoll fi prinċipju ieħor bażilari tal-ħsieb ta’ Akwinu: il-Grazzja divina ma tħassarx, imma tissupponi u tipperfezzjona n-natura umana. Fil-fatt, din tal-aħħar, anki wara d-dnub, ma ġietx imħassra għalkollox, imma midruba u mdgħajfa. Il-Grazzja, imsawba minn Alla u mwassla permezz tal-Misteru tal-Verb inkarnat, hija don assolutament b’xejn li bih in-natura tiġi mfejqa, imseddqa u megħjuna tkompli miexja tfittex ix-xewqa li hemm fil-qalb ta’ kull raġel u mara: il-ferħ. Il-fakultajiet kollha tal-bniedem jiġu msoffija, mibdula u mgħollija mill-Grazzja divina.

 

Applikazzjoni importanti ta’ din ir-relazzjoni bejn in-natura u l-Grazzja tidher fit-teoloġija morali ta’ San Tumas ta’ Aquino, li hi ta’ attwalità kbira. Fiċ-ċentru tat-tagħlim tiegħu f’dan il-qasam, hu jqiegħed il-liġi ġdida, li hija l-liġi tal-Ispirtu s-Santu. B’ħarsa profondament evanġelika, jisħaq fuq il-fatt li din il-liġi hija l-Grazzja tal-Ispirtu s-Santu mogħtija lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Ma’ din il-Grazzja jingħaqad it-tagħlim miktub u bil-fomm tal-veritajiet duttrinali u morali, mgħoddija mill-Knisja. San Tumas jisħaq fuq ir-rwol fundamentali, fil-ħajja morali, tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, tal-Grazzja, li minnha jfawru l-virtujiet teologali u morali, u hekk ifehimna li kull Nisrani jista’ jilħaq il-qċaċet għoljin tad-“Diskors tal-Muntanja” jekk jgħix relazzjoni awtentika ta’ fidi fi Kristu, jekk jiftaħ qalbu għall-azzjoni tal-Ispirtu Qaddis tiegħu. Imma – iżid l-Akwinu – “anki jekk il-grazzja hi iktar effikaċi min-natura, madankollu n-natura hi aktar essenzjali għall-bniedem” (Summa Theologiæ, I-II, q. 94, a. 6, ad 2), u għalhekk, fil-perspettiva morali Nisranija, hemm post għar-raġuni, li hi kapaċi tgħarbel il-liġi morali naturali. Ir-raġuni tista’ tagħrafha meta tqis x’inhu sew li tagħmel u x’inhu sew li tevita biex issib dak il-ferħ li hu għal qalb kulħadd, u li jimponi wkoll responsabbiltà għall-oħrajn, u, għalhekk, it-tiftixa tal-ġid komuni. Fi kliem ieħor, il-virtujiet tal-bniedem, teologali u morali, għandhom għeruqhom imniżżla fin-natura umana. Il-Grazzja divina ssieħeb, twieżen u tħeġġeġ għall-impenn etiku imma, fil-verità, skont San Tumas, il-bnedmin kollha, jemmnu u ma jemmnux, huma msejħin jagħrfu l-esiġenzi tan-natura umana espressi fil-liġi naturali u jitnebbħu minnha fil-formulazzjoni tal-liġijiet pożittivi, jiġifieri dawk maħruġa mill-awtoritajiet ċivili u politiċi biex jirregolaw il-konvivenza umana.

 

Meta l-liġi naturali u r-responsabbiltà li tiġi magħha huma miċħuda, tinfetaħ b’mod traġiku t-triq għar-relattiviżmu etiku fuq il-livell individwali u għat-totalitarjaniżmu tal-Istat fuq il-livell politiku. Il-ħarsien tal-jeddijiet universali tal-bniedem u l-affermazzjoni tal-valur assolut tad-dinjità tal-persuna għandhom fundament. Mhijiex forsi l-liġi naturali dan il-fundament, bil-valuri mhux negozjabbli li hi tindika? Il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika tiegħu Evangelium vitæ kiteb kliem li jibqa’ ta’ attwalità kbira: “Jeħtieġ mela għall-ġejjieni tas-soċjetà u tal-iżvilupp ta’ demokrazija vera li jingħaraf mill-ġdid li hemm valuri morali umani u morali essenzjali li joħorġu mill-verità stess tal-bniedem, u juru u jħarsu d-dinjità tal-persuna, valuri li għalhekk ebda individwu, ebda maġġoranza, ebda Stat ma jistgħu joħolqu, ibiddlu jew jeqirdu, imma għandhom biss jagħrfuhom, jirrispettawhom u jġibuhom ’il quddiem” (n. 71).

 

Biex nagħlqu, Tumas jipproponilna kunċett tar-raġuni umana li hu wiesa’ u ta’ min joqgħod fuqu: wiesa’ għax mhuwiex limitat għall-ispazji tal-hekk imsejħa raġuni empirika-xjentifika, imma miftuħ għall-essri kollu u għalhekk anki għall-mistoqsijiet fundamentali u essenzjali tal-ħajja umana; u ta’ min joqgħod fuqu għax ir-raġuni umana, fuq kollox jekk tilqa’ t-tnebbiħ tal-fidi Nisranija, tkun tippromovi ċiviltà li tagħraf id-dinjità tal-persuna, l-intanġibbiltà tad-drittijiet tagħha u kemm huma ċari d-dmirijiet li għandha. Ma nistagħġbux li d-duttrina dwar id-dinjità tal-persuna, fundamentali għall-għarfien tal-invjolabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, immaturat f’ambjenti ta’ ħsieb li xorbu mill-wirt ta’ San Tumas ta’ Aquino, li kellu kunċett għoli ħafna tal-ħlejqa umana. Sejħilha, b’lingwaġġ tiegħu rigorożament filosofiku, “dak li hu l-iżjed perfett fin-natura kollha, jiġifieri suġġett li jeżisti f’natura razzjonali” (Summa Theologiæ, Ia, q. 29, a. 3).

 

Il-profondità tal-ħsieb ta’ San Tumas ta’ Aquino toħroġ – dan ma ninsewh qatt – mill-fidi ħajja tiegħu u mid-devozzjoni ħerqana tiegħu, li hu kien jesprimi f’talbiet imnebbħa, bħal din li fiha jitlob hekk lil Alla: “Agħtini, nitolbok, rieda li tfittxek, għerf li jsibek, ħajja li togħġbok, perseveranza li tistenniek bil-fiduċja, u fiduċja li fl-aħħar tasal biex tiksbek”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard