Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Marzu 2007

 

Sant’Injazju ta’ Antjokja

 

Għeżież ħuti,

 

Fiċ-ċiklu ġdid tagħna ta’ katekeżi li għadna kemm bdejna qed ngħaddu l-personalitajiet ewlenin tal-Knisja tal-bidu. Il-ġimgħa l-oħra tkellimna dwar il-Papa Klement I, it-tielet Suċċessur ta’ San Pietru. Illum se nitkellmu fuq Sant’Injazju, li kien it-tielet Isqof ta’ Antjokja, mis-sena 70 sal-107, id-data tal-martirju tiegħu. F’dak iż-żmien Ruma, Lixandra u Antjokja kienu t-tliet metropoli l-kbar tal-Imperu Ruman. Il-Konċilju ta’ Nicea jsemmi tliet “primati”: ovvjament, dak ta’ Ruma, imma mbagħad kien hemm ukoll Lixandra u Antjokja li kienu jiftaħru bil-“primat” tagħhom. Sant’Injazju, kif għidna, kien Isqof ta’ Antjokja, li llum tinsab fit-Turkija. Hawn, f’Antjokja, kif nafu mill-Atti tal-Appostli, trawmet komunità Nisranija li malajr bdiet twarrad: l-ewwel Isqof tagħha kien l-Appostlu Pietru – hekk tgħidilna t-tradizzjoni –, u hemm “id-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom Kristjani” (Atti 11:26). Ewsebju ta’ Ċesarija, storiku tas-seklu 4, jiddedika kapitlu sħiħ tal-iStorja Ekkleżjastika tiegħu lill-ħajja u l-opra letterarja ta’ Injazju (3,36). “Mis-Sirja”, jikteb, “Injazju ntbagħat Ruma biex jiġi mixħut bħala ikel f’ħalq il-bhejjem, minħabba x-xhieda li hu ta ta’ Kristu. Tul il-vjaġġ tiegħu fl-Asja, taħt l-għajnejn qliel tal-għassiesa” [li hu kien isejħilhom “għaxar leopardi” fl-Ittra lir-Rumani 5,1], “f’kull belt fejn kien jieqaf, bi prietki u twissijiet, kien iseddaq lill-Knejjes; fuq kollox kien iħeġġiġhom, b’ħerqa l-iżjed qawwija, biex iħarsu ruħhom mill-ereżiji, li f’dak iż-żmien kienu bdew joktru, u biex ma jitbegħdux mit-tradizzjoni appostolika” (3,36,3-4). L-ewwel tappa tal-vjaġġ ta’ Injazju lejn il-martirju kienet il-belt ta’ Żmirna, fejn kien Isqof San Polikarpu, dixxiplu ta’ San Ġwann. Hawn Injazju kiteb erba’ ittri, rispettavament lill-Knejjes ta’ Efesu, ta’ Magnesia, ta’ Tralles u ta’ Ruma. “Wara li telaq minn Żmirna”, ikompli Ewsebju, “Injazju ġie Troas, u minn hemm bagħat ittri ġodda”: tnejn lill-Knejjes ta’ Filadelfja u ta’ Żmirna, u waħda lill-Isqof Polikarpu. U hekk Ewsebju jagħtina l-lista tal-ittri, li waslu għandna bħala teżor prezzjuż. Meta naqraw dawn it-testi nistgħu nħossu l-freskezza tal-fidi tal-ġenerazzjoni li kienet għadha taf lill-Appostli. Inħossu wkoll f’dawn l-ittri l-imħabba mkebbsa ta’ Qaddis. Fl-aħħar nett minn Troas il-martri mar Ruma, fejn, fl-Amfiteatru Flavju, ingħata bħala ikel f’ħalq il-bhejjem feroċi.

 

L-ebda Missier tal-Knisja ma esprima bl-intensità ta’ Injazju x-xenqa tiegħu għall-għaqda ma’ Kristu u mal-ħajja fih. Għalhekk qrajna s-silta mill-Vanġelu fuq id-dielja, li skont il-Vanġelu ta’ Ġwanni hi Ġesù. Fir-realtà, f’Injazju jiltaqgħu flimkien żewġ “kurrenti” spiritwali: dak ta’ Pawlu, mogħti kollu għall-għaqda ma’ Kristu, u dak ta’ Ġwanni, ikkonċentrat fuq il-ħajja fih. Min-naħa tagħhom, dawn iż-żewġ kurrenti jwasslu għax-xebh ma’ Kristu, ipproklamat kemm-il darba minn Injazju bħala “tiegħi” jew “Alla tagħna”. Hekk Injazju jitlob lill-Insara ta’ Ruma biex ma jżommuhx milli jmur għall-martirju, għax qed iħossu bla sabar sa ma jasal “għal Kristu”. U jfisser: “Aktar jaqbilli mmut fi Kristu Ġesù milli naħkem sa truf l-art. Jien lil dak li miet għalina lkoll infittex; jien, lil dak li qam għalina mill-imwiet irrid… Ħalluni nkun xebh ma’ Kristu, Alla tiegħi, fil-passjoni tiegħu” (Rumani 5-6). F’dawn l-espressjonijiet imħeġġa bl-imħabba nistgħu nagħrfu r-“realiżmu” Kristoloġiku qawwi tipiku tal-Knisja ta’ Antjokja, dejjem attenta għall-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla u għall-umanità vera u konkreta tiegħu: Ġesù Kristu, jikteb Injazju lin-nies ta’ Żmirna, “tassew ġej min-nisel ta’ David”, “tassew twieled minn verġni”, “tassew ġie msallab għalina” (1,1).

 

It-tensjoni irreżistibbli ta’ Injazju lejn l-għaqda ma’ Kristu hi mibnija fuq “mistika tal-għaqda” vera u proprja. Hu stess isejjaħ lilu nnifsu “bniedem li ġie fdat bil-ħidma tal-għaqda” (Filadelfi 8,1). Għal Injazju l-għaqda hi qabelxejn prerogattiva ta’ Alla li, ħaj fi tliet Persuni, huwa wieħed f’għaqda assoluta. Hu jtenni spiss li Alla hu għaqda, u li f’Alla biss din tinsab fi stat pur u oriġinali. L-għaqda li għandha sseħħ fuq din l-art min-naħa tal-Insara mhijiex ħlief xebh, l-aktar wieħed possibbli mal-arċitip divin. B’dan il-mod Injazju jasal biex jelabora viżjoni tal-Knisja, li tfakkar mill-qrib xi espressjonijiet tal-Ittra lill-Korintin ta’ Klement ta’ Ruma. “Hu ta’ ġid għalikom”, jikteb, ngħidu aħna, lill-Insara ta’ Efesu, “li timxu flimkien f’fehma waħda mal-ħsieb tal-Isqof, ħaġa li diġà qed tagħmlu. Fil-fatt il-kulleġġ tagħkom tal-presbiteri, ġustament famuż, denju ta’ Alla, hu hekk magħqud f’armonija mal-isqof bħalma huma l-kordi maċ-ċetra. Għalhekk fil-fehma waħda tagħkom u fl-imħabba sinfonika tagħkom intom tgħannu lil Ġesù Kristu. U hekk intom, wieħed wieħed, issiru kor, biex fis-sinfonija tal-għaqda flimkien, wara li tkunu qbadtu t-ton ta’ Alla fl-għaqda, tgħannu vuċi waħda” (4,1-2). U wara li jirrakkomanda lin-nies ta’ Żmirna biex ma “jagħmlu xejn li għandu x’jaqsam mal-Knisja mingħajr l-Isqof” (8,1), jistqarr ma’ Polikarpu: “Jiena noffri ħajti għal dawk li joqogħdu għall-Isqof, għall-presbiteri u għad-djakni. Ħa jkolli magħhom sehem ma’ Alla. Aħdmu flimkien għall-ġid ta’ xulxin, tqabdu flimkien, iġru flimkien, batu flimkien, orqdu u ishru flimkien bħala amministraturi ta’ Alla, sieħba u qaddejja tiegħu. Fittxu lil togħġbu lil Dak li għalih qed tissieltu u li minnu tirċievu ħlaskom. Ħadd minnkom ma għandu jwarrab din it-triq. Il-Magħmudija tagħkom tibqa’ bħal tarka, il-fidi bħal elmu, l-imħabba bħal lanza, is-sabar bħal armatura” (6,1-2).

 

Kollox ma’ kollox fl-Ittri ta’ Injazju nistgħu naraw xorta ta’ djalettika kostanti u għammiela bejn żewġ aspetti karatteristiċi tal-ħajja Nisranija: minn naħa l-istruttura ġerarkika tal-komunità ekkleżjali, u mill-oħra l-għaqda fundamentali li torbot bejniethom il-fidili kollha fi Kristu. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rwoli ma jistgħux jeħduha kontra xulxin. Bil-maqlub, l-insistenza fuq il-komunjoni bejn dawk li jemmnu u mar-ragħajja tagħhom hi kontinwament ifformulata mill-ġdid permezz ta’ xbihat u analoġiji elokwenti: iċ-ċetra, il-kordi, l-intonazzjoni, il-kunċert, is-sinfonija. Hija evidenti r-responsabbiltà partikulari tal-Isqfijiet, tal-presbiteri u tad-djakni fil-bini tal-komunità. Qabelxejn tgħodd għalihom l-istedina għall-imħabba u għall-għaqda. “Kunu ħaġa waħda”, jikteb Injazju lill-Insara ta’ Magnesia, waqt li jirriferi għat-talba ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena: “Talba waħda, ħsieb wieħed, tama waħda fl-imħabba… Ħaffu l-passi tagħkom lejn Ġesù Kristu bħalma tagħmlu lejn it-tempju waħdieni ta’ Alla, lejn l-altar waħdieni: Huwa wieħed, ġej mill-Missier waħdieni, baqa’ magħqud miegħu, u għandu reġa’ lura fl-għaqda” (7,1-2). Injazju, l-ewwel wieħed fil-letteratura Nisranija, jattribwixxi lill-Knisja l-aġġettiv “kattolika”, jiġifieri “universali”: “Fejn hemm Ġesù Kristu”, jistqarr, “hemm tinsab il-Knisja kattolika” (Żmirni 8,2). U sewwasew fil-qadi tal-għaqda fil-Knisja Kattolika, il-komunità Nisranija ta’ Ruma tħaddem għamla ta’ primat fl-imħabba: “F’Ruma hi tippresiedi, denja ta’ Alla, meqjuma, denja li tissejjaħ hienja… Tippresiedi fl-imħabba, li hi l-liġi ta’ Kristu u ġġorr l-isem tal-Missier” (Rumani, prologu).

 

Kif qed naraw, Injazju hu tassew id-“duttur tal-għaqda”: għaqda ta’ Alla u għaqda ta’ Kristu (kontra l-bosta ereżiji li bdew iduru u jifirdu l-bniedem minn Alla fil-persuna ta’ Kristu), għaqda tal-Knisja, għaqda tal-fidili “fil-fidi u fl-imħabba, li m’hemm xejn aqwa minnhom” (Żmirni 6,1). Bla dubju, ir-“realiżmu” ta’ Injazju jistieden lill-fidili tal-bieraħ u tal-lum, jistieden lilna lkoll għal sinteżi progressiva bejn it-twaħħid tagħna ma’ Kristu (l-għaqda miegħu, il-ħajja fih) u l-għotja għall-Knisja tiegħu (l-għaqda mal-Isqof, il-qadi ġeneruż lill-komunità u lid-dinja). F’kelma waħda, irridu naslu għal sinteżi bejn komunjoni tal-Knisja fi ħdanha u missjoni-xandir tal-Vanġelu għall-oħrajn, sakemm f’dimensjoni titkellem l-oħra, u dawk li jemmnu jkollhom dejjem iżjed “dak l-Ispirtu mhux maqsum, li hu Ġesù Kristu nnifsu” (Magnesi 15).

 

Waqt li nitlob lill-Mulej din il-“grazzja tal-għaqda”, u fil-konvinzjoni li qed nippresiedi fl-imħabba tal-Knisja kollha (ara Rumani, prologu), nagħmlilkom l-istess awgurju li jagħlaq l-ittra ta’ Injazju lill-Insara ta’ Tralles: “Ħobbu lil xulxin b’qalb sħiħa. L-ispirtu tiegħi noffrih b’sagrifiċċju għalikom, mhux biss issa, imma anki meta nkun wasalt għand Alla… Ħa jsibkom bla tebgħa Kristu” (13). U nitolbu lill-Mulej jgħinna nilħqu din l-għaqda u fl-aħħar ninstabu bla tebgħa, għax hi l-imħabba li ssaffi l-erwieħ.

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard