Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 13 ta’ Ottubru 2010

 

Il-Beata Angela ta’ Foligno

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkellimkom dwar il-Beata Angela ta’ Foligno, mistika kbira Medjevali li għexet fis-seklu 13. Is-soltu, nissaħħru bil-qċaċet tal-esperjenza ta’ għaqda ma’ Alla li hi rnexxielha tilħaq, imma ftit li xejn nagħtu kas tal-ewwel passi, il-konverżjoni tagħha, u l-mixja twila li għamlet minn fejn telqet, il-“biża’ kbir mill-infern”, sa ma waslet għad-destinazzjoni, l-għaqda totali tagħha mat-Trinità. L-ewwel parti tal-ħajja ta’ Angela żgur ma kinitx dik ta’ dixxiplu mħeġġa tal-Mulej. Imwielda lejn l-1248 f’familja tat-tajjeb, sfat iltima minn missierha u ġiet edukata minn ommha b’mod pjuttost superfiċjali. Ma damitx ma ġiet esposta għall-ambjenti tad-dinja fil-belt ta’ Foligno, fejn saret taf raġel, li hi żżewġet ta’ għoxrin sena u li minnu kellha l-ulied. Ħajjitha kienet imgerfxa, tant li waslet ukoll biex tistkerrah lill-hekk imsejħa “penitenti” – imxerrdin ħafna f’dawk iż-żminijiet – jiġifieri dawk li biex jimxu wara Kristu kienu jbigħu l-ġid tagħhom u jgħixu fit-talb, fis-sawm, fil-qadi lill-Knisja, u fil-karità.

 

Xi ġrajjiet, bħalma kienu t-terremot qalil tal-1279, urugan, il-gwerra antika ma’ Perugia u l-konsegwenzi ibsin tagħha, ħallew effett fuq il-ħajja ta’ Angela, li ftit ftit bdiet tiġi konxja mid-dnubiet tagħha, sa ma wettqet pass deċiżiv: talbet lil San Franġisk, li dehrilha f’viżjoni, biex jagħtiha parir fid-dawl ta’ Qrara ġenerali tajba li riedet tagħmel: qegħdin fl-1285, u Angela marret tqerr għand wieħed patri f’San Feliciano. Tliet snin wara, it-triq tal-konverżjoni rat bidla oħra: hija nħallet mir-rabtiet ta’ mħabba tagħha, għax, fi ftit xhur, wara l-mewt ta’ ommha waslet ukoll dik ta’ żewġha u ta’ wliedha kollha. Allura biegħet ġidha u fl-1291 daħlet mat-Terz’Ordni ta’ San Franġisk. Mietet f’Foligno fl-4 ta’ Jannar 1309.

 

Il-Ktieb tal-Beata Angela ta’ Foligno, li fih hi miġbura d-dokumentazzjoni fuq il-Beata tagħna, jirrakkonta din il-konverżjoni; juri x’kienu l-mezzi meħtieġa għaliha: il-penitenza, l-umiltà u t-tiġrib; u jirrakkonta l-passaġġi, l-esperjenzi li għaddiet minnhom Angela, sa mill-1285. Hija u tiftakarhom, wara li għexithom, fittxet li tirrakkontahom permezz tal-Patri konfessur tagħha, li ttraskriviehom fedelment u mbagħad ipprova jqegħidhom wara xulxin f’tappi, li hu sejħilhom “passi jew bidliet”, imma mingħajr ma rnexxielu jordnahom għalkollox (ara Il Libro della beata Angela da Foligno, Cinisello Balsamo 1990, p. 51). Dan għaliex l-esperjenza ta’ din l-għaqda ma’ Alla għall-Beata Angela kienet tinvolvi b’mod sħiħ is-sensi spiritwali u korporali, u minn dak li hi “fehmet” matul l-estasi tagħha baqa’, biex ngħidu hekk, biss “dell” fil-moħħ tagħha. “Smajt tassew dawn il-kelmiet”, stqarret hi wara li ġiet maħtufa mistikament, “imma dak li rajt u fhimt, u li hu [jiġifieri Alla] urieni, bl-ebda mod ma nafu jew nista’ ngħidu, għalkemm lesta minn qalbi li nuri dak li fhimt bil-kliem li smajt, imma dan kien abbiss assolutament bla tarf”. Angela ta’ Foligno tippreżenta l-“ħajja” mistika tagħha, mingħajr ma telaboraha bil-ħsieb, għax dan hu bħal tidwil divin ikkomunikat lir-ruħ tagħha b’mod spontanju u mhux mistenni. L-istess Patri konfessur sabha bi tqila li jirrakkonta dawn il-ġrajjiet, “anki minħabba r-riservatezza kbira u tal-għaġeb tagħha dwar id-doni divini” (Ibid., p. 194). Mad-diffikultà li sabet Angela biex tesprimi l-esperjenza mistika tagħha nżidu wkoll id-diffikultà tas-semmiegħa tagħha biex jifhmuha. Sitwazzjoni li turi b’mod ċar kif l-Imgħallem veru u waħdieni, Ġesù, jgħix fil-qalb ta’ kull min jemmen u jixtieq jieħu pussess totali tagħha. Hekk seħħ f’Angela, lil kitbet hekk lil iben spiritwali tagħha: “Ibni, li kellek tara l-qalb tiegħi, kont tħossok assolutament imġiegħel tagħmel il-ħwejjeġ kollha li jrid Alla, għax il-qalb tiegħi hi dik ta’ Alla u l-qalb ta’ Alla hi tiegħi”. Hawn jidwu l-kelmiet ta’ San Pawl: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20).

 

Ejjew mela nqisu biss xi “passi” mill-mixja spiritwali tassew għanja tal-Beata tagħna. L-ewwel wieħed, fir-realtà, huwa premessa: “Kien l-għarfien tad-dnub”, kif tippreċiża hi, “li warajh ir-ruħ kellha biża’ kbir li tintilef għal dejjem; f’dan il-pass jiena xerridt dmugħ ta’ mrar kbir” (Il Libro della beata Angela da Foligno, p. 39). Dan il-“biża’” mill-infern iwieġeb għal dik l-għamla ta’ fidi li Angela kellha fil-mument tal-“konverżjoni” tagħha; fidi għadha fqira mill-karità, jiġifieri mill-imħabba ta’ Alla. Is-sogħba, il-biża’ mill-infern, u l-penitenza fetħu għal Angela l-perspettiva tat-“triq tas-salib” mimlija tbatija li, mit-tmien sal-ħmistax-il pass, imbagħad kellha twassalha għat-“triq tal-imħabba”. Jirrakkonta l-Patri konfessur: “Il-fidila allura qaltli: Kelli din ir-rivelazzjoni divina: ‘Wara l-ħwejjeġ li ktibt, niżżel ukoll li kull min irid iżomm sħiħa l-grazzja ma għandux iwarrab ħarstu mnn fuq ir-ruħ tas-Salib, sew fil-ferħ u sew fin-niket li nikkonċedilu jew nippermettilu’” (Ibid., p. 143). Imma f’din il-fażi Angela kienet għadha “mhix tħoss imħabba”; hi tistqarr: “Ir-ruħ tħoss mistħija u mrar u għadha mhix qed idduq l-imħabba, imma t-tbatija” (Ibid., p. 39), u mhix sodisfatta.

 

Angela ħasset li lil Alla kellha tagħtih xi ħaġa biex tpatti għal dnubietha, imma bil-mod fehmet li ma kellha xejn x’tagħtih, anzi li quddiemu “mhi xejn”; fehmet li mhux bir-rieda tagħha li Alla kien sa jħobbha, għax din setgħet tagħtiha biss ix-“xejn”, il-“mhux imħabba”. Kif imbagħad qalet: hi biss “l-imħabba vera u safja, li ġejja minn Alla, qiegħda fir-ruħ u tgħinha tagħraf id-difetti tagħha u t-tjieba divina […]. Din l-imħabba twassal lir-ruħ għand Kristu u tifhem b’ċertezza li ma jistax ikun hemm xi qerq f’dan. Flimkien ma’ din l-imħabba ma nistgħux inħalltu xi ħaġa minn dik tad-dinja” (Ibid., p. 124-125). Tinfetaħ biss u kollha kemm hi għall-imħabba ta’ Alla, li fi Kristu tesprimi ruħha bl-ogħla mod: “O Alla tiegħi”, titlob, “agħmilni denja li nagħraf l-ogħla misteru, li twettaq bl-aktar imħabba mħeġġa u bla tarf tiegħek, flimkien mal-imħabba tat-Trinità, jiġifieri l-ogħla misteru tal-inkarnazzjoni mqaddsa tiegħek għalina. […] O mħabba li ma nistgħu qatt nifhmu! ’Il fuq minn din l-imħabba, li biha Alla tiegħi sar bniedem biex jagħmilni Alla, ma hemmx imħabba ikbar” (Ibid., p. 295). Madankollu, il-qalb ta’ Angela baqgħet iġġorr dejjem il-ġrieħi tad-dnub; anki wara Qrara magħmula tajjeb, hi kienet issib ruħha maħfura u xorta mifnija mid-dnub, ħielsa u xorta kkudizzjonata mill-imgħoddi, bl-assoluzzjoni imma fil-ħtieġa tal-penitenza. U anki l-ħsieb tal-infern baqa’ magħha, għax iktar ma r-ruħ timxi fit-triq tal-perfezzjoni Nisranija, iktar u iktar tikkonvinċi ruħha mhux biss li “mhix denja”, imma li jistħoqqilha l-infern.

 

U hekk, fil-mixja mistika tagħha, Angela fehmet b’mod profond ir-realtà ċentrali: dak li jista’ jsalvaha minn kemm “mhix denja” u milli “jistħoqqilha l-infern” mhix l-“għaqda tagħha ma’ Alla” u kemm għandha l-“verità”, imma Ġesù msallab, “it-tislib tiegħu għalija”, imħabbtu. Fit-tmien pass, hi tgħid: “Imma kont għadni ma fhimtx liema ġid kien l-ogħla, jekk hux il-ħelsien tiegħi mid-dnub u mill-infern u l-konverżjoni għall-penitenza, inkella t-tislib tiegħu għalija” (Ibid., p. 41). Dan hu l-bilanċ instabbli bejn imħabba u tbatija, li hi għexet fil-mixja iebsa kollha tagħha lejn il-perfezzjoni. Proprju għalhekk tippreferi tikkontempla lil Kristu msallab, għax f’din il-viżjoni tara milħuq il-bilanċ perfett: fuq is-salib hemm il-bniedem-Alla, fl-ogħla att ta’ tbatija li hu l-ogħla att ta’ mħabba. Fit-tielet Istruzzjoni l-Beata tisħaq fuq din il-kontemplazzjoni u tistqarr: “Iktar ma naraw perfettament u b’mod safi, iżjed inħobbu perfettament u b’mod safi. […] Għalhekk iżjed ma nħarsu lejn Ġesù Kristu, Alla u bniedem, iżjed ninbidlu fih permezz tal-imħabba. […] Dak li għidt dwar l-imħabba […] ngħidu wkoll għat-tbatija: ir-ruħ iktar ma tikkontempla t-tbatija bla tarf ta’ Ġesù Kristu, Alla u bniedem, iktar titnikket u tinbidel fit-tbatija” (Ibid., p. 190-191). It-twaħħid, il-bidla fl-imħabba u fit-tbatija ta’ Kristu msallab, l-identifikazzjoni miegħu. Il-konverżjoni ta’ Angela, li bdiet minn dik il-Qrara tal-1285, waslet għall-maturazzjoni tagħha biss meta l-maħfra ta’ Alla dehret lir-ruħ tagħha bħala d-don mogħti b’xejn mill-imħabba ta’ Alla, għajn ta’ mħabba: “Ma hemm ħadd li jista’ jġib skużi”, tistqarr, “għax kulħadd jista’ jħobb lil Alla, u hu ma jitlob xejn mir-ruħ ħlief li tħobbu, għax hu jħobbha u hi l-imħabba tiegħu” (Ibid., p. 76).

 

Fil-mixja spiritwali ta’ Angela l-passaġġ mill-konverżjoni għall-esperjenza mistika, minn dak li tista’ tesprimi għal dak li ma tistax, seħħ permezz tal-Imsallab. Huwa l-“Alla-bniedem tal-Passjoni”, li jsir l-“imgħallem tal-perfezzjoni” tagħha. L-esperjenza mistika kollha tagħha hi, allura, li tfittex dak ix-“xebh” perfett miegħu, permezz tat-tisfijiet u l-bidliet dejjem iżjed profondi u radikali. F’din il-biċċa xogħol tal-għaġeb Angela tħabrek b’dak kollu li hi, ruħ u ġisem, mingħajr ma toqgħod lura milli tagħmel penitenzi u ġġarrab tiġrib mill-bidu sat-tmiem, mixtieqa li tmut mal-uġigħ kollu li bata l-Alla-bniedem mislub biex tista’ tinbidel għalkollox fih: “O wlied ta’ Alla”, kienet tirrakkomanda, “inbidlu għalkollox f’Alla-bniedem tal-Passjoni, li tant ħabbkom li ndenja jmut għalikom mewt l-aktar mistkerrha u ta’ tbatija hekk bla tarf u b’uġigħ u mrar mill-akbar. Dan kollu għamlu biss għal imħabbtek, o bniedem!” (Ibid., p. 247). Din l-identifikazzjoni tfisser ukoll li hi tgħix dak li għex Ġesù: faqar, stmerrija, uġigħ, għax – kif tistqarr hi – “permezz tal-faqar fuq din l-art ir-ruħ issib għana etern; permezz tal-ismterrija u l-mistħija hi tikseb l-ogħla ġieħ u glorja mill-akbar; permezz ta’ ftit penitenza, magħmula bi tbatija u sogħba, tikseb bi ħlewwa u faraġ bla qies l-Ogħla Ġid, lil Alla ta’ dejjem” (Ibid., p. 293).

 

Mill-konverżjoni għall-għaqda mistika ma’ Kristu msallab, għal dak li ma tafx tesprimi. Mixja l-aktar għolja, li s-sigriet tagħha hu t-talb kontinwu: “Iżjed ma titlob”, tistqarr, “iżjed tkun imdawla; iktar ma tkun imdawla, iktar tara b’mod profond u intens l-Ogħla Ġid, l-Essri tajjeb fuq kull ħaġa oħra; iktar ma tarah b’mod profond u intens, iktar tħobbu; iktar ma tħobbu, iktar isib għaxqtu fik; u iktar ma jitgħaxxaq bik, iktar tagħrfu u ssir kapaċi tifhmu. U wara dan int tasal għall-milja tad-dawl, għax tifhem li ma tistax tifhem” (Ibid., p. 184).

 

Għeżież ħuti, il-ħajja tal-Beata Angela tibda b’eżistenza ta’ din id-dinja, pjuttost imbiegħda minn Alla. Imma mbagħad il-laqgħa mal-figura ta’ San Franġisk u, fl-aħħar, il-laqgħa ma’ Kristu Msallab terġa’ tqajjem lir-ruħ għall-Preżenza ta’ Alla, għall-fatt li ma’ Alla biss il-ħajja tista’ ssir ħajja vera, għax issir, fl-uġigħ għad-dnub, imħabba u ferħ. U hekk tkellem lilna wkoll il-Beata Angela. Illum kollha ninsabu fil-periklu li ngħixu bħallikieku Alla ma jeżistix: jidher hekk imbiegħed mill-ħajja tal-lum. Imma Alla għandu elf mod, għal kulħadd bil-mod tiegħu, biex jagħmel lilu nnifsu preżenti fir-ruħ, biex juri li jeżisti u jafni u jħobbni. U l-Beata Angela tridna attenti għal dawn is-sinjali li bihom il-Mulej imissilna qalbna, attenti għall-preżenza ta’ Alla, biex hekk nitgħallmu t-triq ma’ Alla u lejn Alla, fil-komunjoni ma’ Kristu Msallab. Nitolbu lill-Mulej biex jagħmilna attenti għas-sinjali tal-preżenza tiegħu, u jgħallimna ngħixu tassew. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard