Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 12 ta’ Marzu 2008

 

Boezju u Kassjodoru

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq żewġ kittieba ekkleżjastiċi, Boezju u Kassjodoru, li għexu fi snin fost l-aktar imqallba tal-Punent Nisrani u, b’mod partikulari, tal-peniżula Taljana. Odakru, Re tal-Eruli, grupp etniku Ġermaniku, kien irribella, u hekk ġab fi tmiemu l-Imperu Ruman tal-Punent (476), imma mbagħad ma damx ma kellu jċedi lill-Ostrogoti ta’ Teodoriku, li għal xi għexieren ta’ snin ħadu f’idejhom il-kontroll tal-peniżula Taljana. Boezju, li twieled Ruma lejn l-480 mir-razza nobbli tal-Anici, kien għadu żagħżugħ meta daħal fil-ħajja pubblika, u ta’ ħamsa u għoxrin sena kien diġà fil-kariga ta’ senatur. Fidil lejn it-tradizzjoni tal-familja tiegħu, daħal fil-politika konvint li l-linji li fuqhom kienet tistrieħ is-soċjetà Rumana u l-valuri tal-popli ġodda setgħu joqogħdu flimkien. U f’dan iż-żmien ġdid ta’ laqgħa bejn il-kulturi ħass bħala missjoni tiegħu dik li jħabbeb u jqiegħed ma’ xulxin dawn iż-żewġ kulturi, dik klassika Rumana ma’ dik tal-poplu Ostrogot li kienet għadha titwieled. U għalhekk kien attiv fil-politika anki taħt Teodoriku, li għall-ewwel kien jistmah ħafna. Minkejja din l-attività pubblika, Boezju ma warrabx l-istudji, u ddedika ruħu b’mod partikulari għall-approfondiment ta’ temi ta’ natura filosofika-reliġjuża. Imma kiteb ukoll manwali ta’ aritmetika, ta’ ġometrija, ta’ mużika, ta’ astronomija: kollha bil-fehma li jgħaddi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, liż-żminijiet il-ġodda, il-kultura kbira Griega-Rumana. F’dan il-qasam, jiġifieri fl-impenn tiegħu li jrawwem din il-laqgħa bejn il-kulturi, inqeda bil-kategoriji tal-filosofija Griega biex jipproponi l-fidi Nisranija, u anki hawn fittex sintesi bejn il-wirt Ellenistiku-Ruman u l-messaġġ tal-Vanġelu. Proprju għalhekk, Boezju ġie meqjus l-aħħar rappreżentant tal-kultura Rumana antika u l-ewwel wieħed tal-intellettwali Medjevali.

 

Bla dubju l-aktar xogħol magħruf tiegħu hu d-De consolatione philosophiæ, li hu kiteb fil-ħabs biex jagħti sens lid-detenzjoni inġusta tiegħu. Fil-fatt hu kien ġie mixli b’komplott kontra r-Re Teodoriku talli ħa f’idejh id-difiża fil-ħaqq li sar minn ħabib tiegħu, is-Senatur Albinu. Imma din kienet biss skuża: fir-realtà Teodoriku, Arjan u Barbaru, daħallu suspett li Boezju kellu simpatija mal-Imperatur Biżantin Ġustinjanu. Fil-fatt, wara li ġie pproċessat u kkundannat għall-mewt, ġie ġġustizzjat fit-23 ta’ Ottubru 524, meta kellu biss 44 sena. Proprju minħabba din il-mewt traġika, mill-esperjenza tiegħu stess hu jista’ jkellem anki lill-bniedem tal-lum u fuq kollox lil tant persuni li jġarrbu l-istess xorti tiegħu minħabba l-inġustizzja preżenti f’tant partijiet tal-‘ġustizzja umana’. F’din l-opra, fil-ħabs ifittex il-faraġ, ifittex id-dawl, ifittex l-għerf. U jgħid li għaraf jagħżel, proprju f’din is-sitwazzjoni, bejn il-ġid li jidher – fil-ħabs dan jgħib – u l-ġid veru, bħall-ħbiberija awtentika, li lanqas fil-ħabs ma jgħib. L-ogħla ġid huwa Alla: Boezju tgħallem – u jgħallmu lilna wkoll – ma jaqax fil-fataliżmu, li jxejjen kull tama. Hu jgħallimna li mhuwiex id-destin li jmexxi, imma tmexxi l-Providenza u din għandha wiċċ. Mal-Providenza tista’ titkellem, għax il-Providenza hu Alla. Hekk, imqar fil-ħabs tibqagħlu l-possibbiltà tat-talb, tad-djalogu ma’ Dak li jsalvana. Fl-istess ħin, anki f’din il-qagħda hu jżomm is-sens tal-ġmiel tal-kultura u jfakkar it-tagħlim tal-filosfi kbar Griegi u Rumani tal-qedem bħal Platun, Aristotli – kien beda jittraduċi lil dawn il-Griegi għal-Latin – Ċiċerun, Seneka, u anki poeti bħal Tibullu u Virġilju.

 

Il-filosofija, fis-sens ta’ tiftix tal-għerf veru, skont Boezju hija l-vera mediċina tar-ruħ (ktieb I). Min-naħa l-oħra, il-bniedem jista’ jduq il-kuntentizza vera biss fil-ġewwieni tiegħu (ktieb II). Għalhekk, Boezju jirnexxilu jsib sens meta jaħseb fit-traġedja personali tiegħu fid-dawl ta’ test mill-kotba tal-Għerf tat-Testment il-Qadim (Għerf 7:30-8:1) li hu jikkwota: “L-għerf l-ebda ħażen ma jista’ għalih. Jinfirex minn tarf sa tarf tal-art bil-qawwa, u jmexxi kollox bil-ħlewwa” (Ktieb III, 12: PL 63, kol. 780). L-hekk imsejjaħ ġid tal-ħżiena, allura, jinkixef li hu giddieb (ktieb IV), u hu jurina n-natura providenzjali tal-adversa fortuna. Is-saram tal-ħajja mhux biss jurina kemm din tal-aħħar hi ħaġa li tgħaddi u ma ttulx, imma saħansitra jidher bħala ħaġa ta’ siwi biex wieħed isib u jżomm ir-relazzjonijiet veri bejn il-bnedmin. L-adversa fortuna fil-fatt tgħinna ngħarblu bejn ħbieb foloz u dawk veri u tfehimna li xejn mhu iżjed prezzjuż għall-bniedem minn ħbiberija vera. Li wieħed jaċċetta b’mod fatalista qagħda ta’ tbatija hi xi ħaġa assolutament perikoluża, iżid Boezju n-Nisrani, għax dan “jeqred minn għeruqha l-istess possibbiltà tat-talb u tat-tama teologali li huma fil-bażi tar-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla” (Ktieb V, 3: PL 63, kol. 842).

 

Id-diskors finali tad-De consolatione philosophiæ nistgħu nqisuh ġabra tat-tagħlim kollu li Boezju jindirizza lilu nnifsu u lil dawk kollha li setgħu jsibu ruħhom fl-istess qagħda tiegħu. Fil-ħabs jikteb hekk: “Mela tqabad kontra l-vizzji, ingħata għal ħajja ta’ virtujiet imdawla mit-tama li terfa’ qlubna ’l fuq sa ma tasal fis-sema bit-talbiet kollha umiltà. Jekk tirrifjutaw li tigdbu, l-impożizzjoni li ġarrabtu tista’ tinbidel fil-vantaġġ enormi li jkollkom dejjem quddiem għajnejkom lill-ogħla mħallef li jara u jaf kif inhuma tassew l-affarijiet” (Ktieb V, 6: PL 63, kol. 862). Kull ħabsi, kienet x’kienet ir-raġuni li spiċċa l-ħabs, jaf kemm hi peżanti din il-qagħda partikulari umana, fuq kollox meta, kif ġralu Boezju, issir iktar brutali bl-użu tat-tortura. Imbagħad hi partikularment assurda l-qagħda ta’ min, mill-ġdid bħal Boezju li l-belt ta’ Pavia tagħrfu u tiċċelebrah fil-liturġija bħala martri tal-fidi, jiġi ttorturat sal-mewt mingħajr ebda raġuni oħra ħlief dik tal-konvinzjonijiet ideali tiegħu, politiċi u reliġjużi. Boezju, simbolu ta’ għadd bla qies ta’ persuni mixħuta l-ħabs inġustament f’kull żmien u f’kull rokna tad-dinja, hu fil-fatt bieb oġġettiv ta’ dħul għall-kontemplazzjoni tal-Imsallab misterjuż tal-Golgota.

 

Fl-istess żmien ta’ Boezju għex Marku Awrelju Kassjodoru, Kalabriż li twieled Squillace lejn is-sena 485, u li miet mimli bil-għomor, f’Vivarium lejn is-sena 580. Dan ukoll, bniedem ta’ livell soċjali għoli, iddedika ruħu għall-ħajja politika u għall-impenn kulturali b’mod li ftit oħrajn fil-Punent Ruman ta’ żmien għamlu bħalu. Forsi l-uniċi tamparu f’dan l-interess doppju kienu Boezju, li diġà semmejna, u l-futur Papa ta’ Ruma, Girgor il-Kbir (590-604). Konxju mill-ħtieġa li ma jħallix jintesa għal dejjem il-wirt kollu uman u umanistiku, miġmugħ fis-sekli dehbija tal-Imperu Ruman, Kassjodoru kkollabora b’ġenerożità, u fl-ogħla livelli tar-responsabbiltà politika, mal-popli ġodda li kienu qasmu l-konfini tal-Imperu u kienu waqfu fl-Italja. Hu wkoll kien mudell ta’ laqgħa kulturali, ta’ djalogu, ta’ rikonċiljazzjoni. Il-ġrajjiet storiċi ma ħallewhx iwettaq il-ħolmiet politiċi u kulturali tiegħu, li bihom kien qed jimmira li joħloq sintesi bejn it-tradizzjoni Rumana-Kristjana tal-Italja u l-kultura ġdida Gotika. Imma dawk l-istess ġrajjiet ikkonvinċewh dwar kemm kien providenzjali l-moviment monastiku, li kien qed jikber fl-artijiet Insara. Iddeċieda li jappoġġjah u ddedika għalih il-ġid kollu materjali tiegħu u l-isforzi spiritwali tiegħu.

 

Ħareġ bl-idea li jafda proprju f’idejn il-monaċi l-missjoni li jsalvaw, jikkonservaw u jgħaddu lil ta’ warajhom il-wirt kulturali immens tal-antiki, biex ma jmurx jintilef. Kien għalhekk li hu waqqaf Vivarium, ċenobju li fih kollox kien organizzat b’mod li x-xogħol intellettwali tal-monaċi kien stmat bħala mill-aktar prezzjuż u fundamentali. Hu ħaseb biex anki dawk il-monaċi li ma kellhomx formazzjoni intellettwali ma jiħdux ħsieb biss tax-xogħol materjali, tal-agrikultura, imma jittraskrivu wkoll manuskritti u hekk jgħinu biex jgħaddu l-kultura għolja lill-ġenerazzjonijiet futuri. U dan bl-ebda skapitu għall-impenn spiritwali monastiku u Nisrani u għall-ħidmiet ta’ karità mal-foqra. Fit-tagħlim tiegħu, imqassam f’bosta opri, imma fuq kollox fit-trattat De anima u fl-Institutiones divinarum litterarum, it-talb (ara PL 69, kol. 1108), li jixrob mill-Iskrittura Mqaddsa u partikularment mill-frekwentazzjoni assidwa tas-Salmi (ara PL 69, kol. 1149), dejjem għandu pożizzjoni ċentrali bħala ikel meħtieġ għal kulħadd. Hekk, ngħidu aħna, dan il-Kalabriż għaref jintroduċi l-Expositio in Psalterium: “Wara li f’Ravenna warrabt u ħallejt il-ħajriet għall-karriera politika bit-togħma diżgustanti tagħhom tat-tħassib ta’ din id-dinja, meta doqt is-Salterju, ktieb li niżel mis-Sema bħala veru għasel tar-ruħ, għodost fih bħal b’kilba ta’ wieħed bil-għatx biex ngħarblu mingħajr heda u nħalli tinfed fija dik il-ħlewwa kollha li mlietni bis-saħħa, wara li fil-ħajja attiva kont ġarrabt biżżejjed imrar” (PL 70, kol. 10).

 

It-tiftix ta’ Alla, bil-ħsieb li tikkontemplah – jinnota Kassjodoru –, jibqa’ l-għan dejjiemi tal-ħajja monastika (ara PL 69, col. 1107). Imma hu jżid li, bl-għajnuna tal-grazzja divina (ara PL 69, kol. 1131.1142), wieħed jista’ jikseb frott akbar mill-Kelma rivelata billi jinqeda bil-kisbiet xjentifiċi u l-għodod kulturali “profani” li diġà kellhom il-Griegi u r-Rumani (ara PL 69, kol. 1140). Kassjodoru nnifsu ddedika ruħu għall-istudji folosofiċi, teoloġiċi u eseġetiċi mingħajr kreattività partikulari, imma attent għall-intuwizzjonijiet li kien jara validi fl-oħrajn. Kien jaqra b’rispett u qima fuq kollox lil Ġirolmu u Wistin. Dwar dan tal-aħħar qal: “F’Wistin tant hemm għana li jidhirli impossibbli nsib xi ħaġa li ma ġietx diġà ttrattata minnu fit-tul” (ara PL 70, kol. 10). Huwa u jikkwota lil Ġirolmu mbagħad ħeġġeġ lill-monaċi ta’ Vivarium: “Jaslu għall-palma tar-rebħa mhux biss dawk li jitqabdu sat-tixrid ta’ demmhom jew li jħaddnu l-verġinità, imma anki dawk kollha li, bl-għajnuna ta’ Alla, jegħlbu l-vizzji tal-ġisem u jżommu l-fidi retta. Imma biex tistgħu, dejjem bl-għajnuna ta’ Alla, tegħlbu iżjed malajr it-tħeġġiġ tad-dinja u l-ħajriet tagħha għall-ħażen, waqt li tibgħu fiha bħala pellegrini dejjem mixjin, fittxu qabelxejn li jkollkom l-għajnuna tajba li jissuġġerixxi l-ewwel salm li jirrakkomandalna nimmeditaw lejl u nhar il-liġi tal-Mulej. L-għadu fil-fatt ma jsib ebda xaqq mnejn jattakkakom jekk l-attenzjoni kollha tagħkom tkun fuq Kristu” (De Institutione Divinarum Scripturarum, 32: PL 70, kol. 1147D-1148A). Hija twissija li nistgħu nilqgħu bħala valida għalina wkoll. Fil-fatt aħna wkoll qed ngħixu fi żmien ta’ laqgħa bejn il-kulturi, ta’ periklu li l-vjolenza teqred il-kulturi, u tal-impenn meħtieġ biex ngħaddu l-valuri għoljin u ngħallmu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar it-triq tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Din it-triq insibuha jekk induru lejn Alla li għandu wiċċ uman, Alla li wera ruħu lilna fi Kristu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard