Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Settembru 2009

 

San Pier Damiani

 

Għeżież ħuti,

 

Matul il-katekeżi ta’ dawn l-Erbgħat qed nittratta xi figuri kbar tal-ħajja tal-Knisja sa mill-bidu tagħha. Illum nixtieq nieqaf fuq waħda mill-aktar personalitajiet sinifikattivi tas-seklu 11, San Pier Damiani, monaku, ħabib tas-solitudni u, fl-istess waqt, bniedem qalbieni tal-Knisja, impenjat personalment fil-ħidma ta’ riforma li bdew il-Papiet ta’ żmienu. Twieled Ravenna fl-1007 minn familja nobbli, imma li kienet fil-bżonn. Spiċċa ltim miż-żewġ ġenituri tiegħu, u għalhekk għex tfulija li ma kinitx nieqsa minn taqbid u tbatijiet, imqar jekk oħtu Roselinda ħabirket biex tagħmilha ta’ omm għalih u ħuh il-kbir Damjan addottah bħala ibnu. Proprju għalhekk imbagħad ġie msejjaħ Pier ta’ Damjan, Pier Damiani. Il-formazzjoni ħadha l-ewwel f’Faenza u mbagħad f’Parma, fejn, diġà sa mill-età ta’ 25 sena, insibuh impenjat fit-tagħlim. Flimkien ma’ kompetenza tajba fil-qasam tal-liġi, kiseb taħriġ tajjeb fl-arti tal-kitba – l-ars scribendi – u, grazzi għall-għarfien tiegħu tal-klassiċi kbar Latini, sar “wieħed mill-aqwa Latinisti ta’ żmienu, wieħed mill-ikbar kittieba tal-Medjuevu Latin” (J. Leclercq, Pierre Damien, ermite et homme d’Église, Ruma 1960, p. 172).

 

Spikka f’ġeneri letterarji l-aktar diversi: mill-ittri għall-prietki, mill-aġjografiji għat-talb, mill-poemi għall-epigrammi. Is-sensibbiltà tiegħu għall-ġmiel wasslitu għall-kontemplazzjoni poetika tad-dinja. Pier Damiani kien jara l-univers bħala “parabbola” bla qies u firxa wiesgħa ta’ simboli, li minnhom wieħed irid jibda biex jinterpreta l-ħajja interjuri u r-realtà divina u sopranaturali. F’din il-perspettiva, lejn is-sena 1034, il-kontemplazzjoni tal-assolut ta’ Alla wasslitu biex ftit ftit iħalli d-dinja u r-realtajiet tagħha li jgħaddu, biex jirtira fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, imwaqqaf biss xi għaxar snin qabel, imma diġà famuż għall-awsterità tiegħu. Għall-edifikazzjoni tal-monaċi hu kiteb il-Ħajja tal-fundatur, San Romwaldu ta’ Ravenna, u fl-istess waqt ħabrek biex jinżel aktar fil-fond tal-ispiritwalità tiegħu, u biex jesponi l-ideal tiegħu tal-monakiżmu eremitiku.

 

Hemm dettall li tajjeb nagħfsu fuqu mill-ewwel: l-eremitaġġ ta’ Fonte Avellana kien iddedikat lis-Salib Imqaddes, u s-Salib baqa’ l-misteru Nisrani li iżjed mill-oħrajn kollha saħħar warajh lil Pier Damiani. “Ma jħobbx lil Kristu, min ma jħobbx is-salib ta’ Kristu”, jistqarr (Sermo XVIII, 11, p. 117), u jsejjaħ lilu nnifsu: Petrus crucis Christi servorum famulus  Pietru, qaddej tal-qaddejja tas-salib ta’ Kristu” (Ep, 9, 1). Lis-Salib Pier Damiani indirizzalu talbiet sbieħ ħafna, li fihom juri viżjoni ta’ dan il-misteru li għandha dimensjonijiet kożmiċi, għax tħaddan l-istorja kollha tas-salvazzjoni: “O Salib imqaddes”, jesklama, “lilek iqimu, lilek jipprietkaw u lilek iweġġħu l-fidi tal-Patrijarki, it-tħabbiriet tal-Profeti, il-kulleġġ ġudikanti tal-Appostli, l-eżerċtu rebbieħ tal-martri, u l-ġemgħa tal-qaddisin kollha” (Sermo XLVIII, 14, p. 304). Għeżież ħuti, l-eżempju ta’ San Pier Damiani jġagħal lilna wkoll inħarsu dejjem lejn is-Salib bħala l-ogħla att ta’ mħabba ta’ Alla fil-konfront tal-bniedem, li tana s-salvazzjoni.

 

Għall-iżvolġiment tal-ħajja eremitika, dan il-monaku kbir kiteb Regola li fiha jisħaq b’mod qawwi dwar ir-“rigorożità tal-eremitaġġ”: fil-ħemda tal-kjostru, il-monaku hu msejjaħ jgħaddi ħajja ta’ talb, billejl u binhar, b’ħinijiet twal u awsteri ta’ sawm; għandu jiċċaqlaq f’karità fraterna ġeneruża u f’ubbidjenza lejn il-prijur, dejjem pronta u disponibbli. Fl-istudju u fil-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Iskrittura Mqaddsa, Pier Damiani skopra t-tifsiriet mistiċi tal-Kelma ta’ Alla, u sab fiha l-ikel għall-ħajja spiritwali tiegħu. F’dan is-sens iċ-ċella tal-eremitaġġ hu jsejħilha “parlatorju fejn Alla jitkellem mal-bnedmin”. Il-ħajja ta’ eremita hija għalih l-ogħla punt tal-ħajja Nisranija, hi “fil-quċċata tal-istati ta’ ħajja”, għax il-monaku, issa ħieles mir-rabtiet tad-dinja u tal-jien tiegħu, jirċievi “d-dota tal-Ispirtu s-Santu u r-ruħ tiegħu tingħaqad hienja mal-Għarus tas-Sema” (Ep 18, 17; ara Ep 28, 43 ss.). Dan anki għalina llum hu importanti, imqar jekk m’aħniex monaċi: li nagħrfu noħolqu s-skiet fina biex nisimgħu l-leħen ta’ Alla, infittxu, biex ngħidu hekk, “parlatorju” fejn Alla jitkellem magħna: li nifhmu l-Kelma ta’ Alla fit-talb u fil-meditazzjoni hija t-triq tal-ħajja.

 

San Pier Damiani, li sostanzjalment kien bniedem ta’ talb, ta’ meditazzjoni, ta’ kontemplazzjoni, kien ukoll teologu mill-aqwa: ir-riflessjoni tiegħu fuq diversi temi duttrinali twasslu għal konklużjonijiet importanti għall-ħajja. Hekk, ngħidu aħna, jesponi b’mod ċar u ħaj id-duttrina Trinitarja billi diġà juża, fid-dawl tat-testi bibliċi u Patristiċi, it-tliet termini fundamentali, li mbagħad saru determinanti anki għall-filosofija tal-Punent: processio, relatio u persona (ara Opusc. XXXVIII: PL CXLV, 633-642; u Opusc. II u IIIibid., 41ss u 58ss). Madankollu, billi l-analiżi teoloġika tal-misteru wasslitu jikkontempla l-ħajja intima ta’ Alla u d-djalogu ta’ mħabba bla tarf bejn it-tliet Persuni divini, minnha hu ġibed konklużjonijiet axxetiċi għall-ħajja fil-komunità u għall-istess relazzjonijiet bejn Insara Latini u Griegi, li fuq din it-tema kienu maqsuma bejniethom. Imqar il-meditazzjoni fuq il-figura ta’ Kristu għandha riflessi prattiċi sinifikattivi, ladarba l-Iskrittura kollha ddur fuqu. L-istess “poplu tal-Lhud”, jinnota San Pier Damiani, “fil-paġni tal-Iskrittura Mqaddsa, bħal ġarr lil Kristu fuq spallejh” (Sermo XLVI, 15). Għalhekk hu jżid li Kristu għandu jkun fil-qalba tal-ħajja tal-monaku: “Ħa jinstema’ Kristu fi kliemna, ħa jidher Kristu f’ħajjitna, ħa jingħaraf Kristu f’qalbna” (Sermo VIII, 5). L-għaqda intima ma’ Kristu timpenja mhux biss lill-monaċi, imma lill-imgħammdin kollha. Hawn insibu sejħa qawwija għalina wkoll biex ma nħallux ikaxkruna għalkollox magħhom l-attivitajiet, il-problemi u t-tħassib ta’ kuljum, u ninsew li Ġesù għandu jkun tabilħaqq fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna.

 

Il-komunjoni ma’ Kristu ġġib l-għaqda tal-imħabba bejn l-Insara. Fl-ittra 28, li hija trattat ġenjali ta’ ekkleżjoloġija, Pier Damiani jiżviluppa teoloġija profonda tal-Knisja bħala komunjoni. Jikteb: “Il-Knisja ta’ Kristu hi magħquda mir-rabta tal-imħabba sal-punt li, bħalma hi waħda f’ħafna membri, hekk hi kollha sħiħa mistikament f’kull membru; għalhekk il-Knisja universali kollha ġustament tissejjaħ Għarusa waħdanija ta’ Kristu fis-singular, u kull ruħ magħżula, bil-misteru sagramentali, titqies bħala l-Knisja kollha kemm hi”. Dan hu importanti: mhux biss li l-Knisja universali sħiħa tkun magħquda, imma f’kull wieħed u waħda minna għandu jkun hemm preżenti l-Knisja kollha fit-totalità tagħha. Hekk is-servizz tal-wieħed isir “espressjoni tal-universalità” (Ep 28, 9-23). Madankollu, ix-xbieha ideali tal-“Knisja mqaddsa” li jurina Pier Damiani ma tikkorrispondix – dan kien jafu tajjeb – mar-realtà ta’ żmienu. Għalhekk ma beżax jikkundanna l-istat ta’ korruzzjoni li kien jeżisti fil-monasteri u bejn il-kleru, fuq kollox minħabba l-prassi tal-għoti, min-naħa tal-Awtoritajiet lajċi, tal-investitura tal-uffiċċji ekkleżjastiċi: diversi isqfijiet u abbatijiet kienu jġibu ruħhom qishom governanti tas-sudditi tagħhom iktar milli ta’ ragħajja tal-erwieħ. Mhux darba u tnejn il-ħajja morali kienet fqira ħafna. Għalhekk, b’uġigħ u għafsa ta’ qalb kbira, fl-1057 Pier Damiani ħalla l-monasteru u aċċetta, imqar jekk b’diffikultà, in-nomina ta’ Kardinal Isqof ta’ Ostia, u hekk daħal b’mod sħiħ f’kollaborazzjoni mal-Papiet fil-biċċa xogħol xejn faċli tar-riforma tal-Knisja. Ra li ma kienx biżżejjed jikkontempla u kellu jiċċaħħad mill-ġmiel tal-kontemplazzjoni biex iwassal l-għajnuna tiegħu fl-opra ta’ tiġdid tal-Knisja. U hekk iċċaħħad mill-ġmiel tal-eremitaġġ u bil-kuraġġ kollu beda għadd ta’ vjaġġi u missjonijiet.

 

Minħabba mħabbtu lejn il-ħajja monastika, għaxar snin wara, fl-1067, kiseb il-permess li jerġa’ lura f’Fonte Avellana, u ħalla t-tmexxija tad-Djoċesi ta’ Ostia. Imma l-kwiet li tant ixxennaq għalih ftit dam: sentejn biss wara ntbagħat Frankfurt fit-tentattiv biev jevita d-divorzju ta’ Neriku IV minn martu Berta; u mill-ġdid sentejn wara, fl-1071, mar Montecassino għall-konsagrazzjoni tal-knisja abbazjali, u lejn il-bidu tal-1072 mar Ravenna biex jerġa’ jġib il-paċi mal-Arċisqof lokali, li kien appoġġja lill-antipapa u pprovoka l-interdett fuq il-belt. Matul il-vjaġġ lura lejn l-eremitaġġ tiegħu, marda ħabta u sabta waqqfitu f’Faenza fil-monasteru Benedittin ta’ Santa Maria Vecchia Fuori Porta, u hemm miet fil-lejl bejn it-22 u t-23 ta’ Frar 1072.

 

Għeżież ħuti, hija grazzja kbira li fil-ħajja tal-Knisja l-Mulej qajjem personalità hekk qawwija, għanja u kumplessa bħal dik ta’ San Pier Damiani, u mhix ħaġa komuni ssib opri ta’ teoloġija u ta’ spiritwalità hekk mirquma u ħajjin bħal dawk tal-eremita ta’ Fonte Avellana. Kien monaku fil-veru sens tal-kelma, b’għamliet ta’ awsterità, li llum jistgħu jidhru saħansitra eċċessivi għalina. B’dan il-mod, imma, hu għamel mill-ħajja monastika xhieda elokwenti tal-primat ta’ Alla u sejħa għalina lkoll biex nimxu lejn il-qdusija, ħielsa minn kull kompromess mal-ħażen. Hu ta ħajtu, b’koerenza ċara u severità kbira, għar-riforma tal-Knisja ta’ żmienu. Ta l-enerġiji spiritwali u fiżiċi kollha tiegħu għal Kristu u għall-Knisja, imma baqa’ dejjem, kif kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu, Petrus ultimus monachorum servus, Pietru, l-iżgħar qaddej tal-monaċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard