Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Jannar 2008

 

Santu Wistin

I: Ħajtu

 

Għeżież ħuti,

 

Wara l-festi tal-Milied, nixtieq nerġa’ lura għall-meditazzjonijiet tiegħi fuq il-Missirijiet tal-Knisja u llum nitkellem fuq l-ikbar Missier tal-Knisja Latina, Santu Wistin: bniedem ta’ passjoni u ta’ fidi, ta’ intelliġenza l-aktar għolja u ta’ għożża pastorali bla heda, dan il-Qaddis u Duttur kbir tal-Knisja spiss hu magħruf, almenu b’ismu, anki minn min jinjora l-Kristjaneżmu jew mhux familjari miegħu, għax hu ħalla marka mill-aktar qawwija fuq il-ħajja kulturali tal-Punent u tad-dinja kollha. Minħabba r-relevanza unika tiegħu, Santu Wistin ħalla influwenza l-aktar wiesgħa, u nistgħu ngħidu, minn banda, li t-toroq kollha tal-letteratura Nisranija Latina jeħduk Ippona (illum Annaba, fuq il-kosta tal-Alġerija) – il-belt fl-Afrika Rumana, li tagħha hu kien Isqof mis-sena 395 sa mewtu fl-430 – u, mill-banda l-oħra, li minn dan il-post joħorġu ħafna iżjed toroq tal-Kristjaneżmu li ġie wara u tal-istess kultura tal-Punent.

 

Rarament kien hemm ċiviltà li kellha fi ħdanha bniedem ta’ spirtu hekk għoli, li għaraf jilqa’ l-valuri u jgħolli ’l fuq l-għana intrinsiku tagħha, billi ħareġ b’ideat u forom li minnhom gawdew dawk li ġew wara, kif saħaq ukoll Pawlu VI: “Nistgħu ngħidu li l-ħsieb kollu tal-qedem jiltaqa’ fl-opra tiegħu u minnha joħorġu kurrenti ta’ ħsieb li jmissu t-tradizzjoni duttrinali kollha tas-sekli ta’ wara” (AAS, 62, 1970, p. 426). Barra minn hekk Wistin hu l-Missier tal-Knisja li ħalla l-ikbar numru ta’ opri. Il-bijografu tiegħu Possidju jgħid: kienet tidher ħaġa impossibbli li bniedem seta’ jikteb tant ħwejjeġ fil-ħajja tiegħu. Dwar dawn id-diversi opri nitkellmu f’laqgħa oħra. Illum l-attenzjoni tagħna se nżommuha fuq ħajtu, li nistgħu nifhmuha tajjeb mill-kitbiet, u b’mod partikulari mill-Istqarrijiet, l-awtobijografija spiritwali straordinarja tiegħu, miktuba b’ġieħ lil Alla, li hi l-aktar opra famuża tiegħu. U ġustament, proprju għaliex huma l-Istqarrijiet ta’ Wistin, bl-attenzjoni tagħhom għall-interjorità u għall-psikoloġija, li jibnu mudell uniku fil-letteratura tal-Punent (u mhux biss tal-Punent) anki mhux reliġjuża, saż-żmien modern. Din l-attenzjoni għall-ħajja spiritwali, għall-misteru tal-jien, għall-misteru ta’ Alla li jinħeba fil-jien, hi ħaġa tal-għaġeb, bla preċedenti, u tibqa’ għal dejjem, biex ngħidu hekk, “quċċata” spiritwali.

 

Imma biex niġu għal ħajtu, Wistin twieled f’Tagaste – fil-provinċja tan-Numidja, fl-Afrika Rumana – fit-13 ta’ Novembru 354, minn Patrizju, pagan li mbagħad sar katekumenu, u Monika, Nisranija mħeġġa. Din il-mara appassjonata, meqjuma bħala qaddisa, ħalliet influwenza kbira fuq binha u rawmitu fil-fidi Nisranija. Wistin kien irċieva wkoll il-melħ, bħala sinjal li kellu jiġi milqugħ bħala katekumenu, u baqa’ dejjem imsaħħar mill-figura ta’ Ġesù Kristu. Anzi, hu jgħid li dejjem ħabb lil Ġesù, imma li beda jitbiegħed dejjem iżjed mill-fidi tal-Knisja, mill-prattika tagħha, kif jiġrilhom ukoll ħafna żgħażagħ illum.

 

Wistin kellu wkoll ħuh, Naviġju, oħtu, li ma nafux isimha u li, wara li romlot, imbagħad saret kap ta’ monasteru femminili. It-tifel, ta’ intelliġenza kbira, irċieva edukazzjoni tajba, imqar jekk mhux dejjem kien student eżemplari. Imma hu studja tajjeb il-grammatika, l-ewwel f’belt twelidu, imbagħad f’Maduara, u mit-370 ir-rettorika f’Kartaġni, kapitali tal-Afrika Rumana: kiseb ħakma perfetta tal-lingwa Latina. Imma ma wasalx biex iħaddem bl-istess ħakma l-Grieg u ma tgħallimx il-Puniku, mitkellem min-nies ta’ żmienu. Proprju f’Kartaġni Wistin qara għall-ewwel darba l-Hortensius, kitba ta’ Ċiċerun, li mbagħad intilfet, ħaġa li nistgħu npoġġuha fil-bidu tal-mixja tiegħu lejn il-konverżjoni. Fil-fatt, it-test ta’ Ċiċerun qajjem fih l-imħabba għall-għerf, kif kiteb, imbagħad bħala Isqof, fl-Istqarrijiet: “Il-ktieb ġieb bidla sħiħa fija”, tant li “f’daqqa waħda stmerrejt kull tama fiergħa u b’ħeġġa ta’ qalb li ma titwemminx bdejt nixtieq ħafna l-għerf li jibqa’ għal dejjem” (III, 4, 7).

 

Imma billi kien konvint li mingħajr Ġesù l-verità ma tistax tgħid li sibtha għalkollox, u għax f’dan il-ktieb appassjonanti dak l-isem ma kontx sa ssibu, dritt wara li qrah beda jaqra l-Iskrittura, il-Bibbja. Imma ħareġ deluż. Mhux biss għax l-istil Latin tat-traduzzjoni tal-Iskrittua Mqaddsa kien fqir, imma anki għax l-istess kontenut deherlu mhux sodisfaċenti. Fir-rakkonti tal-Iskrittura fuq gwerer u ġrajjiet oħra umani ma sabx il-filosofija għolja, il-ġmiel tat-tiftix tal-verità li jagħmel parti minnha. Madankollu ma xtaqtx jgħix mingħajr Alla, u hekk beda jfittex reliġjon li taqbel max-xewqa tiegħu għall-verità u anki max-xewqa tiegħu li joqrob lejn Ġesù. U allura waqa’ fix-xibka tal-Manikej, li kienu jppreżentaw ruħhom bħala Nsara u kienu jwiegħdu reliġjon totalment razzjonali. Kienu jżommu li d-dinja hi maqsuma bejn żewġ prinċipji: it-tajjeb u l-ħażin. U hekk wieħed jifhem il-kumplessità kollha tal-istorja umana. Anki l-morali duwalistika kienet togħġbu lil Santu Wistin, għax kienet titlob ħajja morali għolja ħafna mill-magħżulin: u għal min, bħalu, kien iħaddanha, kienet possibbli ħajja iżjed adegwata għas-sitwazzjoni taż-żmien, speċjalment għal bniedem żagħżugħ. Allura daħal Manikew, għax f’dak il-ħin kien konvint li sab is-sinteżi bejn razzjonalità, it-tiftix tal-verità u l-imħabba ta’ Ġesù Kristu. U kellha wkoll vantaġġ konkret għal ħajtu: fil-fatt it-tisħib tiegħu mal-Manikej fetaħlu prospetti faċli ta’ karriera. Is-sħubija tiegħu f’dik ir-reliġjon li kienet tgħodd magħha tant personalitajiet influwenti ppermettietlu li jibqa’ miexi ’l quddiem fil-karriera tiegħu, waqt li jibqa’ għaddej bir-relazzjoni li kellu ma’ mara. (Minn din il-mara kellu iben, Adeodatu, għażiż ħafna għalih, intelliġenti ħafna, li mbagħad kien preżenti fil-preparazzjoni għall-Magħmudija qrib l-għadira ta’ Como, u ħa sehem f’dawk id-Djalogi li tana Santu Wistin. B’xorti ħażina, imma, iż-żagħżugħ miet ta’ età żgħira). Wistin, ta’ xi għoxrin sena diġà għalliem tal-grammatika f’belt twelidu, malajr reġa’ lura f’Kartaġni, fejn sar għalliem brillanti u ċelebri tar-rettorika. Madankollu, maż-żmien hu beda jitbiegħed mit-twemmin tal-Manikej, li ddeludewh proprju mill-perspettiva intellettwali għax ma kellhomx il-ħila jsolvulu d-dubji tiegħu, u ttrasferixxa ruħu f’Ruma u mbagħad f’Milan, fejn dak iż-żmien kien hemm il-qorti imperjali u fejn kien kiseb post ta’ prestiġju grazzi għall-interess u r-rakkomandazzjonijiet tal-Prefett ta’ Ruma, il-pagan Simmaku, ostili għall-Isqof ta’ Milan Sant’Ambroġ.

 

F’Milan Wistin qabad id-drawwa li jisma’ – għall-bidu bl-għan li jarrikixxi l-bagalja rettorika tiegħu – il-prietki mill-isbaħ tal-Isqof Ambroġ, li kien rappreżentant tal-Imperatur għall-Italja ta’ fuq. Ir-rettoriku Afrikan baqa’ msaħħar mill-kelma tal-prelat kbir ta’ Milan, u mhux biss mir-rettorika tiegħu: fuq kollox kien il-kontenut li messlu dejjem iżjed lil qalbu. Il-problema l-kbira tat-Testment il-Qadim – in-nuqqas ta’ ġmiel rettoriku u ta’ filosofija għolja – issolviet fil-prietki ta’ Sant’Ambroġ grazzi għall-interpretazzjoni tipoloġika tat-Testment il-Qadim: Wistin fehem li t-Testment il-Qadim kollu hu mixja lejn Ġesù Kristu. U hekk sab il-muftieħ biex jifhem il-ġmiel, il-profondità wkoll filosofika tat-Testment il-Qadim, u fehem l-għaqda kollha tal-misteru ta’ Kristu fl-istorja u anki s-sinteżi bejn filosofija, razzjonalità u fidi fil-Logos, fi Kristu l-Verb etern li sar laħam.

 

Fi żmien qasir Wistin intebaħ li l-qari allegoriku tal-Iskrittura u l-filosofija Neoplatonika kkultivati mill-Isqof ta’ Milan setgħu jippermettulu jsolvi d-diffikultajiet intellettwali li, meta kien għadu iżjed żagħżugħ, l-ewwel darba li resaq lejn it-testi bibliċi, kienu dehrulu li ma jissolvewx.

 

Mal-qari tal-kitbiet tal-filosfi Wistin reġa’ qara mill-ġdid l-Iskrittura u fuq kollox l-Ittri ta’ San Pawl. Allura l-konverżjoni għall-Kristjaneżmu, fil-15 ta’ Awwissu 386, seħħet fil-qofol ta’ mixja interjuri twila u mimlija turmenti, li dwarha nitkellmu mill-ġdid f’katekeżi oħra, u l-Afrikan ittrasferixxa ruħu fil-kampanja fit-tramuntana ta’ Milan, lejn l-għadira ta’ Como – ma’ ommu Monika, ibnu Adeodatu u grupp żgħir ta’ ħbieb – biex iħejji ruħu għall-Magħmudija. Hekk, ta’ 32 sena, Wistin ġie mgħammed minn Ambroġ fl-24 ta’ April 387, matul il-Velja tal-Għid, fil-Katidral ta’ Milan.

 

Wara l-Magħmudija, Wistin qatagħha li jmur lura l-Afrika ma’ sħabu, bl-idea li jipprattika ħajja komuni, ta’ bixra monastika, għall-qadi ta’ Alla. Imma f’Ostia, huma u jistennew biex jitilqu, ommu ħabta u sabta mardet u ftit wara mietet, b’għafsa ta’ qalb kbira għal binha. Meta saflaħħar reġa’ lura f’pajjiżu, l-ikkonvertit qagħad Ippona biex hemm appuntu jwaqqaf monasteru. F’din il-belt fuq il-kosta Afrikana, minkejja r-reżistenzi tiegħu, ġie ordnat presbiteru fis-sena 391 u flimkien ma’ xi ħbieb beda l-ħajja monastika li kien ilu mxennaq għaliha, u qasam il-ħin bejn it-talb, l-istudju u l-predikazzjoni. Hu ried ikun biss għas-servizz tal-verità, ma ħassux imsejjaħ għall-ħajja pastorali, imma mbagħad fehem li s-sejħa ta’ Alla kienet dik li jkun Ragħaj fost l-oħrajn, u hekk joffri d-don tal-verità lill-oħrajn. F’Ippona, erba’ snin wara, fis-sena 395, ġie kkonsagrat Isqof. Waqt li kompla jinżel iktar fil-fond tal-istudju tal-Iskrittura u tat-testi tat-tradizzjoni Nisranija, Wistin kien Isqof eżemplari fit-tħabrik pastorali tiegħu bla heda: kien jipprietka kemm-il darba fil-ġimgħa lill-fidili tiegħu, iwieżen lill-foqra u l-iltiema, jieħu ħsieb il-formazzjoni tal-kleru u l-organizzazzjoni ta’ monasteri femminili u maskili. Fil-qosor, dak li qabel kien espert tar-rettorika afferma ruħu bħala wieħed mill-esponenti l-aktar importanti tal-Kristjaneżmu ta’ dak iż-żmien: ħabrieki qatigħ fit-tmexxija tad-Djoċesi tiegħu – b’implikazzjonijiet notevoli anki ċivili – f’aktar minn 35 sena ta’ episkopat, l-Isqof ta’ Ippona fil-fatt kellu influwenza kbira fit-treġija tal-Knisja Kattolika tal-Afrika Rumana u b’mod iżjed ġenerali fil-Kristjaneżmu ta’ żmienu, affronta tendenzi reliġjużi ta’ ereżiji persistenti u li kienu qed iġibu firda, bħalma kienu l-Manikeiżmu, id-Donatiżmu u l-Pelaġjaniżmu, li kienu qed ipoġġu f’periklu l-fidi Nisranija f’Alla wieħed u għani fil-ħniena.

 

U f’idejn Alla ntelaq Wistin ta’ kuljum, sal-aħħar nifs ta’ ħajtu: mixħut bid-deni, waqt li kważi għal tliet xhur Ippona tiegħu kienet assedjata mill-invażuri Vandali, l-Isqof – jirrakkonta ħabibu Possidju fil-Ħajja ta’ Wistin – talabhom jittraskrivu b’karattri kbar is-Salmi penitenzjali “u ġagħalhom iwaħħlu l-folji mal-ħajt, biex mixħut fis-sodda waqt il-mard tiegħu, seta’ jarahom u jaqrahom, u kien jibki bla waqfien bi dmugħ jaħraq” (31,2). Hekk għaddiehom l-aħħar jiem ta’ ħajtu Wistin, li miet fit-28 ta’ Awwissu 430, meta kien għadu ma għalaqx is-76 sena. Lill-opri tiegħu, lill-messaġġ tiegħu u lill-mixja interjuri tiegħu se niddedikaw il-laqgħat li jmiss.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard