Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Ottubru 2010

 

Santa Ġertrude l-Kbira

 

Għeżież ħuti,

 

Santa Ġertrude l-Kbira, li dwarha nixtieq inkellimkom illum, din il-ġimgħa teħodna wkoll fil-Monasteru ta’ Helfta, fejn twieldu xi wħud mill-kapulavuri tal-letteratura reliġjuża femminili Latina-Ġermaniża. Minn din id-dinja ġejja Ġertrude, waħda mill-mistiċi l-iżjed famużi, mara unika tal-Ġermanja li ngħatat l-aġġettiv ta’ “Kbira”, minħabba l-istatura ċentrali u evanġelika tagħha: bil-ħajja u l-ħsieb tagħha influwenzat b’mod uniku l-ispiritwalità Nisranija. Hija mara eċċezzjonali, mogħnija b’talenti naturali partikulari u b’doni straordinarji ta’ grazzja, ta’ umiltà l-aktar profonda u żelu mħeġġeġ għas-salvazzjoni tal-proxxmu, ta’ komunjoni intima ma’ Alla fil-kontemplazzjoni u l-ħeffa tagħha biex taqbeż għal min hu fil-bżonn.

 

F’Helfta kkonfrontat ruħha, biex ngħidu hekk, b’mod sistematiku mal-imgħallma tagħha Matilde ta’ Hackeborn, li dwarha tkellimt fl-Udjenza tal-Erbgħa li għaddiet; kellha ħbiberija ma’ Matilde ta’ Magdeburg, mistika oħra Medjevali; kibret taħt l-għożża materna, ħelwa u esiġenti tal-Badessa Ġertrude. Mingħand dawn it-tliet sorijiet ħutha kisbet teżori ta’ esperjenza u ta’ għerf; elaborathom f’sinteżi tagħha, u għamlet il-mixja reliġjuża tagħha b’kunfidenza tal-għaġeb fil-Mulej. Esprimiet l-għana tal-ispiritwalità mhux biss tad-dinja monastika tagħha, imma anki u fuq kollox ta’ dik biblika, liturġika, Patristika u Benedittina, b’timbru tassew personali u b’qawwa kbira ta’ komunikazzjoni.

 

Twieldet fis-6 ta’ Jannar 1256, Festa tal-Epifanija, imma ma nafu xejn dwar il-ġenituri jew il-post ta’ twelidha. Ġertrude kitbet li l-Mulej innifsu wrieha s-sens ta’ dan l-ewwel qlugħ tagħha mill-għeruq: “Jiena għażiltha bħala għamara tiegħi għax jogħġobni li dak kollu li jista’ jiġi maħbub fiha jkun opra tiegħi […]. Proprju għalhekk jiena begħidtha mill-qraba kollha tagħha biex allura ħadd ma jħobbha għax hu mħallat magħha, u nkun jien ir-raġuni waħdanija tal-imħabba li tirċievi” (Le Rivelazioni, I, 16, Siena 1994, p. 76-77).

 

Fl-età ta’ ħames snin, fl-1261, daħlet fil-monasteru, kif kienet spiss id-drawwa f’dak iż-żmien, għall-formazzjoni u l-istudju tagħha. Hawn qattgħet ħajjitha, li hi stess tagħtina t-tappi l-iżjed sinifikanti tagħha. Fit-tifkiriet tagħha tfakkar li l-Mulej ħarisha b’sabar twil u ħniena bla tarf, u waqt li nsiet is-snin ta’ tfulitha, l-adolexxenza u ż-żgħożija, għaddiet – tikteb – “minn għama hekk kbir tal-ħsieb li kien ikolli l-ħila […] naħseb, nitkellem u nagħmel mingħajr ebda rimors dak kollu li kien jogħġobni u kull fejn stajt, kieku int ma żammejtnix, kemm bl-orrur li ħassejt ġo fija għall-ħażen u l-ġibda naturali għat-tajjeb, u kemm bl-għassa minn barra tal-oħrajn fuqi. Kont inġib ruħi daqs waħda pagana […] u dan minkejja li int ridt li sa minn ċkuniti u jiġifieri sa mill-ħames sena tiegħi, jiena ngħix fis-santwarju Benedittin tar-reliġjon biex inkun edukata fiha qalb l-aktar ħbieb devoti tiegħek” (Ibid., II, 23, p. 140s).

 

Ġertrude kienet studenta straordinarja, tgħallmet kulma kien hemm x’titgħallem mix-xjenzi tat-Trivju u tal-Kwadrivju, il-formazzjoni ta’ dak iż-żmien; kienet imsaħħra mill-għerf u ngħatat għall-istudju profan b’ħeġġa u determinazzjoni, biex kisbet suċċessi skolastiċi iżjed minn kemm kien mistenni minnha. Jekk ma nafu xejn fuq l-oriġni tagħna, hi tgħidilna ħafna fuq il-passjonijiet ta’ żgħożitha: kienet imsaħħra mil-letteratura, il-mużika u l-kant, l-arti tal-minjatura; kellha karattru b’saħħtu, deċiż, immedjat, impulsiv; spiss tgħid li kienet ittraskurata; tagħraf id-difetti tagħha, u umilment titlob maħfra għalihom. B’umiltà titlob parir u lil min jitlob għall-konverżjoni tagħha. Hemm ħjiel tat-temperament u d-difetti tagħha li baqgħu magħha sal-aħħar, tant li xi wħud jibqgħu skantati kif qatt il-Mulej seta’ jiffavoriha daqstant.

 

Minn studenta għaddiet biex ikkonsagrat ruħha kollha kemm hi lil Alla fil-ħajja monastika u għal għoxrin sena ma seħħ xejn ta’ barra minn hawn: l-istudju u t-talb kienu l-ħidma prinċipali tagħha. Għall-ħiliet li kellha eċċellat fost is-sorijiet ħutha; kienet determinata li tikkonsolida l-kultura tagħha f’diversi oqsma. Imma, fl-Avvent tal-1280, bdiet tħossha tistmerr dan kollu, bdiet tħoss li kien kollu frugħa, u fis-27 ta’ Jannar 1281, ftit jiem qabel il-Festa tal-Purifikazzjoni tal-Verġni, lejn is-siegħa tal-Kompieta, filgħaxija, il-Mulej dawwal id-dlamijiet tqal tagħha. Bi ħlewwa kbira huwa kkalma t-tħassib li kien qed jinkwetaha, turment li Ġertrude kienet tarah bħala don ta’ Alla nnifsu “biex iġarraf dak it-torri ta’ frugħa u ta’ kurżità li, imqar jekk kont inġorr l-isem u l-abitu ta’ reliġjuża, jien kont bqajt intella’ fis-suppervja tiegħi, biex tal-inqas hekk stajt insib it-triq biex int turini s-salvazzjoni tiegħek” (Ibid., II, 1, p. 87). Kellha l-viżjoni ta’ daqsxejn ta’ żagħżugħ li mexxieha biex tegħleb ix-xewk imxeblek li kien qed joħnoq lil ruħha, billi qabdilha jdejha. F’dik l-id, Ġertrude għarfet “il-ħjiel prezzjuż ta’ dawk il-pjagi li xejnu l-għemejjel kollha ta’ akkuża mill-għedewwa tagħna” (Ibid., II, 1, p. 89), għarfet lil Dak li fuq is-Salib salvana bid-demm tiegħu, Ġesù.

 

Minn dakinhar il-ħajja tagħha ta’ komunjoni intima mal-Mulej iktar niżlet fil-fond, fuq kollox fiż-żminijiet liturġiċi l-aktar sinifikattivi – l-Avvent u l-Milied, ir-Randan u l-Għid, il-festi tal-Verġni Mbierka – anki meta, marida, ma setgħetx tinżel fil-kor. Dan huwa l-istess humus liturġiku ta’ Matilde, l-għalliema tagħha, li Ġertrude, imma, tiddeskrivih bi xbihat, simboli u termini iżjed sempliċi u lineari, iżjed realistiċi, b’riferimenti iżjed diretti għall-Bibbja, għall-Missirijiet tal-Knisja, għad-dinja Benedittina.

 

Il-bijografa tagħha turina żewġ direzzjonijiet ta’ dik li nistgħu nsejħulha “konverżjoni” partikulari tagħha: fl-istudju, bil-passaġġ radikali mill-istudji umanistiċi profani għal dawk teoloġiċi, u fl-osservanza monastika, bil-passaġġ mill-ħajja li hi ssejħilha ttraskurata għall-ħajja ta’ talb intens, mistiku, b’ħeġġa missjunarja eċċezzjonali. Il-Mulej, li kien għażilha sa minn ġuf ommha u żgħoritha u li kien taha sehem fl-ikla tal-festa tal-ħajja monastika, jerġa’ jsejħilha bil-grazzja tiegħu “mill-ħwejjeġ ta’ barra għall-ħajja interjuri, u mit-tħassib ta’ din l-art għall-imħabba tal-ħwejjeġ spiritwali”. Ġertrude fehmet li kienet tbiegħdet minnu, fir-reġjun tan-nuqqas ta’ xebh, kif tgħid flimkien ma’ Santu Wistin; li kienet iddedikat ruħha b’wisq kilba għall-istudji liberali, għall-għerf tal-bnedmin, u warrbet ix-xjenza spiritwali, u hekk ċaħħdet lilha nfisha mill-gost tal-għerf veru; issa hi tħossha mmexxija lejn il-muntanja tal-kontemplazzjoni, fejn tħalli warajha l-bniedem il-qadim biex tilbes il-ġdid. “Minn grammatika ssir teologa, bil-qari bla heda u attent tal-kotba mqaddsa kollha li seta’ jkollha u jew irnexxielha tikseb, imliet qalbha bl-iktar sentenzi siewja u ħelwa tal-Iskrittura Mqaddsa. Għalhekk dejjem kellha lesta xi kelma mnebbħa jew edifikanti li biha setgħet tissodisfa lil min kien jiġi jikkonsulta magħha, u flimkien ma’ din it-testi tal-Iskrittura l-aktar adatti biex teħodha kontra kull fehma żbaljata u tagħlaq ħalq l-avversarji tagħha” (Ibid., I, 1, p. 25).

 

Ġertrude bidlet dan kollu f’appostolat: iddedikat ruħha għall-kitba u t-tixrid tal-verità tal-fidi b’ċarezza u sempliċità, grazzja u persważjoni, u hekk qdiet bi mħabba u fedeltà lill-Knisja, tant li għenet u għoġbot lit-teologi u lill-persuni twajba. Minn din il-ħidma intensa tagħha ftit waslilna, anki minħabba l-ġrajjiet li wasslu għall-qerda tal-Monasteru ta’ Helfta. Barra Il-Ħabbâr tal-imħabba divina u Ir-Rivelazzjonijiet, fadlilna l-Eżerċizzi Spiritwali, ġojjell rari tal-letteratura mistika spiritwali.

 

Fl-osservanza reliġjuża l-Qaddisa tagħna hija “kolonna soda […], promotriċi qawwija tal-ġustizzja u tal-verità” (Ibid., I, 1, p. 26), tgħid il-bijografja tagħha. Bil-kliem u bl-eżempju tqanqal fl-oħrajn ħeġġa kbira. Mat-talb u l-penitenzi tar-regola monastika żżid oħrajn b’tant devozzjoni u b’tant abbandun fiduċjuż f’idejn Alla, li tqanqal f’min jiltaqa’ magħha l-għarfien li hu jinsab fil-preżenza tal-Mulej. U fil-fatt Alla nnifsu wrieha li sejħilha biex tkun strument tal-grazzja tiegħu. Ġertrude tħossha indenja ta’ dan it-teżor divin immens, tistqarr li ma ħaditx ħsiebu u ma tatux il-valur li jixraqlu. Tesklama: “Jaħasra għalija! Imqar kieku tajtni b’tifkira tiegħek, anki jekk ma jistħoqqlix, ħajta waħda biss ta’ drapp, dik ukoll messni ħadt ħsiebha b’rispett u qima ikbar milli wrejt għal dawn id-doni kollha tiegħek!” (Ibid., II, 5, p. 100). Imma waqt li tagħraf il-faqar tagħha u kemm ma jistħoqqilhiex, toqgħod għar-rieda ta’ Alla, “għax” – tistqarr – “tant approfittajt ftit mill-grazzji tiegħek li ma nistax nasal biex nemmen li dawn ingħatawli għalija waħdi, għax ħadd ma jista’ jrażżan l-għerf etern tiegħek. Agħmel mela, Int li tqassam kull ġid u lili tajtni b’xejn doni li hekk ma kienx jistħoqqli, li, meta taqra din il-kitba, il-qalb ta’ mqar wieħed mill-ħbieb tiegħek titqanqal għall-ħsieb li ż-żelu tal-erwieħ wasslek biex titlaq għal dan iż-żmien kollu ġawhra ta’ valur hekk bla tarf qalb it-tajn mistkerrah tal-qalb tiegħi” (Ibid., II, 5, p. 100s).

 

B’mod partikulari żewġ favuri kienu għeżież għaliha iżjed minn kull ħaġa oħra, kif Ġertrude stess tikteb: “L-istimmati tal-pjagi tas-salvazzjoni tiegħek li int immarkajtni bihom, bħallikieku kienu kullani prezzjużi, fil-qalb, u l-ġerħa profonda ta’ salvazzjoni u mħabba li biha mmarkajtha. Int fawwartni bix-xita ta’ dawn id-doni tiegħek ta’ tant hena li, imqar li kelli ngħixu elf sena mingħajr ebda faraġ minn ġewwa jew minn barra, it-tifkira tagħhom kienet tkun biżżejjed biex tfarraġni, iddawwalni, timlieni bil-gratitudni. Int ridt ukoll iddaħħalni fl-intimità bla tarf tal-ħbiberija tiegħek, u b’diversi modi ftaħtli dak is-sakrarju l-aktar għoli tad-Divinità tiegħek li hi l-Qalb divina tiegħek […]. Ma’ din il-kotra ta’ benefiċċji inti żidt dak li tagħtini b’Avukata lill-Imqaddsa Ommok il-Verġni Marija, u li spiss tirrikkmandani fl-imħabba tagħha l-istess kif l-aktar fidil fost l-għarajjes seta’ jirrakkomanda lil ommu l-għarusa maħbuba tiegħu” (Ibid., II, 23, p. 145).

 

B’ħarsitha lejn il-komunjoni bla tmiem, għalqet il-ħajja tagħha fuq din l-art fis-17 ta’ Novembru 1301 jew 1302, fl-għomor ta’ xi 46 sena. Fis-seba’ Eżerċizzju, dak tat-tħejjija għall-mewt, Santa Ġertrude tikteb: “O Ġesù, int li int tant u tant għażiż għalija, kun dejjem miegħi, biex il-qalb tiegħi tibqa’ miegħek u l-imħabba tiegħek tibqa’ miegħi mingħajr ebda lok ta’ firda, u l-mogħdija tiegħi tkun imbierka minnek, hekk li r-ruħ tiegħi, maħlula mir-rabtiet tal-ġisem, tista’ minnufih issib il-mistrieħ tagħha fik. Amen” (Esercizi, Milano 2006, p. 148).

 

Jidhirli li hu ovvju li dawn mhumiex biss ħwejjeġ tal-passat, storiċi, imma l-ħajja ta’ Santa Ġertrude tibqa’ skola ta’ ħajja Nisranija, tat-triq it-tajba, u turina li l-qalba ta’ ħajja hienja, ta’ ħajja vera, hija l-ħbiberija ma’ Ġesù, il-Mulej. U din il-ħbiberija nitgħallmuha fl-imħabba għall-Iskrittura Mqaddsa, fl-imħabba għal-liturġija, fil-fidi profonda, fl-imħabba għal Marija, biex hekk nistgħu nagħrfu dejjjem iżjed b’mod reali lil Alla nnifsu u allura l-veru ferħ, id-destinazzjoni ta’ ħajjitna. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard