Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 5 ta’ Diċembru 2007

 

San Kromazju ta’ Aquileia

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar żewġ katekeżijiet żorna l-Knejjes tal-Lvant ta’ lsien Semitiku, billi mmeditajna fuq Afrat il-Persjan u San Efrem tas-Sirja; illum nerġgħu lura għad-dinja Latina, għat-Tramuntana tal-Imperu Ruman, b’San Kromazju ta’ Aquileia. Dan l-Isqof wettaq il-ministeru tiegħu fil-Knisja antika ta’ Aquileia, ċentru mħeġġeġ ta’ ħajja Nisranija fid-Decima regione tal-Imperu Ruman, il-Venetia et Histria. Fit-388, meta Kromazju tela’ fuq il-katedra ta’ Isqof tal-belt, il-komunità Nisranija lokali diġà kellha storja glorjuża ta’ fedeltà għall-Vanġelu. Bejn in-nofs tat-tielet u l-ewwel snin tar-raba’ seklu l-persekuzzjonijiet ta’ Deċju, ta’ Valerjanu u ta’ Djoklezjanu kienu ħasdu l-ħajja ta’ għadd kbir ta’ martri. Barra minn hekk, il-Knisja ta’ Aquileia kienet ħabbtet wiċċha, bħal ħafna Knejjes oħra ta’ żmienha, mat-theddida tal-ereżija Arjana. L-istess Atanasju – il-kampjun tal-ortodossija ta’ Nicea, li l-Arjani kienu keċċew fl-eżilju –, għal xi żmien sab kenn f’Aquileia. Taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet tagħha, il-komunità Nisranija rreżistiet kontra l-perikli tal-ereżija u ssaħħet fit-twaħħid tagħha mal-fidi Kattolika.

 

F’Settembru 381 Aquileia kienet sede ta’ Sinodu, li ra jinġemgħu madwar 35 Isqof mill-kosta tal-Afrika, mill-wied tar-Rodano u mid-Decima regione kollha. Is-Sinodu ried ifarrak l-aħħar fdalijiet tal-Arjaniżmu fil-Punent. Fil-Konċilju ħa sehem ukoll il-presbiteru Kromazju, bħala espert tal-Isqof ta’ Aquileia, Valerjanu (370-c. 388). Is-snin qrib is-Sinodu tat-381 jirrappreżentaw “iż-żmien tad-deheb” tal-komunità ta’ Aquileia. San Ġirolmu, li kien mid-Dalmazja, u Rufinu ta’ Konkordja, jitkellmu b’nostalġija dwar il-waqfa tagħhom f’Aquileia (370-373), f’dak l-ispeċi ta’ ċenaklu teoloġiku, li Ġirolmu ma joqgħodx lura milli jsejjaħlu quasi chorus beatorum, “bħal kor tal-beati” (Kronaka 11). F’dan iċ-ċenaklu – li f’xi aspetti tiegħu jfakkar l-esperjenzi komunitarji ta’ Ewsebju ta’ Vercelli u ta’ Wistin – issawru l-aktar personalitajiet magħrufa tal-Knejjes tal-Adrijatiku ta’ Fuq.

 

Imma diġà fil-familja tiegħu Kromazju kien tgħallem jagħraf u jħobb lil Kristu. Ikellimna dwar dan, bi kliem mimli ammirazzjoni, l-istess Ġirolmu, li jqabbel l-omm ta’ Kromazju mal-profetessa Anna, liż-żewġ nisa ħutu mal-verġni għaqlin tal-parabbola tal-Vanġelu, u lill-istess Kromazju u ħuh Ewsebju maż-żagħżugħ Samwel (ara Ep. VII, 4). Fuq Kromazju u Ewsebju Ġirolmu jerġa’ jikteb: “Il-beatu Kromazju u l-imqaddes Ewsebju kienu aħwa bir-rabta tad-demm, imma mhux b’inqas minħabba l-identità tal-ideali” (Ep. VIII).

 

Kromazju twieled f’Aquileia lejn it-345. Ġie ordnat djaknu u mbagħad presbiteru; fl-aħħar ġie maħtur Ragħaj ta’ dik il-Knisja (388). Wara li rċieva l-konsagrazzjoni episkopali mill-Isqof Ambroġ, intefa’ b’ruħu u ġismu, bil-kuraġġ u l-enerġija kollha, għal ħidma enormi minħabba l-firxa wiesgħa tat-territorju fdat fil-kura pastorali tiegħu: fil-fatt, il-ġurisdizzjoni ekkleżjastika ta’ Aquileia kienet tinfirex mit-territorju tal-Iżvizzera, tal-Bavarja, tal-Awstrija u tas-Slovenja tal-lum sal-Ungerija. Kemm Kromazju kien magħruf u stmat fil-Knisja ta’ żmienu nistgħu nifhmuh minn episodju tal-ħajja ta’ San Ġwann Kriżostmu. Meta l-Isqof ta’ Kostantinopli ġie eżiljat mis-sede tiegħu, kiteb tliet ittri lil dawk li kien iqishom l-iżjed Isqfijiet importanti tal-Punent, biex jikseb l-appoġġ tagħhom quddiem l-imperaturi: ittra kitibha lill-Isqof ta’ Ruma, it-tieni waħda lill-Isqof ta’ Milan, u t-tielet lill-Isqof ta’ Aquileia, appuntu Kromazju (Ep. CLV). Imma dan tal-aħħar kien jinsab hu wkoll f’saram kbir minħabba l-qagħda politika xejn sabiħa: aktarx fl-istess sena 407, li fiha l-Kriżostmu miet fit-tbatija tal-eżilju tiegħu, anki Kromazju miet fl-eżilju, fi Grado, huwa u jfittex kif jiskampa l-ħbit tal-Barbari.

 

Bħala prestiġju u importanza, Aquileia kienet ir-raba’ belt tal-peniżula Taljana, u d-disa’ waħda tal-Imperu Ruman: għal din ir-raġuni wkoll hi kienet fil-mira tal-Goti u tal-Unni. Barra li kkawżaw telfiet u qerdiet kbar, l-invażjonijiet ta’ dawn il-popli kkompromettew bil-kbir it-trasmissjoni tal-opri tal-Padri miġbura fil-bibljoteka episkopali, miżgħuda b’bosta kodiċijiet. Tferrxu wkoll il-kitbiet ta’ San Kromazju, li spiċċaw ’l hemm u ’l hawn, u spiss kienu jiġu attribwiti lil awturi oħra: lil Ġwann Kriżostmu (anki minħabba l-ewwel tliet ittri bħal xulxin taż-żewġ ismijiet, Chromatius Chrysostomus); jew ukoll lil Ambroġ u lil Wistin, kif ukoll lil Ġirolmu, li Kromazju kien għenu ħafna fir-reviżjoni tat-test u fit-traduzzjoni Latina tal-Bibbja. L-iskoperta mill-ġdid ta’ parti kbira mill-opra ta’ Kromazju nafuha lil ġrajjiet hienja u ftit xorti tajba, li għamluha possibbli li fl-aħħar snin jerġa’ jinbena corpus ta’ kitbiet pjuttost konsistenti: iktar minn erbgħin prietka, li minnhom xi għaxra huma f’biċċiet, u fuq sittin trattat ta’ kummentarju għall-Vanġelu ta’ Mattew.

 

Kromazju kien mgħallem għaref u Ragħaj żelanti. L-ewwel impenn prinċipali tiegħu kien dak li jagħti widen għall-Kelma, biex imbagħad ikun jista’ jxandarha: fit-tagħlim tiegħu huwa jitlaq dejjem mill-Kelma ta’ Alla u dejjem lejha jerġa’ lura. Xi temi huma partikularment għeżież għalih: qabelxejn il-Misteru Trinitarju, li hu jikkontempla fir-rivelazzjoni tiegħu matul l-istorja kollha tas-salvazzjoni. Imbagħad it-tema tal-Ispirtu s-Santu: Kromazju jfakkar il-ħin kollu lill-fidili fil-preżenza u l-azzjoni tat-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa fil-ħajja tal-Knisja. Imma b’insistenza partikulari l-Isqof qaddis jirritorna għall-misteru ta’ Kristu. Il-Verb inkarnat huwa veru Alla u veru bniedem: ħa fuqu l-umanità kollha, biex jagħtina b’don id-divinità tiegħu. Dawn il-veritajiet, misħuqa b’insistenza anki biex jeħodha kontra l-Arjaniżmu, xi ħamsin sena wara kellhom iwasslu għad-definizzjoni tal-Konċilju ta’ Kalċidonja. L-insistenza qawwija fuq in-natura umana ta’ Kristu wasslet lil Kromazju biex jitkellem dwar il-Verġni Marija. Id-duttrina Marjoloġika tiegħu hi ċara u preċiża. Lilu nafuhom ċerti deskrizzjonijiet suġġestivi tal-Verġni Mqaddsa: Marija hija l-“verġni tal-Vanġelu li taf tilqa’ lil Alla”; hija n-“nagħġa safja u bla tebgħa”, li nisslet il-“ħaruf imlibbes il-porpra” (ara Sermone XXIII, 3). L-Isqof ta’ Aquileia spiss iqiegħed lill-Verġni f’relazzjoni mal-Knisja: fil-fatt, it-tnejn huma “verġni” u “ommijiet”. L-ekkleżjoloġija ta’ Kromazju fuq kollox hija żviluppata fil-kummentarju li jagħti ta’ Mattew. Dawn huma xi kunċetti rikorrenti: il-Knisja hija waħda, twieldet mid-demm ta’ Kristu; hija libsa prezzjuża minsuġa mill-Ispirtu s-Santu; il-Knisja tinsab hemm fejn hu mxandar li Kristu twieled mill-Verġni, fejn iwarrdu l-fraternità u l-ftehim. Xbieha li Kromazju kellu partikularment għal qalbu hi dik tal-ġifen fuq il-baħar f’nofs tempesta – u tiegħu kienu żminijiet ta’ tempesta, kif smajna –: “M’hemmx dubju”, jistqarr l-Isqof qaddis, “li dan il-ġifen huwa l-Knisja” (ara Trattat XLII, 5).

 

Ta’ Ragħaj żelanti li kien, Kromazju għaraf ikellem lin-nies tiegħu b’lingwaġġ frisk, imlewwen u inċiżiv. Bla ma warrab il-cursus perfett Latin, ipprefera jirrikorri għal-lingwaġġ popolari, għani bi xbihat li faċilment setgħu jinftiehmu. Hekk, ngħidu aħna, jieħu spunt mill-baħar biex iqiegħed f’konfront, minn naħa, is-sajda naturali ta’ ħut li, xħin jittellgħu l-art, imutu u, mill-oħra, il-predikazzjoni tal-Vanġelu, li grazzi għaliha l-bnedmin jiġu salvati mill-ilmijiet mudlama tal-mewt, u hekk jidħlu fil-ħajja vera (ara Trattat XVI, 3). Dejjem fl-ottika ta’ Ragħaj tajjeb, fi żmien ta’ burraxki bħalma kien dak tiegħu, mifni bil-ħbit tal-Barbari, hu għaraf ikun qrib tal-fidili biex ifarraġhom u biex jiftħilhom qalbhom għall-fiduċja f’Alla, li qatt ma jitlaq lil uliedu waħidhom.

 

Fl-aħħar nett, biex nagħlqu dawn ir-riflessjonijiet, ejjew niġbru eżortazzjoni ta’ Kromazju, li għadha perfettament valida sal-lum: “Nitolbu lill-Mulej b’qalbna kollha u bil-fidi kollha”, jirrakkomanda l-Isqof ta’ Aquileia fi prietka tiegħu, “nitolbuh jeħlisna minn kull ħbit tal-għedewwa, minn kull biża’ ta’ dawk li huma kontrina. Ħalli ma jħarisx lejn il-merti tagħna, imma lejn il-ħniena tiegħu, hu li anki fl-imgħoddi ndenja jeħles lil ulied Iżrael mhux għall-merti tagħhom, imma għall-ħniena tiegħu. Ħalli jħarisna bis-soltu mħabba ħanina tiegħu u jwettaq għalina dak li l-imqaddes Mosè qal lil ulied Iżrael: ‘Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom’ (ara Eż 14:14). Huwa hu li jitqabad, huwa hu li jerġa’ jġib ir-rebħa… U biex jindenja jagħmel dan, jeħtieġ nitolbu kemm nifilħu. Fil-fatt hu stess jgħid b’fomm il-profeta: ‘Imbagħad sejjaħli f’jum id-dwejjaq; jien neħilsek, u int tweġġaħni’ (ara Salm 50:15)” (Sermone XVI, 4).

 

Hekk, proprju fil-bidu taż-żmien tal-Avvent, San Kromazju jfakkarna li l-Avvent hu żmien ta’ talb, li fih jeħtieġ nidħlu f’kuntatt ma’ Alla. Alla jafna, jafni, jaf lil kull wieħed u waħda minna, iridli l-ġid, ma jitlaqnix. Ejjew nimxu ’l quddiem b’din il-fiduċja fiż-żmien liturġiku li għadna kemm ftaħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard