Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Settembru 2007

 

San Girgor ta’ Nissa

II: Tagħlim

 

Għeżież ħuti,

 

Nixtieq nipproponilkom xi aspetti tat-tagħlim ta’ San Girgor ta’ Nissa, li diġà tkellimna dwaru l-Erbgħa li għaddiet. Qabelxejn Girgor ta’ Nissa jurina kunċett għoli ħafna tad-dinjità tal-bniedem. Il-fini tal-bniedem, jgħid l-Isqof qaddis, hu dak li jixbah lil Alla, u dan il-fini huwa jilħqu qabelxejn permezz tal-imħabba, l-għarfien u l-prattika tal-virtujiet, “raġġi mdawla li jinżlu min-natura divina” (Il-Beatitudnijiet 6), f’moviment kontinwu ta’ twaħħid ma’ dak li hu tajjeb, bħal kuritur quddiem dak li jkun. Dwar hekk, Girgor juża xbieha effikaċi, diġà preżenti fl-Ittra ta’ Pawlu lill-Filippin: epekteinómenos (3:13), jiġifieri “nilħaq” dak li hu ikbar, il-verità u l-imħabba. Din l-espressjoni inċiżiva tindika realtà profonda: il-perfezzjoni li nixtiequ nsibu ma tinkisibx darba għal dejjem; perfezzjoni tfisser li nibqgħu mexjin, hija disponibbiltà kontinwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem, għax ix-xebh sħiħ tagħna ma’ Alla qatt ma nilħquh: dejjem aħna mexjin (ara Omelija fuq il-Kantiku 12). L-istorja ta’ kull ruħ hi dik ta’ mħabba kull darba mfawra, u fl-istess waqt miftuħa fuq ixfqa ġodda, għax Alla jwessa’ dejjem iżjed il-possibbiltajiet tar-ruħ, biex jagħtiha iktar ħila li tagħmel ġid ikbar. Alla nnifsu, li qiegħed fina n-nibtiet tat-tajjeb, u minnu titlaq kull inizjattiva ta’ qdusija, “jagħġen il-materja… Jillima u jnaddaf l-ispirtu tagħna, isawwar fina lil Kristu” (Fuq is-Salmi 2,11).

 

Għal Girgor importanti li jippreċiża: “Fil-fatt mhix xi opra tagħna, u lanqas hi l-kisba ta’ xi setgħa umana li nsiru nixbhu lid-Divinità, imma huwa l-frott tat-tjieba kbira ta’ Alla, li sa mill-ewwel oriġni tagħna huwa tahielna b’don fix-xebh tan-natura tagħna miegħu” (Il-verġinità 12,2). Mela għar-ruħ l-iktar importanti “mhux li tkun taf xi ħaġa dwar Alla, imma li jkollha fiha lil Alla” (Il-Beatitudnijiet 6). Mill-bqija, kif jinnota tant tajjeb Girgor, “id-divinità hija safa, hija l-ħelsien mill-passjonijiet u t-tneħħija ta’ kull ħażen: jekk dawn il-ħwejjeġ kollha jinsabu fik, Alla hu tassew fik” (ibid.).

 

Meta jkollna lil Alla fina, meta l-bniedem iħobb lil Alla, b’dik ir-reċiproċità li ġejja mil-liġi tal-imħabba, hu jrid dak li Alla nnifsu jrid (ara Omelija fuq il-Kantiku 9), u għalhekk jikkopera ma’ Alla biex isawwar fih ix-xbieha divina, biex hekk “it-twelid spiritwali tagħna jkun ir-riżultat ta’ għażla ħielsa, u aħna b’xi mod aħna ġenituri tagħna nfusna, u noħolqu lilna nfusna kif nixtiequ nkunu, u bir-rieda tagħna nsawru lilna nfusna skont il-mudell li nagħżlu” (Ħajja ta’ Mosè 2,3). Biex jogħla sa għand Alla, il-bniedem irid jissaffa: “It-triq, li treġġa’ lura n-natura umana għas-sema, mhi xejn għajr li nitbiegħdu mill-ħażen ta’ din id-dinja… Issir tixbah lil Alla jfisser issir ġust, qaddis u tajjeb… Mela jekk, skont l-Ekkleżjastiku (5:1), ‘Alla fis-sema qiegħed’, u jekk, skont il-profeta (Salm 72:28), ‘l-hena tiegħi li nkun qrib Alla’, bilfors hemm bżonn li tkunu hemm fejn Alla qiegħed, ladarba intom magħqudin miegħu. Għax hu stess li ordnalkom li, meta titolbu, issejħu lil Alla Missier, jgħidilkom bla dubju biex issiru tixbhu lil Missierkom tas-sema, b’ħajja li tixraq lil Alla, bħalma l-Mulej jordnalna b’mod iżjed ċar band’oħra, meta jgħid: ‘Kunu perfetti bħalma perfett hu Missierkom tas-Sema!’ (Mt 5:48)” (It-talba tal-Mulej 2).

 

F’din il-mixja tat-telgħa spiritwali, Kristu huwa l-mudell u l-imgħallem, li jurina x-xbieha sabiħa ta’ Alla (ara Il-perfezzjoni Nisranija). Kull wieħed u waħda minna, meta nħarsu lejh, insibu ruħna “l-pitturi ta’ ħajjitna”, bir-rieda bħala l-eżekutriċi tax-xogħol u l-virtujiet bħala l-ilwien li bihom ninqdew (ibid.). Mela, jekk il-bniedem huwa denn tal-isem ta’ Kristu, kif għandu jġib ruħu? Girgor iwieġeb hekk: “[Għandu] jgħarbel dejjem ġewwa fih il-ħsibijiet tiegħu, kliemu u għemilu, biex jara jekk dawn jeħduhx għand Kristu jew jekk ibegħduhx minnu” (ibid.). U dan il-punt hu importanti għall-valur li jagħti lill-kelma “Kristjan”. “Kristjan” hu dak li jġorr l-isem ta’ Kristu u allura għandu jitwaħħad miegħu anki fil-ħajja. Aħna l-Insara bil-Magħmudija nieħdu fuqna responsabbiltà kbira.

 

Imma Kristu – ifakkarna Girgor – hu preżenti wkoll fil-foqra, u għalhekk qatt ma għandhom jiġu offiżi: “La żżeblaħx lil dawk, li huma mitluqa fl-art, bħallikieku minħabba f’hekk ma kienu jiswew xejn. Qis min huma, u tiskopri liema hi d-dinjità tagħhom: huma jirrappreżentaw għalina l-Persuna tal-Feddej tagħna. U huwa hekk, għax il-Mulej, fit-tjieba tiegħu, tahom l-istess Persuna tiegħu, biex, permezz tagħha, iqanqlu għall-ħniena lil dawk li huma qalbhom iebsa u għedewwa tal-foqra” (L-imħabba għall-foqra). Girgor, kif għidna, jitkellem dwar tlugħ: tlugħ lejn Alla fit-talb permezz tas-safa tal-qalb; imma tlugħ lejn Alla wkoll permezz tal-imħabba għall-proxxmu. L-imħabba hija s-sellum li jwassalna għand Alla. B’konsegwenza ta’ dan, in-Nissenu jirrakkomanda bil-qawwa lil min qed jisimgħu: “Kunu ġenerużi ma’ dawn l-aħwa, vittmi ta’ xorti ħażina. Lill-imġewwaħ agħtih dak li ċċaħħad minnu lill-istonku tiegħek” (ibid.).

 

B’ħafna ċarezza Girgor ifakkarna li lkoll niddependu minn Alla, u allura jesklama: “Taħsbux li kollox huwa tagħkom! Għandu jkun hemm ukoll parti għall-foqra, il-ħbieb ta’ Alla. Fil-fatt, il-verità hi li kollox ġej minn Alla, Missier universali, u li aħna aħwa, u ġejjin mill-istess razza” (ibid.). U allura n-Nisrani għandu jgħarbel lilu nnifsu, jisħaq mill-ġdid Girgor: “X’jiswielek li ssum u ma tikolx laħam, jekk imbagħad bil-ħażen tiegħek ma tagħmilx ħlief tigdem lil ħuk? X’ħa takkwista, quddiem Alla, mill-fatt li ma tikolx minn tiegħek, jekk imbagħad, ta’ inġust, taħtaf minn idejn il-fqir dak li hu tiegħu?” (ibid.).

 

Nagħlqu dawn il-katekeżijiet tagħna fuq tliet Missirjiet kbar tal-Kappadoċja billi nerġgħu nfakkru f’dak l-aspett importanti tad-duttrina spiritwali ta’ Girgor ta’ Nissa, li hu t-talb. Biex jimxi ’l quddiem fil-mixja lejn il-perfezzjoni u jilqa’ fih lil Alla, iġorr fih l-Ispirtu ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla, il-bniedem għandu jdur bil-fiduċja lejh fit-talb: “Bit-talb jirnexxilna noqogħdu ma’ Alla. Imma min hu ma’ Alla hu mbiegħed mill-għadu. It-talb iwieżen u jħares il-kastità, irażżan il-korla, isikket u jaħkem is-suppervja. It-talb hu mħares mill-verġinità, protezzjoni tal-fedeltà taż-żwieġ, tama għal dawk li jishru, kotra ta’ frott għall-bdiewa, ċertezza għall-baħħara” (It-talba tal-Mulej 1). In-Nisrani jitlob billi jitnebbaħ dejjem mit-talba tal-Mulej: “Mela jekk irridu nitolbu li tiġi fostna s-Saltna ta’ Alla, dan nitolbuh bis-setgħa tal-Kelma: ħa nitbiegħed mit-taħsir, ħa ninħeles mill-mewt, ħa ninħall mill-ktajjen tal-iżball; ħalli ma ssaltan qatt fuqi l-mewt, ma jkollha qatt setgħa fuqna t-tirannija tal-ħażen, ma jaħkimx fuqi l-avversarju u lanqas ijassarni permezz tad-dnub, imma tiġi fija s-Saltna tiegħek, biex jitbiegħdu minni jew, aħjar minn hekk, jixxejnu l-passjonijiet li issa jaħkmu fuqi u jikkmandawni” (ibid., 3).

 

Fi tmiem il-ħajja tiegħi fuq din l-art, in-Nisrani jista’ hekk idur b’serenità lejn Alla. Meta jitkellem fuq dan, Girgor jaħseb fil-mewt ta’ oħtu Makrina u jikteb li hi fil-mument tal-mewt hekk talbitu lil Alla: “Int li fuq l-art għandek is-setgħa li taħfer id-dnubiet, aħfirli, ‘biex jien nista’ nieħu n-nifs’ (ara Salm 38:14), u biex ninstab bla għajb quddiemek, fil-mument li nitneżża’ minn ġismi (ara Kol 2:11), biex hekk l-ispirtu tiegħi, qaddis u bla tebgħa (ara Efes 5:27), jiġi milqugħ f’dirgħajk, ‘bħal inċens quddiemek’ (Salm 140:2)” (Ħajja ta’ Makrina 24). Dan it-tagħlim ta’ San Girgor jibqa’ validu dejjem: mhux biss jitkellem fuq Alla, imma fih iwassal lil Alla. Dan nagħmluh bl-impenn tat-talb u billi ngħixu fl-ispirtu tal-imħabba lejn ħutna kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard