Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo

L-Erbgħa 1 ta’ Settembru 2010

 

Santa Ildegarda ta’ Bingen (1)

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-1988, fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II kiteb Ittra Appostolika jisimha Mulieris dignitatem, dwar ir-rwol prezzjuż li kellhom u għandhom in-nisa fil-ħajja tal-Knisja. “Il-Knisja”, naqraw, “għandha għax trodd ħajr għall-wirjiet kollha tal-ġenju femminili li dehru tul l-istorja, fost il-popli kollha u n-nazzjonijiet kollha; trodd ħajr għall-kariżmi kollha li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fuq in-nisa fl-istorja tal-poplu ta’ Alla, għar-rebħiet kollha li hi taf lill-fidi, it-tama u l-imħabba tagħhom; trodd ħajr għall-frott kollu ta’ qdusija femminili” (n. 31).

 

Anki f’dawk is-sekli tal-istorja li aħna soltu nsejħulhom Medjuevu, diversi figuri femminili jispikkaw għall-qdusija tal-ħajja u l-għana tat-tagħlim. Illum nixtieq nibda nippreżentalkom waħda minnhom: Santa Ildegarda ta’ Bingen, li għexet il-Ġermanja fis-seklu 12. Twieldet fl-1098 fir-Rhineland, aktarx f’Bermersheim, qrib Alzey, u mietet fl-1179, fl-għomor ta’ 81 sena, minkejja s-saħħa dgħajfa li kienet saret kundizzjoni permanenti tagħha. Ildegarda kienet ġejja minn familja nobbli u mdaqqsa u, sa minn twelidha, il-ġenituri ddedikawha għas-servizz ta’ Alla. Ta’ tmien snin, offrewha għall-istat reliġjuż (skont ir-Regola ta’ San Benedittu, kap. 59), u, biex tirċievi formazzjoni umana u Nisranija tajba, ġiet fdata fl-għożża tal-armla kkonsagrata Uda ta’ Göllheim u mbagħad ta’ Ġuditta ta’ Spanheim, li kienet irtirat fil-klawsura fil-Monasteru Benedittin ta’ San Disibodenberg. Hemm kien qed jifforma monasteru femminili ċkejken ta’ klawsura, li kien jimxi mar-Regola ta’ San Benedittu. Ildegarda rċeviet il-velu mill-Isqof Ottone ta’ Bamberg u, fl-1136, mal-mewt ta’ ommha Ġuditta, li kienet saret magistra (Prijura) tal-komunità, ħutha s-sorijiet sejħulha biex tieħu postha. Wettqet din il-ħidma billi sarrfet fi frott id-doni tagħha ta’ mara kolta, spiritwalment elevata u kapaċi taffronta b’kompetenza l-aspetti organizzattivi tal-ħajja fil-klawsura. Xi snin wara, anki minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ xebbiet li kienu qed iħabbtu fuq il-bieb tal-monasteru, Ildegarda firdet il-komunità tagħha mill-monasteru dominanti maskili ta’ San Disibodenburg, u marret biha f’Bingen, imsemmija għal San Rupertu, fejn qattgħet il-bqija ta’ ħajjitha. L-istil li bih kienet tħaddem il-ministeru tal-awtorità tagħha hu eżemplari għal kull komunità reliġjuża: dan kien iħeġġeġ b’mod qaddis għall-prattika ta’ dak li hu tajjeb, tant li, kif jirriżulta minn xhieda ta’ dak iż-żmien, l-omm u wliedha kienu f’pika bejniethom min jistma u jaqdi l-aktar lill-oħra.

 

Diġà fis-snin li fihom kienet magistra tal-Monasteru ta’ San Disibodenburg, Ildegarda kienet bdiet tiddetta l-viżjonijiet mistiċi tagħha, li kienet ilha tirċievi għal xi żmien, lid-direttur spiritwali tagħha, il-monaku Volmar, u lis-segretarja tagħha, soru oħra li għaliha kienet affezzjonata ħafna, Richardis ta’ Strade. Kif jiġri dejjem fil-ħajja tal-mistiċi veri, anki Ildegarda riedet toqgħod għall-awtorità ta’ persuni għorrief biex tiddixxerni mnejn kienu ġejjin il-viżjonijiet tagħha, għax beżgħet li setgħu kienu frott ta’ illużjonijiet u li ma kinux ġejjin minn Alla. Għalhekk daret fuq il-persuna li fi żmienha kienet tgawdi l-ogħla stima tal-Knisja: San Bernard ta’ Clairvaux, li dwaru diġà tkellimt f’xi Katekeżijiet. Dan serraħ ras Ildegarda u kompla għamlilha l-qalb. Imma fl-1147 hi rċiviet approvazzjoni oħra importanti ħafna. Il-Papa Ewġenju III, li kien qed jippresiedi sinodu fi Trier, qara test iddettat minn Ildegarda, li ppreżentalu l-Arċisqof Neriku ta’ Mainz. Il-Papa awtorizza lill-mistika biex tikteb il-viżjonijiet tagħha u titkellem fil-pubbliku. Minn dak il-mument il-prestiġju spiritwali ta’ Ildegarda kompla dejjem jikber iżjed, tant li n-nies ta’ żmienha tawha t-titlu ta’ “profetessa Tewtonika”. Dan hu, għeżież ħuti, is-siġill ta’ esperjenza awtentika tal-Ispirtu s-Santu, għajn ta’ kull kariżma: il-persuna li għandha doni sopranaturali qatt ma tiftaħar bihom, qatt ma tiddandan bihom u, fuq kollox, turi ubbidjenza sħiħa lejn l-awtorità tal-Knisja. Fil-fatt, kull don imqassam mill-Ispirtu s-Santu hu ddestinat għall-edifikazzjoni tal-Knisja, u l-Knisja, permezz tar-Ragħajja tagħha, hi li tagħraf l-awtentiċità tiegħu.

 

Se nerġa’ nitkellem l-Erbgħa li ġej fuq din il-mara kbira “profetessa”, li tkellem b’attwalità kbira lilna wkoll illum, bil-ħila kuraġġjuża tagħha li taqra s-sinjali taż-żminijiet, bl-imħabba tagħha għall-ħolqien, il-mediċina tagħha, il-poeżija tagħha, il-mużika tagħha, li llum qed terġa’ tiġi elaborata, l-imħabba tagħha għal Kristu u għall-Knisja tiegħu, li anki f’dak iż-żmien kienet qed tbati, midruba wkoll f’dak iż-żmien mid-dnubiet tal-qassisin u tal-lajċi, u wisq iżjed maħbuba bħala ġisem ta’ Kristu. Hekk Santa Ildegarda tkellem lilna; nitkellmu mill-ġdid dwar dan l-Erbgħa li ġej. Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard