ŻJARA PASTORALI F’LORETO

FIL-50 ANNIVERSARJU

MILL-VJAĠĠ TA’ ĠWANNI XXIII

(4 TA’ OTTUBRU 2012)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA BENEDITTU XVI

 

Pjazza tal-Madonna ta’ Loreto

Il-Ħamis 4 ta’ Ottubru 2012

 

Sinjuri Kardinali,

Ħuti meqjuma fl-episkopat,

Għeżież ħuti!

 

Fl-4 ta’ Ottubru 1962, il-Beatu Ġwanni XXIII ġie f’pellegrinaġġ f’dan is-Santwarju biex jafda f’idejn il-Verġni Marija l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li kellu jiġi inawgurat ġimgħa wara. F’dik l-okkażjoni, hu, li kellu devozzjoni hekk profonda ta’ iben lejn il-Madonna, dar lejha b’dawn il-kelmiet: “Illum, għal darb’oħra, u f’isem l-episkopat kollu, lilek, ja Omm l-iżjed ħelwa, li nsellmulek bħala Auxilium Episcoporum, nitolbok għalija, Isqof ta’ Ruma, u għall-Isqfijiet kollha tal-univers, biex tiksbilna l-grazzja li nidħlu fl-awla Konċiljari tal-Bażilika ta’ San Pietru l-istess kif daħlu fiċ-Ċenaklu l-Appostli u l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù: qalb waħda, taħbita waħda ta’ mħabba għal Kristu u għall-erwieħ, xewqa waħda li ngħixu u noffru ruħna għas-salvazzjoni ta’ kull persuna u tal-popli kollha. Hekk, għall-interċessjoni tiegħek ta’ Omm, fis-snin u fis-sekli li ġejjin, jista’ jingħad li l-grazzja ta’ Alla ħarset, sieħbet u inkurunat il-wieħed u għoxrin Konċilju Ekumeniku, u sawbet fl-ulied kollha tal-Knisja Mqaddsa ħeġġa ġdida, ħerqa għall-ġenerożità, rieda soda” (AAS 54 [1962], 727).

 

Ħamsin sena wara, wara li ġejt imsejjaħ mill-Providenza divina biex nitla’ fuq il-katedra ta’ Pietru wara dak il-Papa li ma jintesa qatt, jiena wkoll ġejt hawn pellegrin biex nafda lil Omm Alla żewġ inizjattivi importanti fil-Knisja: is-Sena tal-fidi, li sa tiftaħ bħal-lum ġimgħa, fil-11 ta’ Ottubru, f’għeluq il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, u l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, imsejħa minni fix-xahar ta’ Ottubru dwar it-tema ta’ “L-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi Nisranija”. Għeżież ħbieb! Lilkom kollha nsellem minn qalbi. Nirringrazzja lill-Arċisqof ta’ Loreto, Mons. Giovanni Tonucci, għall-kelmtejn tiegħu ta’ merħba tassew ħerġin mill-qalb. Insellem lill-Isqfijiet l-oħra preżenti, is-saċerdoti, il-Patrijiet Kapuċċini, li lilhom hi fdata l-kura pastorali tas-santwarju, u r-reliġjużi nisa. Tislima speċjali lis-Sindku, Dott. Paolo Niccoletti, li rroddlu ħajr ukoll għall-kelmtejn tiegħu, lir-Rappreżentant tal-Gvern u lill-Awtoritajiet ċivili u militari preżenti. U r-rikonoxxenza tiegħi tmur lejn dawk kollha li offrew b’ġenerożità l-kollaborazzjoni tagħhom għat-twettiq ta’ dan il-Pellegrinaġġ tiegħi.

 

Kif fakkart fl-Ittra appostolika tal-indizzjoni, permezz tas-Sena tal-fidi “bi ħsiebni nistieden lil sħabi Isqfijiet tad-dinja kollha biex jingħaqdu mas-Suċċessur ta’ Pietru, fiż-żmien ta’ grazzja spiritwali li l-Mulej qed joffrilna, biex infakkru d-don prezzjuż tal-fidi tagħna” (Porta fidei, 8). U proprju hawn f’Loreto għandna l-opportunità li noqogħdu fl-iskola ta’ Marija, ta’ dik li ġiet imsejħa “hienja” għax “emmnet” (Lq 1:45). Dan is-Santwarju, mibni madwar id-dar tagħha fuq din l-art, iħares it-tifkira ta’ dak il-mument li fih l-Anġlu tal-Mulej żar lil Marija bit-tħabbira l-kbira tal-Inkarnazzjoni, u hi lissnitlu t-tweġiba tagħha. Din l-għamara fqajra hi xhieda konkreta u tanġibbli tal-ikbar ġrajja fl-istorja tagħna: l-Inkarnazzjoni; il-Verb sar bniedem, u Marija, il-qaddejja tal-Mulej, hi l-kanal ipprivileġġjat li minnu Alla ġie jgħammar fostna (ara Ġw 1:14). Marija offriet ġisimha stess, kienet kollha kemm hi għad-dispożizzjoni tar-rieda ta’ Alla, u saret il-“post” tal-preżenza tiegħu, il-“post” li fih jgħammar l-Iben ta’ Alla. Hawn nistgħu niftakru fi kliem is-Salm li bih, skont l-Ittra lil-Lhud, Kristu beda ħajtu fuq din l-art billi qal lill-Missier: “Sagrifiċċju  u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija… Jien imbagħad għedt: ‘Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla’” (10:5,7). Marija tlissen kliem jixxiebah quddiem l-Anġlu li juriha l-pjan ta’ Alla għaliha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Ir-rieda ta’ Marija taqbel mar-rieda tal-Iben fil-pjan waħdieni ta’ mħabba tal-Missier u fiha jingħaqdu sema u art, Alla l-Ħallieq u l-ħlejqa tiegħu. Alla jsir bniedem, Marija ssir “dar ħajja” tal-Mulej, tempju fejn jgħammar l-Aktar Għoli. Il-Beatu Ġwanni XXIII ħamsin sena ilu, hawn f’Loreto, stedinna nikkontemplaw dan il-misteru, “nirriflettu fuq dan it-tlaqqigħ tas-sema mal-art, li hu l-għan tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa”, u kompla billi afferma li l-istess Konċilju kellu bħala għan tiegħu li jwessa’ dejjem iżjed ir-raġġ mimli ġid tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa ta’ Kristu fix-xejriet kollha tal-ħajja soċjali (ara AAS 54 [1962], 724). Hi stedina li tidwi llum b’qawwa partikulari. Fil-kriżi ta’ żmienna li qed tolqot mhux biss l-ekonomija, imma bosta oqsma tas-soċjetà, l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla qed tgħidilna kemm hu importanti l-bniedem għal Alla u Alla għall-bniedem. Mingħajr Alla l-bniedem jispiċċa biex iħalli l-egoiżmu tiegħu jegħleb is-solidarjetà u l-imħabba, il-ħwejjeġ materjali jegħlbu l-valuri, dak li għandu jegħleb dak li hu. Hemm bżonn nerġgħu lura għal Alla biex il-bniedem jista’ jerġa’ jsir bniedem. Ma’ Alla mqar fil-mumenti ibsin, ta’ kriżi, ma jonqos qatt dak ix-xefaq tat-tama: l-Inkarnazzjoni tgħidilna li m’aħna qatt waħidna, Alla daħal fl-umanità tagħna u jimxi magħna.

 

Imma l-għamara tal-Iben ta’ Alla fid-“dar ħajja”, fit-tempju, li hi Marija, twassalna għal ħsieb ieħor: fejn jgħammar Alla, jeħtieġ nagħrfu li lkoll ninsabu “f’darna”; fejn jgħammar Kristu, ħutu m’għadhomx iżjed barranin. Marija, li hi omm Kristu, hi wkoll omm tagħna, tiftħilna l-bieb ta’ Darha, tmexxina biex nidħlu fir-rieda ta’ Binha. Hi l-fidi, mela, li tagħtina dar f’din id-dinja, li xxerikna f’familja waħda li tagħmilna lkoll aħwa. Meta nikkontemplaw lil Marija, irridu nistaqsu lilna nfusna jekk irridux aħna wkoll inkunu miftuħa għall-Mulej, jekk irridux noffrulu ħajjitna biex tkun għamara għalih; jew inkella jekk aħniex nibżgħu li l-preżenza tal-Mulej tista’ tkunu limitu għal-libertà tagħna, u jekk irridux inżommu għalina parti minn ħajjitna, hekk li din tkun tagħna biss. Imma hu proprju Alla li jagħmel ħielsa l-libertà tagħna, jeħlisha mill-għeluq fiha nfisha, mill-għatx għall-poter, mill-pussess tal-ġid, mill-ħakma fuq l-oħrajn, u jagħtiha l-ħila li tinfetaħ għad-dimensjoni li twettaqha b’mod sħiħ: dik tad-don tagħha nfisha, tal-imħabba, li ssir qadi u qsim mal-oħrajn.

 

Il-fidi tagħmlilna għamara fejn ngħixu, imma tridna wkoll nimxu fit-triq tal-ħajja. Hawn ukoll, id-Dar Imqaddsa ta’ Loreto għandha għalina tagħlima importanti. Kif nafu, hi ġiet imwaqqfa fuq triq. Din tista’ tidher ħaġa pjuttost stramba: fil-fatt, mill-perspettiva tagħna, id-dar u t-triq jistgħu jidhru jeskludu lil xulxin. Fir-realtà, proprju f’dan l-aspett partikulari hemm imħares messaġġ singulari ta’ din id-Dar. Hi mhijiex dar privata, mhix ta’ xi persuna jew ta’ familja, imma hi għamara miftuħa għal kulħadd, li qiegħda, biex ngħidu hekk, f’nofs it-triq tagħna lkoll. Allura, hawn f’Loreto, insibu dar li tridna nibqgħu fiha, ngħixu fiha, u li fl-istess waqt tridna nimxu, tfakkarna li aħna lkoll pellegrini, li rridu nkunu dejjem f’mixja lejn għamara oħra, lejn id-dar dejjiema tagħna, lejn il-Belt eterna, l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin mifdija (ara Apok 21:3).

 

Fadal punt importanti tar-rakkont tal-Vanġelu tat-Tħabbira li nixtieq infakkar, aspett li qatt ma nistgħu nieqfu nistagħġbu bih: Alla jitlob l-“iva” tal-bniedem, ħalqu ħieles, jitlob mill-ħlejqa tiegħu li twieġbu b’libertà sħiħa. San Bernard ta’ Clairvaux, f’waħda mill-Prietki l-iżjed ċelebri tiegħu, kważi “jirrappreżenta” l-istennija min-naħa ta’ Alla u tal-umanità għall-“iva” ta’ Marija, huwa u jdur lejha b’din it-talba ħerqana: “L-anġlu qed jistenna t-tweġiba tiegħek, għax issa għamillu l-ħin li jerġa’ lura għand min bagħtu… O Sinjura, lissen dik it-tweġiba, li l-art, li l-imsejkna taħt l-art, anzi, li s-smewwiet qed jistennew. Kif is-Sultan u Sinjur ta’ kollox ixxennaq biex jara ġmielek, hekk hu jixxennaq bi ħrara liema bħalha għat-tweġiba tal-iva tiegħek… Qum, ħaffef, iftaħ! Qum bil-fidi, ħaffef bl-offerta tiegħek, iftaħ bl-aċċettazzjoni tiegħek!” (In laudibus Virginis MatrisHom. IV, 8: Opera omnia, Edit. Cisterc. 4, 1966, p. 53s). Alla jitlob l-aċċettazzjoni ħielsa ta’ Marija biex jista’ jsir bniedem. Bla dubju, l-“iva” tal-Verġni hi frott tal-Grazzja divina. Imma l-grazzja ma tneħħix il-libertà, bil-maqlub, toħloqha u tweżinha. Il-fidi ma tneħħi xejn mill-ħlejqa umana, imma tgħinha tasal għall-milja sħiħa u dejjiema tagħha.

 

Għeżież ħuti, f’dan il-pellegrinaġġ fuq il-passi ta’ dak tal-Beatu Ġwanni XXIII – u li qed iseħħ, providenzjalment, fil-jum li fih nagħmlu t-tifkira ta’ San Franġisk ta’ Assisi, veru “Vanġelu ħaj” – nixtieq nafda fi ħdan l-Omm Qaddisa ta’ Alla d-diffikultajiet kollha li qed tgħix id-dinja tagħna hija u tfittex is-serenità u l-paċi, il-problemi ta’ tant familji li qed iħarsu mħassba lejn il-ġejjieni tagħhom, ix-xewqat taż-żgħażagħ li jinfetħu għall-ħajja, it-tbatijiet ta’ min hu mxennaq għal ġesti u għażliet ta’ solidarjetà u ta’ mħabba. Nixtieq nafda lil Omm Alla wkoll dan iż-żmien speċjali ta’ grazzja għall-Knisja, li qed jinfetaħ quddiemna. Int, li int l-Omm tal-“iva”, li smajt lil Ġesù, kellimna dwaru, irrakkontalna l-mixja tiegħek biex nimxu fiha għal għonq it-triq tal-fidi, għinna nxandruh biex kull bniedem jista’ jilqgħu u jsir għamara ta’ Alla. Amen!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard