ŻJARA PASTORALI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

F’LORETO

FL-OKKAŻJONI TAL-AGORÀ TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

LAQGĦA MAL-FIDILI TA’ LORETO

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

Sagrat tas-Santwarju Lawretan

Il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2007

 

Għażiż Ħija, Ragħaj ta’ din il-Knisja li tinsab f’Loreto,

Sur Sindku ta’ din il-Belt singulari Marjana,

Għeżież fidili,

 

Grazzi ta’ din il-laqgħa li qed tagħlaq il-waqfa tiegħi hawn, f’Loreto, fejn iltqajt ma’ tant żgħażagħ u għext flimkien magħhom esperjenzi ta’ spiritwalità qawwija Ewkaristika u Marjana. Imma ma setax jonqos mument, imqar jekk qasir, iddedikat espressament lill-Komunità ta’ Loreto. Il-kelmiet ġentili tar-Ragħaj tagħkom u dawk tal-Ewwel Ċittadin tagħkom kixfu s-sentimenti ta’ stima u ta’ affett li għandkom għall-persuna tal-Papa. Nirringrazzjakom minn qalbi u nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom. Grazzi tal-akkoljenza tagħkom! Loreto – qal is-Sindku tagħkom waqt li fakkar xi kelmiet tal-predeċessur maħbub tiegħi Ġwanni Pawlu II – hi wkoll dar tal-Papa, u rrid ngħid li hawn, f’dawn is-sigħat, ħassejtni tassew f’dari. Grazzi ta’ dak li għamiltu biex mhux biss il-waqfa tiegħi u tal-kollaboraturi tiegħi, imma anki dik taż-żgħażagħ tal-“agorà” tħalli l-frott.

 

Fil-verità intom, in-nies ta’ Loreto, imdorrijin għal laqgħat simili kbar taż-żgħażagħ mal-Papa; f’dan ir-rigward, ftit ilu tfakkret dik taż-żgħażagħ Ewropej ma’ Ġwanni Pawlu II fl-1995, imsejħa “Eurhope”. Jiena ċert li, lil hemm mill-iskumditajiet inevitabbli li bilfors iġibu magħhom, dawn l-avvenimenti reliġjużi, kif ukoll l-influss ta’ kuljum tal-pellegrini ġejjin minn kull parti tal-Italja u minn partijiet oħra tad-dinja, huma għalikom opportunità prezzjuża li għandkom dejjem tivvalorizzaw iżjed. Huma stedina kostanti biex tikbru fil-fidi u fid-devozzjoni lejn il-Madonna. Tinsew qatt il-privileġġ kbir li għandkom li tgħixu għad-dell tad-Dar Imqaddsa! Approfittaw minn hekk biex ikollkom ma’ Marija, l-Omm tagħna tas-Sema, djalogu ta’ wlied minsuġ mill-fiduċja u l-imħabba. Bl-akkoljenza tagħkom imbagħad agħtu ta’ kuljum lill-viżitaturi u lid-devoti xhieda ta’ dik l-imħabba ta’ omm li f’dan il-post Marija trid tqassam lil uliedha kollha. Ħa tkun tassew id-Dar Imqaddsa ċ-ċentru u l-qalb tal-Belt tagħkom!

 

Għeżież ħbieb, issa li ħa niltaqkom, nitlobkom tgħaddu lill-familji tagħkom it-tislima tiegħi u ċ-ċertezza li sa nibqa’ nżomm Loreto preżenti f’talbi. Se niftakar f’kull wieħed u waħda minn dawk li jgħixu fiha, u partikularment f’dawk li qed ibatu u jsibu ruħhom f’diffikultajiet materjali u spiritwali. B’mod speċjali, niftakar fil-pazjenti tal-Isptar, li ma kienx possibbli nżur, u li lilhom nibgħat it-tislima kollha mħabba tiegħi. Fuq kulħadd u fuq kull wieħed u waħda mill-ġdid nitlob il-ħarsien matern ta’ Marija, u waqt li nġedded l-espressjoni tal-gratitudni tiegħi, minn qalbi nberikkom ilkoll.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard