Laikos

 

Ittra tal-Papa Emeritu Benedittu XVI

dwar ir-Rapport fuq l-Abbużi

fl-Arċidjoċesi ta’ Munich-Freising

 

Il-Belt tal-Vatikan, 6 ta’ Frar 2022

 

Għeżież Ħuti,

 

Wara l-preżentazzjoni tar-rapport fuq l-abbużi fl-Arċidjoċesi ta’ Munich-Freising fl-20 ta’ Jannar li għadda, ħassejt il-bżonn li nindirizza kelma personali lilkom kollha. Imqar jekk jien servejt bħala Arċisqof ta’ Munich u Freising għal ftit inqas minn ħames snin, għadni nħossni ħafna parti mill-Arċidjoċesi ta’ Munich u nqisha bħala dari.

 

Qabelxejn irrid ngħid kelma ta’ radd il-ħajr minn qalbi. F’dawn il-jiem immarkati minn eżami tal-kuxjenza u riflessjoni, stajt inħoss ħbiberija u sapport, u sinjali ta’ fiduċja, wisq aktar milli qatt stajt nimmaġina. Irrid nirringrazzja b’mod partikulari lill-grupp ċkejken ta’ ħbieb li b’ġenerożità kbira ġabru f’ismi x-xhieda tiegħi ta’ 82 paġna għall-kumpanija legali ta’ Munich, li ma kontx ħa nkun kapaċi nikteb waħdi. Barra li nwieġbu għall-mistoqsijiet li għamlet il-kumpanija legali, ridna wkoll naqraw u nanalizzaw kważi 8,000 paġna ta’ dokumenti f’format diġitali. Dawn l-assistenti mbagħad għenuni nistudja u nanalizza l-kważi 2,000 paġna ta’ opinjonijiet esperti. Ir-riżultati sa jiġu ppubblikati aktar tard bħala appendiċi għall-ittra tiegħi.

 

Qalb ix-xogħol massiv ta’ dawk il-ġranet – l-iżvilupp tal-pożizzjoni tiegħi – kien hemm ħaġa li nqabżet bi żvista dwar is-sehem tiegħi fil-laqgħa fil-Kurja nhar il-15 ta’ Jannar 1980. Dan l-iżball, li b’xorti ħażina ġie vverifikat, ma sarx intenzjonalment u nittama li jista’ jiġi skużat. Jiena mbagħad irranġajt biex l-Arċisqof Gänswein jgħarraf bih fi stqarrija lill-istampa fl-24 ta’ Jannar li għadda. Dan xejn u bl-ebda mod ma jnaqqas mill-għożża u d-diliġenza li, għal dawk il-ħbieb, kienu u jibqgħu imperattiv ċar u assolut. Għalija kienet weġgħa kbira li din l-iżvista ntużat biex tixħet dubju fuq il-ġenwinità tiegħi, u anki biex niġi ttimbrat bħala giddieb. Fl-istess ħin, tassew messewli qalbi d-diversi espressjonijiet ta’ fiduċja, ix-xhieda ħajja u l-ittri mqanqla ta’ inkuraġġiment li bagħtuli tant persuni. Inħossni partikularment grat lejn il-kunfidenza, is-sapport u t-talb li l-Papa Franġisku esprimieli b’mod personali. Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lill-familja ċkejkna fil-Monasteru Mater Ecclesiæ, li l-komunjoni tal-ħajja tagħhom fi żminijiet ta’ ferħ u ta’ niket tatni s-serenità interjuri li tweżinni.

 

Issa, ma’ dawn il-kelmiet ta’ ħajr, hemm bżonn li jkun hemm ukoll stqarrija. Dejjem inħossni milqut iktar mill-fatt li jum wara l-ieħor il-Knisja tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa – fejn il-Mulej jagħtina kelmtu u lilu nnifsu – bl-istqarrija ta’ dnubietna u talba għall-maħfra tiegħu. Pubblikament nitolbu lil Alla l-ħaj biex jaħfer [id-dnubiet li għamilna bi] ħtijietna, l-akbar ħtija tagħna. Hi ħaġa ċara għalija li l-kelmiet “bl-ikbar ħtija” ma japplikawx ta’ kuljum u għal kull persuna bl-istess mod. Imma ta’ kuljum iġagħluni nistaqsi jekk illum ukoll għandix nitkellem dwar xi ħtija kbira. U juruni wkoll bil-faraġ kollu li, kbira kemm hi kbira l-ħtija tiegħi kuljum, il-Mulej jaħfirli, jekk sinċerament inħalli lili nnifsi niġi eżaminat minnu, u jekk inkun tassew lest li ninbidel.

 

Fil-laqgħat kollha tiegħi, speċjalment tul il-bosta Vjaġġi Appostoliċi tiegħi, ma’ vittmi ta’ abbużi sesswali minn qassisin, stajt nara b’għajnejja l-effetti ta’ ħtija kbira ħafna. U bdejt nifhem li aħna stess nispiċċaw f’din il-ħtija kbira kull darba li nittraskurawha jew ma nikkonfrontawhiex bid-determinazzjoni u r-responsabbiltà meħtieġa, kif ġara u għadu jiġri kemm-il darba. Kif għamilt f’dawk il-laqgħat, għal darb’oħra nista’ biss nesprimi lill-vittmi kollha ta’ abbuż sesswali s-sens kbir ta’ mistħija li nħoss, id-diqa kbira tiegħi u t-talba ħierġa mill-qiegħ ta’ qalbi għall-maħfra. Kelli responsabbiltajiet kbar fil-Knisja Kattolika. Ikbar hu l-uġigħ ta’ qalb tiegħi għall-abbużi u l-iżbalji li seħħu f’dawk il-pajjiżi differenti fiż-żmien tal-mandat tiegħi. Kull każ individwali ta’ abbuż hu xokkanti u irreparabbli. Il-vittmi ta’ abbuż sesswali għandhom l-ikbar simpatija tiegħi u nħoss diqa kbira għal kull każ individwali.

 

Bdejt napprezza iżjed is-swied ta’ qalb u l-biża’ li Kristu ħass fuq l-Għolja taż-Żebbuġ meta ra l-ħwejjeġ koroh kollha li kellu jġarrab f’qalbu. B’xorti ħażina, il-fatt li f’dawk il-mumenti d-dixxipli kienu reqdin jirrappreżenta sitwazzjoni li, illum ukoll, għadha qed tiġri, u għaliha jiena wkoll inħossni msejjaħ inwieġeb. U għalhekk, nista’ biss nitlob lill-Mulej u lill-anġli u l-qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

 

M’għadx indum ma nsib ruħi quddiem l-Imħallef finali ta’ ħajti. Imqar jekk, meta nħares lura lejn il-ħajja twila tiegħi, għandi ħafna għal xiex nibża’ u nitriegħed, madankollu qalbi hi qawwija, għax jiena nafda sħiħ li l-Mulej mhux biss hu l-imħallef ġust, imma wkoll il-ħabib tiegħi u ħija li hu stess diġà bata għan-nuqqasijiet tiegħi, u allura hu wkoll l-avukat tiegħi, il-“Paraklitu” tiegħi. Fid-dawl tas-siegħa tal-ġudizzju, il-grazzja li jiena Nisrani dejjem qed tiċċara iżjed quddiem għajnejja. Tagħtini l-għarfien, u tabilħaqq il-ħbiberija, mal-imħallef ta’ ħajti, u għalhekk tgħinni ngħaddi b’kunfidenza mill-bieb mudlam tal-mewt. Hawnhekk, jiena niftakar il-ħin kollu f’dak li Ġwanni jgħidilna fil-bidu tal-Apokalissi: hu jilmaħ lil Bin il-Bniedem fil-kobor kollu tiegħu u jaqa’ wiċċu fl-art għal mejjet. Imma Hu jpoġġi idu tal-lemin fuqu u jgħidlu: “Tibżax! Jiena Hu…” (ara Apok 1:12-17).

 

Għeżież ħbieb, b’dawn is-sentimenti nberikkom ilkoll.

 

Benedittu XVI

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard