BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 22 ta’ Frar 2006

 

Meditazzjoni fuq it-tema:

“Il-Katedra ta’ Pietru, don ta’ Kristu lill-Knisja tiegħu”

 

Laqgħa mal-istudenti Taljani u l-gruppi ta’ pellegrini fil-Bażilika tal-Vatikan:

 

Għeżież ħbieb,

 

Nixtieq nagħti merħba minn qalbi lilkom ilkoll preżenti fil-Bażilika, li l-abside tagħha llum hi partikularment imżejna u mdawla fl-okkażjoni tal-Festa tal-Katedra tal-Appostlu Pietru. Insellem b’mod partikulari lilkom, għeżież studenti u għalliema tal-Kulleġġ San Francesco di Lodi, li qed tfakkru r-raba’ ċentinarju tal-iskola tagħkom, imwaqqfa mill-Patrijiet Barnabiti; kif ukoll lilkom, għeżież studenti u professuri tal-Istitut Maria Immacolata ta’ Ruma.

 

Il-festa tal-lum, meta tistedinna nħarsu lejn il-Katedra ta’ San Pietru, tqanqalna biex il-ħajja personali u komunitarja tagħna nweżnuha b’dik il-fidi mibnija fuq ix-xhieda ta’ Pietru u tal-Appostli l-oħra. Fuq l-eżempju tagħhom, intom ukoll, għeżież ħbieb, tistgħu tkunu xhieda ta’ Kristu fil-Knisja u fid-dinja.

 

Nagħlqu din il-laqgħa tagħna billi ngħidu flimkien it-talba li għallimna l-Mulej: il-Missierna.

 

***

 

Għeżież ħuti!

 

Il-Liturġija Latina llum tiċċelebra l-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru. Hi tradizzjoni qadima ħafna, iddokumentata f’Ruma sa mis-seklu erbgħa, li biha rroddu ħajr lil Alla għall-missjoni fdata lill-Appostlu Pietru u lis-suċċessuri tiegħu. Il-“katedra”, litteralment, hija s-siġġu fiss tal-Isqof, post fil-knisja omm ta’ Djoċesi, li għalhekk tissejjaħ “Katidral”, u hija s-simbolu tal-awtorità tal-Isqof u, b’mod partikulari, tal-“maġisteru” tiegħu, jiġifieri tat-tagħlim tal-Vanġelu li hu, bħala suċċessur tal-Appostli, hu msejjaħ iħares u jgħaddi lill-Komunità Nisranija. Meta l-Isqof jieħu pussess tal-Knisja partikulari li ġiet fdata lilu, bil-mitra f’rasu u l-baklu f’idejh, hu jmur ipoġġi bilqiegħda fuq il-katedra. Minn dik is-sede huwa jdawwal, bħala għalliem u ragħaj, il-mixja tal-fidili, fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.

 

Mela liema kienet il-“katedra” ta’ San Pietru? Magħżul minn Kristu bħala “blata” li fuqha jibni l-Knisja (ara Mt 16:18), hu beda l-ministeru tiegħu f’Ġerusalemm, wara t-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej u Għid il-Ħamsin. L-ewwel “sede” tal-Knisja kienet iċ-Ċenaklu, u aktarx li f’dik il-kamra, fejn anki Marija, l-Omm ta’ Ġesù, talbet flimkien mad-dixxipli, kien hemm post speċjali miżmum għal Xmun Pietru. Wara dan, is-sede ta’ Pietru kienet f’Antjokja, belt fuq ix-xmara Oronti, fis-Sirja, illum fit-Turkija, li f’dawk iż-żminijiet kienet it-tielet l-akbar metropoli tal-Imperu Ruman wara Ruma u Lixandra tal-Eġittu. Minn dik il-belt, evanġelizzata minn Barnaba u Pawlu, fejn “id-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom ‘Kristjani’” (Atti 11:26), fejn allura twieled l-isem ta’ Nsara għalina, Pietru kien l-ewwel isqof, tant li l-Martiroloġju Ruman, qabel ir-riforma tal-kalendarju, kien jipprevedi wkoll ċelebrazzjoni speċifika tal-Katedra ta’ Pietru f’Antjokja. Minn hemm, il-Providenza ħadet lil Pietru f’Ruma. Għalhekk hawn għandna l-mixja ta’ Ġerusalemm, Knisja li għadha titwieled, lejn Antjokja, l-ewwel ċentru tal-Knisja magħmul mill-pagani imma dejjem f’għaqda mal-Knisja li ħarġet mil-Lhud. Imbagħad Pietru mar Ruma, ċentru tal-Imperu, simbolu tal-“Orbis” – l-“Urbs” li jesprimi l-“Orbis” tad-dinja – fejn għalaq bil-martirju l-ġirja tiegħu ta’ qaddej tal-Vanġelu. Għalhekk is-sede ta’ Ruma, li kienet laqgħet l-akbar ġieħ, ħadet fuqha wkoll il-missjoni fdata minn Kristu lil Pietru li jkun għall-qadi tal-Knejjes partikulari kollha għall-bini u l-għaqda tal-Poplu kollu ta’ Alla.

 

U hekk is-sede ta’ Ruma, wara dawn il-migrazzjonijiet ta’ San Pietru, ġiet magħrufa bħala dik tas-suċċessur ta’ Pietru, u l-“katedra” tal-Isqof tagħha kienet tirrappreżenta dik tal-Appostlu maħtur minn Kristu biex jirgħa l-merħla kollha tiegħu. Dan jagħtuna xhieda tiegħu l-eqdem Missirijiet tal-Knisja, bħal ngħidu aħna Sant’Irinew, Isqof ta’ Lyons, imma li kien ġej mill-Asja Minuri, li, fit-trattat tiegħu Kontra l-ereżija, jiddeskrivi lill-Knisja ta’ Ruma bħala “l-ikbar u l-eqdem, magħrufa minn kulħadd; …imwaqqfa u mibnija f’Ruma minn dawk iż-żewġ Appostli l-aktar glorjużi Pietru u Pawlu”; u jżid: “Ma’ din il-Knisja, minħabba fis-superjorità eminenti tagħha, għandha tixxierek il-Knisja universali, jiġifieri l-fidili kull fejn jinsabu” (III, 3, 2-3). Ftit iżjed tard, Tertulljanu, min-naħa tiegħu, jistqarr: “Kemm għandha biex tifraħ din il-Knisja ta’ Ruma! Kienu l-Appostli nfushom li sawbu fuqha, b’demmhom stess, id-duttrina kollha” (Struzzjoni kontra l-eretiċi, 36). Għalhekk il-katedra tal-Isqof ta’ Ruma tirrappreżenta mhux biss is-servizz tiegħu lill-komunità Rumana, imma l-missjoni tiegħu tat-treġija tal-Poplu kollu ta’ Alla.

 

Għalhekk, li niċċelebraw, kif qed nagħmlu llum, il-“Katedra” ta’ Pietru jfisser li nagħtuha tifsira spiritwali qawwija u nagħrfu fiha s-sinjal ipprivileġġjat tal-imħabba ta’ Alla, Ragħaj tajjeb u etern, li jrid jiġbor lill-Knisja kollha tiegħu u jmexxiha fit-triq tas-salvazzjoni. Fost il-ħafna xhieda tal-Padri, togħġobni dik ta’ San Ġrolmu, meħuda minn ittra miktuba lill-Isqof ta’ Ruma, partikularment interessanti għax tirreferi b’mod espliċitu għall-“katedra” ta’ Pietru, u tippreżentaha bħala port żgur ta’ verità u ta’ sliem. Hekk jikteb Ġrolmu: “Qtajtha li nikkonsulta mal-katedra ta’ Pietru, fejn tinsab dik il-fidi li fomm l-Appostlu weġġaħ; issa hawn niġi biex nitlob li titrejjaq ruħi, hawn fejn darba lqajt fuqi l-libsa ta’ Kristu. Jien ma nagħti widen għall-ebda primat ħlief dak ta’ Kristu; għalhekk nidħol f’komunjoni mal-hena tiegħek, jiġifieri mal-katedra ta’ Pietru. Naf li fuq din il-blata hi mibnija l-Knisja” (L-ittri I, 15, 1-2).

 

Għeżież ħuti, fl-abside tal-Bażilika ta’ San Pietru, kif tafu, hemm il-monument lill-Katedra tal-Appostlu, opra mill-aqwa tal-Bernini, imsawra f’għamla ta’ tron kbir tal-bronż, imwieżen mill-istatwi ta’ erba’ Dutturi tal-Knisja, tnejn tal-Punent, Santu Wistin u Sant’Ambroġ, u tnejn tal-Lvant, San Ġwann Griżostmu u Sant’Atanasju. Nistedinkom tieqfu ftit quddiem din l-opra suġġestiva, li llum nistgħu nammirawha mżejna b’tant xemgħat, u titolbu b’mod partikulari għall-ministeru li l-Mulej Alla għoġbu jafdali. Intom u terfgħu ħarsitkom lejn it-tieqa kbira tal-alabastru mperrċa proprju fuq il-Katedra, itolbu lill-Ispirtu s-Santu, biex iwieżen dejjem bid-dawl u bil-qawwa tiegħu s-servizz tiegħi ta’ kuljum lill-Knisja kollha. Ta’ dan, kif ukoll tal-qima devota tagħkom, nirringrazzjakom minn qalbi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard