Benedittu XVI fil-Bażilika ta’
San Giovanni Lateran waqt l-inawgurazzjoni
ta’ assemblea ekkleżjali fid-djoċesi
ta’ Ruma. 26/05/2009.
Wara l-Konċilju Vatikan II,
il-Knisja ma tistax tikkuntenta
ruħha biss billi l-lajċi jagħtu
l-kollaborazzjoni tagħhom imma
trid tippromwovi l-korresponsabbiltà
effettiva. Hekk fakkar Benedittu
XVI fis-26 ta’ Mejju 2009
fil-ftuħ ta’ laqgħa ekkleżjali
għad-djoċesi ta’ Ruma li saret
f’San Giovanni Lateran |
Għażiż Kardinal,
għeżież Ħuti fl-Episkopat
u fis-Saċerdozju,
għeżież reliġjużi,
u għeżież ħuti!
Kuntent li bħas-soltu, anki din
is-sena, qed nagħmel il-ftuħ ta’
din il-laqgħa djoċesana
pastorali. Insellem lil kull
wieħed u waħda minnkom li
qegħdin hawn u li
tirrappreżentaw il-komunità tad-djoċesi
kollha. Minn qalbi
nirringrazzjakom tal-ħidma
pastorali tagħkom u nixtieq li
permezz tagħkom insellem
lill-parroċċi kollha bil-kliem
ta’ San Pawl appostlu:
“Lill-maħbubin kollha ta’ Alla
li jinsabu f’Ruma, imsejħin biex
ikunu qaddisin: grazzja lilkom u
sliem mingħand Alla l-Missier
tagħna u Sidna Ġesù Kristu” (Rum
1,7). Nirringrazzja wkoll
lill-Kardinal Vigarju tal-kliem
mimli kuraġġ, li fihom wera s-sentimenti
tagħkom, u tal-għajnuna li
joffrili, flimkien mal-Isqfijiet
Awżiljari, fil-qadi appostoliku
li l-Mulej sejjaħli għalih bħala
Isqof ta’ Ruma.
Għadu kemm ġie mfakkar dak li
d-djoċesi għamlet matul dawn l-aħħar
għaxar snin: fl-ewwel tlett snin
ikkonċentrat fuq il-familja;
fit-tlett snin ta’ wara
kkonċentrat fuq l-edukazzjoni
fil-fidi għall-ġenerazzjonijiet
ġodda; id-djoċesi fittxet li
twieġeb għal dik “l-emerġenza
edukattiva” li hi sfida kbira
għalina lkoll. Imbagħad, dejjem
b’riferiment għall-edukazzjoni u
mqanqla mill-Enċiklika Spes
Salvi, id-djoċesi ħadmet fuq
it-tema: nedukaw għat-tama.
Filwaqt li flimkien magħkom
nirringrazzja ‘l-Mulej għall-ġid
kollu li sar, naħseb
fil-kappillani u s-saċerdoti li
jagħmlu ħilithom kollha biex
jiggwidaw il-komunitajiet fdati
f’idejhom. Nixtieq nesprimi l-apprezzament
tiegħi għall-għażla pastorali li
għamiltu biex tiddedikaw ħin ħalli
tagħmlu evalwazzjoni tal-mixja
li ġa saret. B’hekk, l-esperjenza
li għextu titfa’ aktar dawl fuq
ċerti oqsma fundamentali
tal-pastorali ordinarja u tkunu
tistgħu tgħixuhom aħjar u
taqsmuhom ma’ oħrajn. Hemm
bżonn li dan l-impenn, li ġa
ilkom xi xhur issegwuh
fil-parroċċi kollha u f’xi
realtajiet ekkleżjali, ikun
ibbażat fuq l-għarfien imġedded
li aħna Knisja u li f’isem
Kristu aħna lkoll imsejħin
għall-korresponsabbiltà
pastorali.
Huwa propju dwar dan li nixtieq
inkellimkom.
Il-Konċilju Vatikan II ried
jagħti d-duttrina pura u
sħiħa dwar il-Knisja kif
immaturat matul dawn l-elfejn
sena. Ta “definizzjoni tagħha
b’mod tassew meditat” u, qabel
kollox, wera n-natura mistika
tagħha; jiġifieri wera dik
“ir-realtà mimlija preżenza
divina li dejjem kapaċi
tesplora affarijiet ġodda u
aktar profondi” " (Pawlu VI,
Diskors fil-ftuħ tat-tieni
sezzjoni fid-29 ta’ Settembru
1963). Il-Knisja għandha l-bidu
tagħha f’Alla Trinità u hi
misteru ta’ komunjoni.
Il-Knisja komunjoni, mhijiex
biss realtà spiritwali; għax -
biex ngħid hekk – hi tgħix
fl-istorja bir-ruħ u l-ġisem.
Il-Konċilju Vatikan II
jiddeskriviha bħala “sagrament,
jew sinjal u strument tal-għaqda
intima ma’ Alla u tal-unità
tal-ġens kollu tal-bnedmin” (Lumen
gentium, 1. L-essenza
tas-sagrament tinsab fil-fatt li
aħna nistgħu nħossu dak li ma
jidhirx f’dak li jidher, u dak
li jidher u nistgħu nħossuh
jiftħilna l-istess bieb t’Alla.
Għidna li l-Knisja hi komunjoni,
komunjoni ta’ persuni li
bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu
ssiru l-poplu t’Alla, u
fl-istess ħin l-istess Ġisem ta’
Kristu. Ejjew nirriflettu ftit
fuq dawn iż-żewġ kunċetti
importanti. Il-kunċett “Poplu
t’Alla” twieled u żviluppa
fit-Testment il-Qadim: biex
jidħol fir-realtà tal-istorja
umana, Alla għażel poplu; hu
għażel il-poplu ta’ Iżrael biex
ikun il-poplu tiegħu. Permezz
ta’din l-għażla partikulari,
mill-ftit ried jasal għand ħafna
u mingħand il-ħafna ried jasal
għand kulħadd. Fi kliem ieħor,
l-intenzjoni tal-għażla
partikulari hi l-universalità.
Permezz ta’ dan il-Poplu, Alla
daħal realment b’mod konkret
fl-istorja. U dan il-ftuħ
għall-universalità seħħ permezz
tas-salib u tal-qawmien ta’
Kristu. San Pawl jgħid li fuq
is-salib Kristu waqqa’ l-ħajt
tal-firda. Meta ta Ġismu
għalina, Hu waħħadna miegħu
f’dan il-Ġisem tiegħu u għamilna
ħaġa waħda bejnietna.
Fil-komunjoni tal-“Ġisem ta’
Kristu” nsiru lkoll poplu
wieħed, il-Poplu t’Alla fejn –
nerġa’ nikkwota lil San Pawl –
inkunu lkoll ħaġa waħda u ma
jkunx hemm aktar differenza bejn
Grieg u Lhudi, ċirkonċiż jew
mhux, barbaru, skjav jew Ebrew,
imma Kristu jkun kollox
f’kulħadd. Hu kisser il-ħajt
tad-distinzjoni bejn popli,
razez, kulturi: aħna lkoll
magħqudin fi Kristu. Hekk naraw
li ż-żewġ kunċetti –Poplu
t’Alla u Ġisem ta’ Kristu
–jikkumplimentaw lil xulxin u
flimkien jagħmlu l-kunċett ta’
Knisja skont it-Testment
il-Ġdid. Waqt li “Poplu
t’Alla”: jesprimi l-kontinwità
tal-istorja tal-Knisja, “Ġisem
ta’ Kristu” jesprimi
l-universalità li ġiet
inawgurata fis-salib u l-qawmien
tal-Mulej. Mela, għalina
l-Insara “Ġisem ta’ Kristu”
mhuwiex biss immaġni, imma
kunċett veru għax Kristu
jagħtina Ġismu bħala don.
Kristu li qam mill-mewt
jgħaqqadna lkoll fis-Sagrament
biex jagħmilna ġisem wieħed.
Mela l-kunċett “Poplu t’Alla” u
“Ġisem ta’ Kristu” jikkompletaw
lil xulxin: fi Kristu nsiru
tassew il-Poplu t’Alla.
Mela,“Poplu t’Alla” hu kulħadd:
mill-Papa sal-iċken tarbija li
ħadet il-Magħmudija. L-ewwel
Talba Ewkaristika fil-Kanoni
Ruman, li kien miktub fir-raba’
seklu, tiddistingwi bejn
qaddejja –“aħna qaddejja
tiegħek” u “plebs tua sancta”.
Mela jekk irridu niddistingwu,
nitkellmu dwar qaddejja u
plebs sancta; filwaqt li
t-terminu “Poplu t’Alla” juri li
aħna lkoll flimkien bħala
Knisja.
Kif spiċċa l-Konċilju, din
id-duttrina ekkleżjoloġika
kienet tassew milqugħa u
nirringrazzjaw lil Alla
għall-frott bnin li mmatura
fil-komunità nisranija. Iżda,
tajjeb niftakru wkoll li din
id-duttrina u dak li ġġib magħha
fin-nisġa tal-kuxjenza
ekkleżjali mhux dejjem kien
milqugħ bla diffikultajiet u
skont l-interpretazzjoni ġusta.
Kif għidt b’mod ċar fid-diskors
li għamilt lill-Kurja Rumana
fit-22 ta’ Diċembru 2005, kien
hemm kurrent interpretattiv li
appella “għall-ispirtu
tal-Konċilju” bl-intenzjoni li
jistabbilixxi nuqqas ta’
kontinwità bejn il-Knisja ta’
qabel il-Konċilju u dik ta’ wara
l-Konċilju, u saħansitra ħoloq
ukoll konfront u xi drabi
qabeż il-limiti oġġettivament
eżistenti bejn il-ministeru
ġerarkiku u r-responsabbiltajiet
tal-lajċi fil-Knisja. Xi wħud
jinterpretaw l-idea ta’ “Poplu
t’Alla” mil-lat purament
soċjoloġiku, b’mod
esklussivament orizzontali li
jeskludi r-referenza vertikali
lejn Alla. Din il-pożizzjoni
tmur għal kollox kontra l-kelma
u l-ispirtu tal-Konċilju, li ma
riedx qasma, Knisja oħra, imma
ried tiġdid veru u profond
fil-kontinwità ta’ Knisja waħda
li tikber u tiżviluppa filwaqt
li tibqa’ dejjem l-istess Poplu
t’Alla, poplu wieħed li jagħmel
il-pellegrinaġġ tiegħu.
It-tieni ħaġa: tajjeb nagħrfu li
l-qawmien ta’ enerġiji
spiritwali u pastorali li seħħ
matul dawn is-snin mhux dejjem
ipproduċa t-tisħiħ u l-iżvilupp
mixtieq. Tajjeb ninnotaw li
f’ċerti komunitajiet ekkleżjali,
wara żmien ta’ ħeġġa u
inizjattiva, kien hemm żmien ta’
bruda, sitwazzjoni ta’ għeja.
Xi drabi kien hemm waqfien sħiħ
u anki reżistenza u
kontradizzjoni bejn id-duttrina
konċiljari u d-diversi kunċetti
li ġew imsawra f’isem
il-Konċilju, iżda li fir-realtà
kienu kontra l-ispirtu u l-kelma
tiegħu. Din kienet waħda
mir-raġunijiet għaliex it-tema
tal-assemblea ordinarja
tas-Sinodu tal-Isqfijiet
tal-1987 kienet iddedikata
għall-vokazzjoni u l-missjoni
tal-lajċi fil-Knisja u
fid-dinja. Dan jurina li l-paġni
mdawla tal-Konċilju dwar
il-lajkat kienu għadhom ma
ssarrfux biżżejjed f’ħajja,
fil-kuxjenza tal-Kattoliċi u
fil-proċeduri normali pastorali.
Għad hemm it-tendenza li
l-Knisja tkun identifikata biss
mal-ġerarkija u ninsew
ir-responsabbiltà u l-missjoni
komuni tal-Poplu t’Alla, li fi
Kristu aħna lkoll parti minnu.
Kif ġa għidt, għadha
tippersisti l-idea ta’ Poplu
t’Alla mil-lat purament
soċjoloġiku jew politiku u
ninsew dik in-novità u
speċifiċità ta’ dak il-poplu li
jsir poplu biss fil-komunjoni
ma’ Kristu.
Għeżież ħuti, issa jiġina li
nistaqsu: id-Djoċesi tagħna ta’
Ruma fejn waslet? Kemm nafu
dwar il-korresponsabbiltà
pastorali tagħna lkoll, b’mod
speċjali tal-lajċi? Kemm
ngħixuha? Fis-sekli li għaddew
il-komunità nisranija ħabbret
l-Evanġelju lin-nies ta’ Ruma
permezz tax-xhieda ġeneruża ta’
bosta mgħammdin li taw ħajjithom
biex jedukaw fil-fidi
lill-ġenerazzjonijiet ġodda,
biex jieħdu ħsieb il-morda, biex
jgħinu l-foqra. Illum, din
l-istess missjoni hi fdata lilna
f’sitwazzjonijiet differenti,
f’belt fejn mhumiex ftit dawk
l-imgħammdin li tilfu t-triq
tal-Knisja u fejn hemm dawk li
mhumiex Insara u ma jafu xejn
dwar il-ġmiel tal-fidi tagħna.
Is-Sinodu Djoċesan, li ried
il-maħbub predeċessur tiegħi
Ġwanni Pawlu II, kien
receptio effettiva
tad-duttrina konċiljari. U l-Ktieb
tas-Sinodu impenja
lid-Djoċesi biex tkun aktar
Knisja ħajja u biex kulħadd
jaħdem fil-qalba tal-belt
permezz ta’ azzjoni koordinata u
responsabbli. Il-Missjoni
ċittadina li ġiet wara, bi
thejjija għall-Ġublew il-Kbir
tas-sena 2000, serviet biex
il-komunità ekkleżjali tagħna
tagħraf li l-mandat ta’
evanġelizzazzjoni mhuwiex biss
għal xi wħud imma hu
għall-imgħammdin kollha. Kienet
esperjenza siewja li tat
is-sehem tagħha biex
fil-parroċċi, fil-komunitajiet
reliġjużi, fl-għaqdiet u
l-movimenti jimmatura
l-għarfien li aħna lkoll
nagħmlu parti mill-Poplu t’Alla
wieħed li skont il-kliem
tal-appostlu Pietru: “Alla kiseb
għalih biex ixandar il-glorja
tiegħu tal-għaġeb” (1 Pt 2,
9). U ta’ dan, il-lejla rridu
ngħidu grazzi.
Iżda għad baqa’ ħafna x’isir.
Bosta mgħammdin ma jħossuhomx
parti mill-komunità ekkleżjali u
jgħixu fit-truf tagħha; jiġu
fil-parroċċa biss f’ċerti
ċirkustanzi għal xi servizzi
reliġjużi. Meta tqis in-numru
ta’ dawk li jistqarru li huma
kattoliċi, ftit huma dawk
il-lajċi fil-parroċċa li lesti
jaħdmu fid-diversi oqsma
appostoliċi. Żgur li
d-diffikultajiet kulturali u
soċjali ma jonqsux, iżda
b’fedeltà lejn il-mandat
tal-Mulej, ma nistgħux
nirrassenjaw ruħna. B’fiduċja
fil-grazzja tal-Ispirtu li
Kristu Rxoxt jiggarantilna, hemm
bżonn li nimxu ‘l quddiem
b’pass ġdid. Liema huma
t-toroq li rridu nimxu fihom?
L-ewwelnett irridu nġeddu
l-isforz biex ikun hemm
formazzjoni aktar attenta u
puntwali dwar il-viżjoni ta’
Knisja li kellimtkom dwarha; u
dan jgħodd kemm għas-saċerdoti,
kif ukoll għar-reliġjużi u
l-lajċi. Irridu nifhmu dejjem
aktar xinhi din il-Knisja, dan
il-Poplu t’Alla fil-Ġisem ta’
Kristu. Fl-istess ħin, hemm
bżonn intejbu l-impostazzjoni
pastorali, biex filwaqt li jkun
hemm rispett lejn
il-vokazzjonijiet u r-rwoli
tal-ikkonsagrati u l-lajċi,
bil-mod il-mod wieħed jibda
jippromwovi l-korresponsabbiltà
tal-membri tal-Poplu t’Alla
kollha flimkien. Dan jesiġi
bidla ta’ mentalità, speċjalment
dwar il-lajċi biex dawn ma
jibqgħux meqjusa bħala
“kollaboraturi” mal-kleru imma
biex ikunu tassew
“korresponsabbli” fil-ħajja
tal-Knisja u hekk jissaħħaħ
lajkat matur u impenjat.
Dan l-għarfien komuni li
l-imgħammdin kollha huma
l-Knisja bl-ebda mod ma jnaqqas
ir-responsabbiltà
tal-kappillani. Huwa propju
x-xogħol tagħkom, għeżież
kappillani, li twasslu lil dawk
li ġa huma impenjati sew
fil-parroċċa biex jikbru
fil-ħajja spiritwali u
appostolika: dawn huma l-ħmira
għall-oħrajn fil-ħajja
tal-komunità. Sabiex dawn
il-komunitajiet, anki jekk żgħar
fin-numru, ma jitilfux
l-identità u l-forza tagħhom,
hemm bżonn li jkunu mħarrġa
fis-smigħ u fit-talb tal-Kelma
t’Alla, permezz tal-lectio
divina, li l-aħħar Sinodu
tal-Isqfijiet tkellem b’tant
ħeġġa dwarha. Ejjew insostnu
ruħna tassew bis-smigħ u
l-meditazzjoni dwar il-Kelma
t’Alla. Jeħtieġ li dawn
il-komunitajiet tagħna jkomplu
jagħrfu dejjem aktar li huma
“Knisja”, għax Kristu, il-Kelma
eterna tal-Missier sejħilhom u
għamilhom Poplu tiegħu.
Fil-fatt, il-fidi hi relazzjoni
profonda personali ma’ Alla,
imma għandha wkoll
id-dimensjoni komunitarja, u
dawn iż-żewġ dimensjonijiet ma
jinfirdux. Hekk, anki
ż-żgħażagħ, li huma l-aktar
esposti għall-kultura
individwalista li ddgħajjef
ir-rabtiet interpersonali u
tnaqqas is-saħħa
tal-appartenenza, jkunu jistgħu
jisperimentaw il-ġmiel u l-ferħ
li huma Knisja. Il-fidi f’Alla
tgħaqqadna fil-Ġisem ta’
Kristu u nsiru lkoll ħaġa waħda
f’dan l-istess Ġisem, u hekk
nistgħu nħossu wkoll
il-komunjoni ta’ bejnietna u
negħlbu s-solitudni
tal-individwaliżmu.
Jekk il-Kelma tiġborna flimkien
bħala Komunità, hi
l-Ewkaristija li tagħmilna
ġisem: "Għax la l-ħobża hi
waħda -jikteb San Pawl -, aħna,
li aħna ħafna , aħna ġisem
wieħed: ilkoll kemm aħna nieħdu
sehem minn ħobża waħda" (1
Kor 10, 17). Mela,
il-Knisja mhijiex ir-riżultat
ta’ numru ta’ individwi
flimkien, imma hi l-għaqda ta’
bejniethom, imsaħħin
mill-istess Kelma t’Alla u
mill-istess Ħobż tal-ħajja.
Il-komunjoni u l-għaqda
tal-Knisja, li titwieled
mill-Ewkaristija, huma realtà li
jeħtieġ nagħrfuha dejjem aktar,
anki meta nitqarrbnu. Irridu
nagħrfu dejjem aktar li aħna
nidħlu f’għaqda ma’ Kristu u
hekk insiru ħaġa waħda
bejnietna. Irridu nitgħallmu
dejjem aktar kif nieħdu ħsieb
din ir-realtà u niddefenduha
mir-rivalità, mit-tilwim u
mill-għira li jistgħu jinħolqu
fil-komunitajiet ekkleżjali u
bejniethom. Nixtieq nitlob b’mod
partikulari lill-movimenti u
lill-komunitajiet li nibtu wara
l-Konċilju Vatikan II, li huma
don prezzjuż anki fid-Djoċesi
tagħna – u ta’ dan irridu
dejjem nirringrazzjaw
lill-Mulej, - irrid nitlobhom
lil dawn li nerġa’ ngħid huma
don biex jieħdu ħsieb
il-formazzjoni tal-membri
tagħhom ħalli dawn jagħrfu
dejjem aktar li huma parti
mill-komunità parrokkjali. Kif
għidt, l-Ewkaristija u b’mod
partikulari ċ-Ċelebrazzjoni
tal-Ħadd, hi ċ-ċentru tal-ħajja
fil-parroċċa. Jekk l-unità
tal-Knisja titwieled mill-għaqda
mal-Mulej, mela hu importanti
ħafna li l-adorazzjoni u
ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika
jsiru b’ħafna kura biex min
jieħu sehem fihom jagħmel
esperjenza tal-ġmiel tal-misteru
ta’ Kristu. La l-ġmiel
tal-liturġija “ mhuwiex
sempliċiment xi ħaġa estetika,
imma mod kif l-imħabba t’Alla
tasal għandna, dan isaħħarna. u
jattirana” (Sacramentum
caritatis n. 35). Mela,
iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika,
permezz tas-sinjali
sagramentali, għandha
timmanifesta u tikkomunika
l-ħajja divina u turi lin-nies
ta’ din il-belt il-veru wiċċ
tal-Knisja.
Imbagħad l-iżvilupp spiritwali
appostoliku tal-komunità jrid
jwassal biex il-komunità tikber
permezz ta’ azzjoni missjunarja
konvinta. Għalhekk, kif sar
fil-Missjoni Ċittadina,
aħdmu bis-sħiħ biex f’kull
parroċċa tingħata ħajja ġdida
lill-gruppi żgħar jew ċentri ta’
smigħ fejn Kristu u l-Kelma
tiegħu huma mħabbra. Dawn huma
l-post fejn wieħed ikun jista’
jisperimenta l-fidi, jgħix
l-imħabba u jorganizza t-tama.
Dawn il-komunitajiet żgħar
jgħinu biex titwessa’ l-ħidma
missjunarja fil-bliet il-kbar.
Wieħed isir aktar midħla
tal-poplu u jsir jaf aktar
dwar il-fiżonomija soċjali u
kulturali tiegħu, li spiss
tvarja ħafna. Hu importanti li
dan il-metodu pastorali jiġi
applikat ukoll fil-postijiet
tax-xogħol. Illum jeħtieġ li
dawn ikunu evanġelizzati
b’pastorali maħsuba għalihom
għax minħabba li l-mobbiltà
soċjali żdiedet, bosta huma dawk
li jgħaddu parti sew
mill-ġurnata tagħhom f’dawn
l-ambjenti.
Fl-aħħarnett, ma ninsewx li x-xhieda
tal-imħabba tgħaqqad il-qlub u
tiftaħ it-triq biex wieħed
iħossu parti mill-Knisja. Għall-mistoqsija:
kif tispjega s-suċċess
tal-Kristjaneżmu fl-ewwel sekli?
U x’wassal biex it-twemmin ta’
dik li kienet meqjusa setta ta’
Lhud isir r-reliġjon tal-Imperu?,
l-istoriċi jwieġbu li kienet
l-imħabba li għexu l-Insara li kkonvinċiet
lid-dinja. L-għejxin
tal-imħabba hu l-forma primarja
tal-missjonarjetà . Il-Kelma
mħabbra u mgħejxa ssir kredibbli
jekk tinkarna ruħha f’imġiba ta’
solidarjetà, ta’ kondiviżjoni,
ta’ ġesti li juru l-Wiċċ ta’
Kristu bħala l-veru Ħabib
tal-bniedem. Ix-xhieda
silenzjuża tal-imħabba li l-parroċċi
jgħixu kuljum grazzi
għall-impenn ta’ tant lajċi,
trid tkompli tinfirex dejjem
aktar biex min jgħix it-tbatija
jħoss il-Knisja qrib tiegħu u
jagħraf l-imħabba tal-Missier,
għani fil-ħniena. Għalhekk,
kunu dejjem “sammaritani tajba”,
lesti li tikkuraw il-feriti
materjali u spiritwali ta’
ħutkom. Id-djakni, li l-ordinazzjoni
tagħhom tikkonformhom ma’ Kristu
qaddej, jistgħu jwettqu servizz
siewi ħafna billi jippromwovu
attenzjoni lejn l-anzjani u lejn
il-forom ġodda ta’ faqar. Qed
naħseb ukoll fiż-żgħażagħ:
għeżież nistedinkom tużaw l-entużjażmu
u l-kreattività tagħkom biex
taqdu lil Kristu u l-Evanġelju
tiegħu. Kunu appostli għal
sħabkom; kunu lesti li twieġbu
b’ġenerożità jekk il-Mulej
isejħilkom biex timxu warajh
mill-qrib fis-saċerdozju jew
fil-ħajja kkonsagrata
Għeżież ħuti, il-ġejjieni
tal-Kristjaneżmu u tal-Knisja
f’Ruma jiddependi wkoll mill-impenn
u x-xhieda ta’ kull wieħed u
waħda minna. Għalhekk nitlob l-interċessjoni
materna tal-Verġni Marija,
Salus populi romani kif
meqjuma għal sekli sħaħ
fil-Bażilika ta’ Santa Maria
Maggiore, biex tkun magħna kif
kienet mal-Appostli fiċ-Ċenaklu
f’Pentekoste, u biex tħeġġiġna
nħarsu b’fiduċja lejn
il-ġejjieni. B’dawn is-sentimenti,
filwaqt li nirringrazzjakom
għall-ħidma li twettqu kuljum,
minn qalbi nagħtikom ilkoll
barka Appostolika speċjali.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Vivienne Attard
|