APOSTOLORUM APOSTOLA

L-Appostlu tal-Appostli

L-artiklu tal-Arċisqof Arthur Roche,

Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti

Deher fl-edizzjoni ta’ L’Osservatore Romano tal-10 ta’ Ġunju 2016.

 

Artiklu tal-E.T. Mons. Arthur Roche, Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti

 

L’Osservatore Romano, 10 ta’ Ġunju 2016

 

Fuq xewqa espressa tal-Qdusija Tiegħu Franġisku, il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti ppubblikat digriet ġdid, li jġib id-data tat-3 ta’ Ġunju 2016, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li bih iċ-ċelebrazzjoni ta’ Santa Marija Maddalena, sal-lum tifkira obbligatorja, fil-Kalendarju Ġenerali Ruman qed tiġi mgħollija għall-grad ta’ festa.

 

Id-deċiżjoni rridu naqrawha fil-kuntest ekkleżjali ta’ żmienna, li qed jitlob minna li nirriflettu iżjed fil-fond fuq id-dinjità tal-mara, l-evanġelizzazzjoni l-ġdida u l-kobor tal-misteru tal-Ħniena divina. Kien San Ġwanni Pawlu II li ta attenzjoni kbira mhux biss lill-importanza tan-nisa fl-istess missjoni ta’ Kristu u tal-Knisja, imma anki, u b’enfasi speċjali, lill-funzjoni partikulari ta’ Marija ta’ Magdala bħala l-ewwel xhud li rat lill-Irxoxt u l-ewwel ħabbara li wasslet lill-Appostli l-bxara tal-qawmien tal-Mulej (ara Mulieris dignitatem, 16). Din l-importanza tissokta llum fil-Knisja – dan jurih l-impenn fi żmienna għal evanġelizzazzjoni ġdida – li tixtieq tilqa’, bla ebda distinzjoni, irġiel u nisa ta’ kull razza, poplu, ilsien u nazzjon (ara Apok 5:9), biex tħabbrilhom il-Bxara t-tajba tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, isseħibhom fil-pellegrinaġġ tagħhom fuq din l-art, u toffrilhom l-għeġubijiet tas-salvazzjoni ta’ Alla. Santa Marija Maddalena hi eżempju ta’ evanġelizzatriċi vera u awtentika, jew aħjar, ta’ evanġelista li xxandar il-bxara hienja u ċentrali tal-Għid (ara Kolletta tat-22 ta’ Lulju u l-Prefazju l-ġdid).

 

Il-Qdusija Tiegħu Franġisku ħa din id-deċiżjoni propju fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena biex ifisser ir-rilevanza ta’ din il-mara li wriet imħabba kbira lejn Kristu u kienet hekk maħbuba minn Kristu, kif jaffermaw meta jitkellmu fuqha Rabanu Mawru (dilectrix Christi et a Christo plurimum dilecta: De vita beatæ Mariæ Magdalenæ, Prologus) u Sant’Anselmu ta’ Canterbury (electa dilectrix et dilecta electrix Dei: Oratio LXXIII ad sanctam Mariam Magdalenam). Żgur li t-tradizzjoni ekkleżjali fil-Punent, fuq kollox wara San Girgor il-Kbir, tidentifika fl-istess persuna ta’ Marija ta’ Magdala lil dik il-mara li sawbet il-fwieħa fid-dar ta’ Xmun, il-Fariżew, u lil oħt Lazzru u Marta. Din l-interpretazzjoni kompliet tixtered fost l-awturi ekkleżjastiċi tal-Punent, fl-arti Nisranija u fit-testi liturġiċi marbuta mal-qaddisa. Il-Bollandisti esponew fit-tul il-problema tal-identifikazzjoni tat-tliet nisa u ħejjew it-triq għar-riforma liturġika tal-Kalendarju Ruman. Bit-twettiq tar-riforma, it-testi tal-Missale Romanum, tal-Liturgia Horarum u tal-Martyrologium Romanum jirriferu għal Marija ta’ Magdala. Hu ċert li Marija Maddalena kienet tagħmel parti mill-grupp tad-dixxipli ta’ Ġesù, imxiet warajh sa taħt is-salib u, fil-ġnien fejn kien il-qabar, kienet l-ewwel “testis divinæ misericordiæ” (Girgor il-Kbir, XL Hom. In Evangelia, lib. II, Hom. 25,10). Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkonta li Marija Maddalena bkiet, għax il-ġisem tal-Mulej ma sabitux hemm (ara Ġw 20:11); u Ġesù ħenn għaliha u wrieha ruħu bħala l-Imgħallem u bidel id-dmugħ tagħha fil-ferħ tal-Għid.

 

Napprofitta minn din iċ-ċirkustanza biex naqsam żewġ ideat relevanti għat-testi Bibliċi u liturġiċi tal-festa l-ġdida, li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar l-importanza li din il-mara qaddisa għandha għal żminijietna.

 

Minn naħa, għandha l-ġieħ li kienet il-“prima testis” tal-qawmien tal-Mulej (Hymnus, Ad Laudes matutinas), l-ewwel waħda li rat il-qabar vojt u l-ewwel waħda li semgħet il-verità tal-qawmien tiegħu. Kristu għandu attenzjoni u ħniena speċjali għal din il-mara, li turi mħabbitha lejh, tmur tfittxu fil-ġnien b’għafsa ta’ qalb u b’diqa, b’lacrimas humilitatis, kif jgħid Sant’Anselmu fit-talba li kkwotajna. Għalhekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar il-kuntrast bejn iż-żewġ nisa preżenti fil-ġenna u fil-ġnien tal-qawmien. L-ewwel waħda xerrdet il-mewt fejn kien hemm il-ħajja; it-tieni ħabbret il-Ħajja minn ġo qabar, post l-imwiet. Dan josservah l-istess Girgor il-Kbir: Quia in paradiso mulier viro propinavit mortem, a sepulcro mulier viris annuntiat vitam (XL Hom. In Evangelia, lib. II, Hom. 25). Barra dan, huwa sewwasew fil-ġnien tal-qawmien li l-Mulej jgħid lil Marija Maddalena: “Noli me tangere”. Hi stedina li ssir mhux biss lil Marija, imma anki lill-Knisja kollha, biex tidħol f’esperjenza ta’ fidi li tegħleb kull appropjazzjoni materjalista u mod uman ta’ kif nistgħu nifhmu l-misteru divin. Għandha rilevanza ekkleżjali! Hi lezzjoni tajba għal kull dixxiplu ta’ Ġesù: tfittixx ċertezzi umani u titli ta’ din id-dinja, imma l-fidi fi Kristu Ħaj u Rxoxt!

 

Propju għax kienet xhud okulari ta’ Kristu Rxoxt, kienet ukoll, min-naħa l-oħra, l-ewwel li tat xhieda tiegħu quddiem l-Appostli. Twettaq il-mandat tal-Irxoxt: “‘Mur għand ħuti u għidilhom…’. Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: Rajt lill-Mulej!’, u qaltilhom x’qalilha” (Ġw 20:17-18). Hekk hi ssir, kif diġà rajna, evanġelista, jew aħjar, ħabbara li xxandar il-bxara t-tajba tal-qawmien tal-Mulej; jew kif qalu Rabanu Mawru u San Tumas ta’ Aquino, apostolorum apostola, ladarba tħabbar lill-Appostli dak li huma mbagħad ħabbru lid-dinja kollha (ara Rabanu Mawru, De vita beatæ Mariaæ Magdalenæ, c. XXVII; San Tumas ta’ Aquino, In Ioannem Evangelistam Expositio, c. XX, L. III, 6). Bir-raġun id-Duttur Anġeliku juża dan it-terminu u japplikah għal Marija Maddalena: hi xhud ta’ Kristu Rxoxt u xxandar l-aħbar tal-qawmien tal-Mulej, bħall-Appostli l-oħra. Għalhekk jixraq li ċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ din il-mara jkollha l-istess grad ta’ festa mogħti liċ-ċelebrazzjoni tal-Appostli fil-Kalendarju Ġenerali Ruman u li juri ċar il-missjoni speċjali ta’ din il-mara, xempju u mudell għal kull mara fil-Knisja.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.