Anzjani: fejn hemm is-solitudni, il-Coronavirus joqtol iktar

Messaġġ mid-Dikasteru Pontifiċju għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

6 ta' April 2020.

 

Għeżież ħutna,

 

F’nofs din it-“tempesta mhux mistennija u qalila, intbaħna”, kif qalilna l-Papa Franġisku, “li ninsabu fuq l-istess dgħajsa”. Fuqha jinsabu l-anzjani wkoll. Bħal kuħadd, huma dgħajfa u diżorjentati. Illum ħsiebna jdur lejhom, inkwetati għalihom u fl-istess ħin mimlijin gratitudni; biex irroddulhom lura almenu ftit minn dik l-imħabba li kollha doqna mingħandhom tul ħajjitna, u sabiex kull wieħed u waħda minnhom iħoss lill-Knisja tmellsu bi ħlewwa ta’ omm.

 

Il-ġenerazzjoni tagħhom, f’dawn il-jiem – diffiċli għal kulħadd – qed tħallas l-iktar prezz għoli fil-pandemija tal-Covid-19. L-istatistiċi juruna li fl-Italja, iktar mit-80% tal-persuni li tilfu ħajjithom kellhom ’il fuq minn 70 sena.

 

Ftit ġimgħat ilu, il-Papa Franġisku qal li “s-solitudni tista’ tkun marda, iżda permezz tal-karità, il-viċinanza u l-faraġ spiritwali nistgħu nfejquha”. Dawn il-kelmiet jgħinuna nifhmu li, jekk inhu veru li l-Coronavirus huwa iktar letali meta jiltaqa’ ma’ ġisem dgħajjef, f’ħafna każijiet, il-marda pre-eżistenti hija dik tas-solitudni. Mhux ta’ b’xejn qed naraw il-mewt, b’numri u b’modi terribbli, ta’ ħafna persuni li qed jgħixu ’l bogħod min-nukleu familjari, f’kudizzjonijiet ta’ solitudni li jġibu iktar dgħufija u qtigħ il-qalb.  

 

Importanti għalhekk li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insibu soluzzjoni u ma jibqgħux iħossuhom abbandunati. Fiċ-ċirkustanzi preżenti dan jista’ jfisser li jiġu salvati l-ħajjiet tal-persuni.  

 

Għalhekk, f’dawn il-jiem il-Knisja qed torganizza ħafna inizjattivi maħsubin biex jgħinu lill-anzjani. Il-fatt li sar impossibbli tibqa’ tmur iżżurhom fi djarhom jitlob li jinstabu modi ġodda u kreattivi ta’ kif tgħinhom iħossu l-preżenza tiegħek. Telefonati, messaġġi permezz ta’ vidjo jew messaġġi vokali jew, b’mod iktar tradizzjonali, ittri indirizzati lil xi ħadd waħdu. Ħafna parroċċi qed iwasslu ikel jew mediċini lil min ma jistax joħroġ mid-dar. Kważi kullimkien is-saċerdoti għadhom imorru fid-djar biex jamministraw is-sagramenti. Ħafna voluntiera, b’mod speċjali żgħażagħ, b’impenn u b’ġenerożità qed jaraw li ma jinqatgħux – jew li jibdew jinsġu – xbieki tant fundamentali ta’ solidarjetà.

 

Imma l-gravità ta’ dan il-mument issejħilna nagħmlu iktar. Waħidna u bħala Knisja lokali, nistgħu nagħmlu ħafna għall-anzjani: nitolbu għalihom, infejqu l-marda tas-solitudni, ninsġu xbieki ta’ sodarjetà, u ħafna iktar. Quddiem din ix-xena ta’ ġenerazzjoni milquta b’mod tant iebes, aħna lkoll responsabbli, għaliex nafu li kull ħajja umana għandha valur bla qies u nafu kemm għandna għax nirringrazzjaw lill-missirijiet u lin-nanniet tagħna. Għandna għalhekk niddedikaw enerġiji ġodda biex inħarsuhom minn din il-maltempata, bħalma lil kull wieħed u waħda minna ħarsuna u ħadu ħsiebna fil-burraxki kbar u żgħar tal-ħajja. Ma nħalluhomx waħidhom lill-anzjani, għaliex fejn hemm is-solitudni, il-Coronavirus joqtol iktar.

 

Naħsbu b’mod partikulari f’dawk li jgħixu fl-istrutturi residenzjali: kuljum qed nisimgħu aħbarijiet terribbli dwar il-kundizzjonijiet tagħhom u diġà huma eluf dawk li hemm tilfu ħajjithom. Il-konċentrazzjoni f’post wieħed ta’ tant persuni fraġli u d-diffikultà biex jinstab l-apparat mediku li hemm bżonn, ħolqu sitwazzjonijiet li diffiċli wisq li jiġu kkontrollati, minkejja kemm iċċaħħdu u, ħafna drabi, kemm issagrifikaw ruħhom dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-assistenza. F’ċirkustanzi oħrajn, madankollu, naraw li l-kriżi attwali ġejja minn abbandun assistenzjali u terapewtiku li ġej mill-bogħod. Anki jekk qed ngħixu sitwazzjoni kumplessa, hemm bżonn nagħmluha ċara li l-ħarsien tal-ħajja tal-persuni anzjani li jgħixu fl-istrutturi residenzjali jew li jinsabu waħidhom jew morda, hija prijorità daqs il-ħarsien tal-ħajja ta’ kull persuna oħra. Fil-pajjiżi fejn il-pandemija għadha mhix mifruxa ħafna, għadu possibbli li jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni biex jiġu protetti. Filwaqt li f’dawk il-pajjiżi fejn is-sitwazzjoni hi waħda iktar drammatika, hemm bżonn li jsiru sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet għal din l-emerġenza. Dan importanti għall-futur tal-komunitajiet tagħna fil-Knisja u tas-soċjetà, għaliex, bħalma qal dan l-aħħar il-Papa Franġisku, “l-anzjani huma l-preżent u l-futur tal-Knisja”.  

 

Fit-tbatija ta’ dawn il-ġranet, aħna msejħin inħarsu lejn il-futur. Fl-imħabba tal-ħafna wlied u neputijiet, u fl-attenzjoni tal-assistenti u tal-voluntiera naraw mill-ġdid l-imħabba tan-nisa li marru fil-qabar biex jieħdu ħsieb il-ġisem ta’ Ġesù. Bħalhom, aħna mbeżżgħin u, bħalhom, nafu li rridu ngħixu – anki jekk inżommu d-distanza – billi nħobbu, kif għallimna hu. Bħalhom, ma ndumux ma nindunaw li ma stajniex nagħmlu mod ieħor ħlief li nibqgħu qrib dak li jkun, ċerti minn dak li qal l-anġlu, li stedinna biex ma nibżgħux.

 

Ningħaqdu għalhekk f’talba għan-nanniet u l-anzjani tad-dinja kollha. Ejja nħaddnuhom magħna, bil-ħsieb u bix-xewqa ta’ qalbna, u fejn hu possibbli, nagħmlu dak li nistgħu sabiex ma jkunux waħidhom.

 

Dekasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja

06.04.2020

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona