L-Ewwel Stazzjon: Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu,  il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. (Lq22:66)

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: "Aqta' min!" U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. (Mk14:64-65)

 

Meditazzjoni

 

Ma kellhomx bżonn jiddiskutu wisq il-membri tas-Sinedriju biex jiddeċiedu. Kienu ilhom li ddeċidew. Ġesù għandu jmut!

 

Diġà kienu jaħsbuha hekk dawk li riedu jitfgħuh ’l isfel minn irdum, dakinar li fis-sinagoga ta’ Nazaret, Ġesù fetaħ il-ktieb u tkellem fl-ewwel persuna waqt li kien qed jaqra l-kliem tal-ktieb ta’ Isaija, “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani [...] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.” (Lq4:18-19)

 

Diġà meta fejjaq lill-mifluġ f’Betzata, u s-Sibt għamlu jum ta’ dak Alla li jagħti l-ħelsien minn kull skjavitù, beda jiżdied id-diskors ta’ qtil kontrih (ara Ġw5:1-18).

 

Kif ukoll, fl-aħħar biċċa tat-triq, hu u dieħel Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, il-mażżra kienet diġà mdendna m’għonqu: ma kienx se jeħlisha minn idejn l-għedewwa tiegħu (ara Ġw11: 45-57).

 

Imma jeħtieġ immorru iktar lura bil-memorja. Jekk nitilqu minn Betlehem, meta twieled, Erodi kien qatagħha li kellu jmut. Ix-xwabel tar-re użurpatur għamlu massakru mit-tfal ta’ Betelehem. Dik id-darba Ġesù ħarab il-qilla tagħhom. Imma kien biss għal ftit żmien. Ħajtu diġà kienet imdendla b’xagħra. Fil-biki ta’ Rakel għal uliedha li m’għadhomx iżjed, bħal tinstema’ l-profezija tad-dulur li Xmun kien se jħabbar lil Marija (ara Mt2:16-18; Lq2:34-35).

 

It-Tieni Stazzjoni: Ġesù miċħud minn Pietru

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Għaddiet xi siegħa u raġa' kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija." Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid, sieħeb." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.' U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma. (Lq22:59-62)

 

Meditazzjoni

 

F’dawk is-siegħat kesħin tal-lejl, fil-bitħa tas-Sinedriju, Pietru u xi oħrajn kienu qegħdin għas-sħana madwar in-nar, b’ geġwiġija ta’ nies diħlin u ħirġin madwarhom.

 

Ġewwa, kienu qed jiddeċiedu x’se jiġri minn Ġesù, waqt li kien qed jaffaċċja lil dawk li akkużawh. Se jitolbu li jinqatel.

 

Bħalma titla’ l-marea, hekk kienet qed tiżdied l-ostilità lejh. Kif tinħaraq ftila, il-mibegħda bdiet tixgħel u toktor. Dalwaqt il-folla se titlob bi ħġarha lil Pilatu jeħles lil Barabba u jikkundanna lil Ġesù.

 

Diffiċli tgħid li int ħabib ta’ kkundannat għall-mewt mingħajr ma tħoss tkexkixa ta’ biżà. Il-fedeltà ta’ Pietru żammitx soda xħin sema’ l-kliem suspettuż tal-qaddejja.

 

Li jammetti li kien dixxiplu tar-rabbi mill-Galilija kien ifisser li jagħti iktar importanza lill-fedeltà lejn Ġesù milli lil ħajtu! X’kuraġġ trid biex tagħmel hekk, il-verità diffiċli li ssib min jixhed għaliha... Il-bniedem magħmul b’tali mod li ħafna drabi, jippreferi l-gidba; u Pietru bniedem bħalna. Jiċħad, għal tliet darbiet. Imbagħad għajnejh jiltaqgħu ma’ ta’ Ġesù. U d-dmugħ jinżel, morr imma fl-istess ħin ħelu, bħal ilma li jnaddaf il-ħmieġ.

 

Dalwaqt, ftit tal-jiem oħra, meta jerġa’ jkun ħdejn in-nar, fuq xatt ix-xmara, Pietru se jagħraf lill-Mulej tiegħu li qam mill-mewt, u dan se jgħidlu jirgħa l-merħla tiegħu. Pietru jara l-maħfra bla qies li l-irxoxt jagħti lil kull ċaħda min-naħa tagħna. U minn dakinhar jibda jagħmel parti minn fedeltà sħiħa li ’l quddiem se tħallih jaċċetta l-mewt tiegħu stess, bħala offerta magħquda ma’ dik ta’ Kristu.

 

It-Tielet Stazzjoni: Ġesù u Pilatu

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f'idejn Pilatu. Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. (Mk15:1, 3, 15)

 

Mill-Evanġelju skont San Mattew:

Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala' xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: "Jien m'iniex ħati ta' dan id-demm: dan arawh intom!" (Mt27:24)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija:

Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. (Is53:6)

 

Meditazzjoni

 

Ruma ta’ Ċesari Awgustu, in-nazzjon ċivilazzat, li bil-leġjuni tiegħu għandu l-missjoni li jaħkem lill-popli biex jibbenefikaw mill-ordni ġust li se jġibilhom.

 

Ruma li permezz tal-persuna ta’ Pilatu, nsibuha preżenti fil-Passjoni ta’ Ġesù. Pilatu, ir-rappreżentant tal-Imperatur, li jiggarantixxi d-drittijiet u l-ġustizzja fl-artijiet barranin.

 

Madankollu, hu l-istess Pilatu li jgħid li ma jsib ebda ħtija f’Ġesù, li jikkundannah għall-mewt. Fil-Pretorju fejn jixlu lil Ġesù, il-verità tixgħel: il-ġustizzja tal-pagani mhix aħjar minn dik tas-Sinedriju tal-Lhud!

 

Ġesù, dak li hu verament ġust, u li għax li raġuni jiġbed fuqu l-ħsibijiet omiċida tal-qalb tal-bniedem, jgħaqqad lil-Lhud u lill-pagani. Imma dan iseħħ, għalissa, billi jagħmilhom kompliċi ndaqs fil-qtil tiegħu. Madankollu, jasal il-mument, anzi huwa qrib, li fih se jgħaqqadhom mill-ġdid b’mod differenti, permezz tas-Salib u ta’ maħfra li tasal lil kulħadd, Lhud u pagani, u tfejjaqhom kollha mill-kodardja u teħlishom mill-vjolenza tagħhom.

 

Biex nirċievu dan ir-rigal, għamlilna kundizzjoni waħda: irridu nammettu l-innoċenza tal-uniku Innoċenti, il-Ħaruf ta’ Alla mogħti bħala tpattija għad-dnubiet tad-dinja; irridu niċħdu l-preżunzjoni li għandna fina: “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm”; irridu nammettu li għandna tort, b’fiduċja li imħabba bla qies tħaddanna lkoll, Lhud u pagani, u li Alla jsejjah lill-bnedmin kollha biex ikunu wliedu.

 

Ir-Raba’ Stazzjon: Ġesù Sultan tal-Glorja

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejjħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!" (Mk15:16-18)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija:

Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x'inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu rafa' fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. (Is53:2-4)

 

Meditazzjoni

 

Kemm hu banali l-ħażen. Ma jingħaddux l-irġiel, in-nisa u saħansitra t-tfal abbużati, umiljati, ittorturati, maqtula, kullimkien u f’kull żmien tal-istorja.

 

Ġesù ma jużax id-divinità tiegħu biex jipproteġi lilu nnifsu, imma jidħol minn jeddu fil-wied tas-sofferenzi li l-bniedem kapaċi jikkawża lill-bnedmin l-oħra. Jaf x’iħossu l-umiljati u l-imżebilħin abbandunati.

 

Imma x’ġid tista’ tagħmel it-tbatija ta’ innoċenti ieħor?

 

Dak li huwa wieħed minna, qabel kollox huwa l-Iben maħbub tal-Missier, li ġie biex iwettaq il-ġustizzja sħiħa permezz tal-ubbidjenza tiegħu.

 

U f’waqt wieħed, is-sinjali kollha jinqalbu. Il-kliem u ż-żebliħ ta’ dawk li kienu qed isawtuh – x’paradoss – juruna l-verità li ħadd ma jista’ jmeriha: dik li Ġesù huwa l-uniku Sultan, u dan jidher permezz ta’ mħabba li ma riedet taf b’xejn iktar għajr bir-rieda tal-Missier, u bix-xewqa tiegħu li kull bniedem jiġi mifdi. “Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti. […] Imbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej. Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek.” (S40:7-9)

 

Din is-siegħa tal-Ġimgħa l-Kbira tgħidilna dan: glorja waħda hemm f’din id-dinja jew fl-oħra, dik li tagħraf u twettaq ir-rieda tal-Missier. Ħadd minna ma jista’ jkollu ambizzjoni ta’ dinjità iktar għolja minn dik li jkun iben permezz ta’ dak li għalina obda sal-mewt tas-Salib.

 

Il-Ħames Stazzjoni: Ġesù jġorr is-Salib

 

Mill-ktieb tal-Lamentazzjonijiet:

U intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu sewwa u araw, jekk hawnx hemm bħal hemmi, li waqa' fuqi; li bih il-Mulej għabbieni fil-jum ta' saħnet għadbu. (Lam1:12)

 

Mis-Salm 146:

Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu, […] Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja; il-Mulej li jerfa' lill-milwijin; […] il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla. (S146:5, 7-8, 9)

 

Meditazzjoni

 

Tul it-triq iebsa lejn il-Golgota, Ġesù ma tgħabbiex bis-salib daqslikieku trofew! Hu ma jixbaħ xejn lill-eroj li fl-immaġinazzjoni tagħna jirbħu fuq l-għedewwa kefrin tagħhom.

 

Hu mexa pass pass, bil-mod, b’ġismu dejjem aktar għajjien. Ħass laħmu dejjem aktar jitħaffer bl-injama tas-sagrifiċċju, saqajh iċedu taħt it-togħbija.

 

Minn ġenerazzjoni għal oħra, il-Knisja mmeditat din it-triq miżgħuda bit-tfixkil u bil-waqgħat.

 

Ġesù jaqa’, jerġa’ jqum, jerġa jaqa’, bla saħħa jkompli miexi, aktarx taħt id-daqqiet tas-sultadi li għandu miegħu, għaliex hu hekk li għandhom jitrattaw, anzi, jimmaltrattaw, lill-ikkundannati f’din id-dinja.

 

Dak li qajjem fuq saqajhom lill-mifluġin, li dritta lill-mara mgħawġa, qajjem mill-mewt lil bint Ġajru, qajjem fuq saqajhom ħafna morda, arah illum mgħaddas fit-trab.

 

L-Ogħla wieħed jinsab mal-art.

 

Ejja nżommu ħarsitna fuq Ġesù. Permezz tiegħu, l-Għoli jgħallimna li fl-istess ħin – ħaġa li ma titwemminx – huwa l-aktar Umli, lest li jinżel sa ħdejna, iktar ’l isfel jekk hemm bżonn, biex b’hekk ħadd qatt ma jintilef fl-iktar livell baxx tal-miżerja tiegħu nnifsu.

 

 

Is-Sitt Stazzjoni: Ġesù u Xmun minn Ċireni

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. (Lq23:26)

 

 Mill-Evanġelju skont San Mattew:

‘Meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ (Mt25:37-39)

 

Meditazzjoni

 

Ġesù jaqa’ tul it-triq, ġismu mgħaffeġ taħt it-toqol tas-salib. Imma jrid jibqa’ għaddej, jimxi, u jibqa’ miexi, għaliex hija l-Golgota, “post il-qorriegħa”, mistkerrah tant, ’il barra mill-ħitan tal-belt, il-post fejn is-suldati jridu jwasslu lil Ġesù.

 

F’dak il-ħin jgħaddi minn hemm raġel b’saħħtu. Jidher li m’għandux x’jaqsam ma’ dak li qed jiġri hemm dakinhar. Sejjer lura lejn id-dar, ma jaf b’xejn dwar dak li qed jiġri lir-rabbi Ġesù, xħin iwaqqfuh is-suldati biex iġorr is-salib.

 

Tgħid x’kien jaf dwar dak l-ikkundannat meħud mis-suldati għall-mewt? X’seta’ kien jaf dwar dak li “ma kellux iktar sura ta’ bniedem”, bħall-qaddej bla sura ta’ Isaija?

 

Ma nafu xejn dwar jekk ħax qatgħa, jew jekk forsi għall-ewwel irrifjutax, jew jekk Ġesù għamillux ħniena. L-Evanġelju ried iħallilna biss ismu: Xmun, minn Ċireni. Iżda l-Evanġelju ried iwasslilna isem dan il-Libjan u l-ġest tiegħu umli u ħanin, biex jgħallimna li, billi taffa mit-tbatija ta’ kkundannat għall-mewt, Xmun taffa mit-tbatija ta’ Ġesù, Bin Alla, li ltaqa’ miegħu taħt is-sura ta’ skjav, sura li ħa għalina, kif ukoll għaih, biex jifdi lid-dinja. Mingħajr ma Xmun ikun jaf b’xejn. 

 

Is-Seba’ Stazzjon: Ġesù u n-Nisa ta’ Ġerusalemm

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. […] Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?" (Lq23:27-28, 31)

 

Meditazzjoni

 

Il-biki li Ġesù ħalla għan-nisa ta’ Ġerusalemm, bħala wirja ta’ kompassjoni, huwa biki li ma jonqos qatt f’din id-dinja.

 

Dan jinżel, fis-skiet, ma’ ħaddejn in-nisa. Spiss, wisq probabbli, mingħajr ma lanqas biss jidher, f’qalbhom, bħad-dmugħ tad-demm li fuqu titkellem Katerina ta’ Siena.

 

Ma jfissirx li d-dmugħ għandu jkun biss għan-nisa, daqslikieku x-xorti tagħhom hi li jibku b’mod passiv u impotenti, fi storja li fiha l-irġiel, waħidhom, msejħin jiktbu.

 

Fil-fatt il-biki tagħhom jilqa’ fih ukoll, anzi fuqkollox, il-biki moħbi u mhux imsemmi, f’dinja li fiha hemm ħafna għal xiex tibki. Il-biki tat-tfal imwerwrin, tal-midrubin fuq il-kampijiet tal-battalja li jsejħu għal omm, il-biki solitarju tal-morda u tal-agonizzanti li ma jafux x’ġej wara. Biki ta’ telfien, li jgelgel fuq wiċċ din id-dinja li nħolqot, fil-bidu nett, għall-biki ta’ ferħ, ferħ tal-irġiel u n-nisa, flimkien.

 

U anki Etty Hillesum, Israeljana b’ karattru sod, li baqgħet wieqfa fit-tempesta tal-persekuzzjoni Nazzista, li ddefendiet sal-aħħar is-sbuħija tal-ħajja, issefsfilna f’widnejna dan is-sigriet li hi skopriet lejn l-aħħar tal-mixja tagħha: fuq wiċċ Alla nnifsu hemm dmugħ li għandu bżonn il-faraġ, meta dan jibki għall-miżerja li fiha jinsabu wliedu. Filwaqt li l-infern jonħnoq id-dinja, hi tasal titlob lil Alla u tgħidlu, “Nipprova ngħinek.” Kuraġġ tant femminili daqskemm hu divin!

 

It-Tmien Stazzjoni: Ġesù mneżża’ minn Ħwejġu

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

Is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f'erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika. (Ġw19:23)

 

Mill-ktieb ta’ Ġob:

"Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa' mmur hemm.” (Ġob1:21)

 

Meditazzjoni

 

Il-ġisem umiljat ta’ Ġesù jiġi mneżża’. Espost għall-ħars ta’ żebliħ u ta’ disprezz. Il-ġisem ta’ Ġesù miżgħud pjagi u ddestinat għas-sagrifiċċju estrem tal-mewt fuq is-salib. Bħala bniedem, x’tista’ tagħmel aktar milli tbaxxi għajnejk biex ma żżidlux mal-umiljazzjoni?

 

Iżda l-Ispirtu jgħinna biex ma nħossuniex mitlufin. Jgħallimna nifhmu l-lingwa ta’ Alla, il-lingwa tal-kenosi, Alla li jinżel biex ikun qribna, aħna fejn aħna. It-teologu Ortodoss Christos Yannaras fuq din il-lingwa ta’ Alla jgħidilna, “Il-lingwa tal-kenosi: Ġesù tarbija għeri fil-maxtura; għeri fix-xmara waqt li jitgħammed, bħal qaddej; imdendel mas-siġra tas-salib, għeri, daqslikieku kriminal. B’dan kollu hu wera biċ-ċar imħabbtu għalina.”

 

Xħin nidħlu f’dan il-misteru ta’ grazzja, inkunu nistgħu nħarsu mill-ġdid lejn il-ġisem mimli feriti ta’ Ġesù. U nkunu nistgħu nibdew nintebħu b’dak li għajnejna waħidhom ma jistgħux jaraw: l-għera tiegħu tiddi bl-istess dija li ħarġet minn ħwejġu fil-mument tat-Trasfigurazzjoni.

 

Dawl li jirbaħ kull dlam.

 

Dawl irresistibbli tal-imħabba li tibqa’ sal-aħħar.

 

Id-Disa’ Stazzjon: Ġesù Msallab

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu." (Lq23:33-34)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija:

Għas-saħħa tagħna waqa' l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna  l-fejqan tagħna. (Is53:5)

 

Meditazzjoni

 

Alla verament jinsab hemm fejn suppost mhux!

 

L-Iben maħbub, il-Qaddis ta’ Alla, huwa dak il-ġisem espost fuq is-salib tal-mistħija, abbandunat fid-diżunur, bejn żewġ ħallelin. Bniedem mimli uġiegħ, li ta’ min jitbiegħed minnu; ngħidu l-verità, bħalma nitbiegħdu minn ħafna bnedmin bla sura li niltaqgħu magħhom fit-toroq tagħna.

 

Il-Verb ta’ Alla, li fih kollox inħoloq, issa mhu xejn għajr ġisem silenzjuż u sofferenti. Il-krudeltà tagħna l-bnedmin infexxet fih, u rebħet.

 

Iva, Alla jinsab hemm fejn suppost mhux u fejn, xorta waħda, aħna tant għandna bżonn li jkun!

 

Ġie biex jaqsam ħajtu magħna. “Ħudu!” qal bla waqfien, waqt li offra l-fejqan lill-morda, il-maħfra lill-qlub ittormentati, ġismu waqt l-ikla tal-Għid.

 

Iżda sab ruħu f’idejna, f’territorju ta’ mewt u vjolenza: dik li tħallina bla kliem meta naraw dak li qed jiġri attwalment fid-dinja; u dik li tinsab f’kull wieħed minna. Dan kienu jafuh sewwa il-monaċi maqtulin f’Tibhirine, li mat-talba, “Neħħilhom l-armi,” żiedu s-supplika, “u neħħihom lilna!”

 

Kien hemm bżonn li l-ħlewwa ta’ Alla żżur l-infern tagħna, kien l-uniku mod biex jeħlisna mill-ħażen.

 

Kien hemm bżonn li Ġesù Kristu jwassal it-tjubija bla qies ta’ Alla fil-qalba tad-dnub tad-dinja.

 

Kien hemm bżonn li jseħħ dan biex, meta mqabbla mal-ħajja ta’ Alla, il-mewt taqa’ lura u ċċedi, bħal għadu li sab lil min hu aqwa minnu u għeb fix-xejn.

 

L-Għaxar Stazzjon: Ġesù Mgħoddi biż-Żmien fuq is-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Il-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla!" Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!" Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan tal-Lhud.' Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: "Int m'intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna." (Lq23:35-39)

 

U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż." […] "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li […] [l-anġli] fuq idejhom jerfgħuk." (Lq4:3, 9-11)

 

Meditazzjoni

 

Ġesù, kieku ried, ma setax jinżel minn fuq is-salib? Bilkemm nissugraw nistaqsuha lilna nfusna din il-mistoqsija: l-Evanġelju ma jpoġġihiex fuq xufftejn dawk li ma jemmnux?

 

Madankollu tibqa’ hemm f’moħħna, għaliex għadna nagħmlu parti mid-dinja tat-tentazzjonijiet, dawk li Ġesu’ ltaqa’ magħhom fl-erbgħin jum fid-deżert, preludju u bidu tal-ministeru tiegħu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż, inxteħet minn hawn għal isfel, għax Alla jħares lill-maħbubin tiegħu.” Iżda sakemm, mgħammdin bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, nimxu warajh fit-triq it-tajba, it-tiġrib tax-Xitan m’għandux iktar setgħa fuqna, jisfa fix-xejn, il-qerq tiegħu mikxuf.

 

B’dan il-mod naraw il-bżonn ta’ dik il- “Ma kellux il-Messija jbati?” (Lq24:26) li Ġesù qagħad jispjega, b’tant paċenzja u ħrara, lil dawk li kienu mexjin fit-triq lejn Emmaus.

 

“Ma kellux” Kristu jidħol f’din is-sitwazzjoni ta’ ubbidjenza u impotenza, biex jilħaqna fis-sitwazzjoni ta’ impotenza li fiha qegħdin, minħabba d-diżubbidjenza tagħna?

 

B’dan il-mod nibdew nifhmu li “huwa biss Alla li jbati li jista’ jsalva”, kif kiteb Dietrich Bonhoeffer ftit xhur qabel ma nqatel. Hu li ra b’għajnejh sa fejn setgħet tasal il-qawwa tal-ħażen, seta’ jiġbor, f’din il-verità sempliċi u tant qawwija, dak li tipprofessa l-fidi Nisranija.

 

Il-Ħdax-il Stazzjon: Ġesù u Ommu Marija

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek." Imbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. (Ġw19: 25-27)

 

Meditazzjoni

 

Anki Marija waslet fi tmiem il-mixja tagħha. Wasal dak il-jum li dwaru kellimha x-xwejjaħ Xmun. Meta kien għolla, b’idejh jitriegħdu, lit-tfajjel u meta r-ringrazzjament tiegħu beda jitwal u żied kliem misterjuż, li kienu jinsġu flimkien niket u tama, uġiegħ u fidwa.

 

“Ara,” qal, “dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Israel; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna.” (Lq2:34-35)

 

Kienet diġà l-laqgħa mal-anġlu li wasslet biex tibqa’ tinstema f’qalbha t-tħabbira tal-għaġeb: Alla kien għażel lilha biex jingħata bidu għal dak li kien wiegħed lil Israel, "dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet" (1Kor2:9; ara Is64:3). U hi kienet aċċettat li tieħu sehem f’dan il-pjan divin, li kien se jibda minn ġisimha stess u li mbagħad se timxi miegħu fit-toroq mhux mistennija li minnhom kellu jgħaddi l-iben imwieled mill-ġuf tagħha.

 

Tul il-jiem hekk ordinarji ta’ Nazaret, imbagħad fi żmien il-ħajja pubblika, meta kien hemm bżonn li tħalli l-post għall-familja l-oħra, dik tad-dixxipli, dawk il-barranin li Ġesù kien isejjaħ aħwa u ommijiet. Hi kienet għożżot dan kollu f’qalbha. Kienet fdat kollox fil-paċenzja li ġġib magħha l-fidi.

 

Illum jingħalaq kollox. Il-lanza li tinfed il-kustat ta’ binha, tinfed lil qalbha wkoll. Marija wkoll tgħix il-fidi b’mod sħiħ, l-istess fidi li Ġesù jgħix sal-aħħar billi jobdi lill-Missier.

 

Wieqfa, hi ma titbiegħedx. Stabat Mater. Fid-dlam, imma ċerta, taf li Alla jżomm il-wegħdiet tiegħu. Fid-dlam, imma ċerta, taf li Ġesù hu l-wegħda u t-twettieq tagħha.

 

It-Tnax-il Stazzjon: Ġesù jmut fuq is-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

[Ġesù] qal: "Għandi l-għatx!" Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma' qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: "Kollox hu mitmum!" Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu. […] Meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b'lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b'għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. (Ġw19:28-30, 33-35)

 

Meditazzjoni

 

Kollox hu mitmum. Ġesù għamel dak li kellu jagħmel. Hu ġie mingħand il-Missier biex iwasslilna l-ħniena. Dan wettqu b’fedeltà li waslet sal-aktar punt għoli tal-imħabba. Kollox mitmum. Ġesù jrodd lura ruħu lill-Missier.

 

Minn barra, veru, kollox jidher jintemm fis-silenzju tal-mewt li jaqa’ fuq il-Golgota u fuq it-tlitt islaleb weqfin. F’dan il-jum li fih il-Passjoni tintemm, min għadda minn hemm, x’seta’ jaħseb, jekk mhux li Ġesù safa tellief, il-waqgħa tat-tama li għamlet il-qalb lil ħafna, għamlet kuraġġ lill-forqra, tat dinjità lill-umiljati, u li kkonvinċiet lid-dixxili li kien wasal iż-żmien li fih Alla kien se jżomm il-wegħdiet li kienu tkellmu fuqhom il-profeti? Kollox kien jidher mitluf, imġarraf, spiċċut.

 

Madankollu, f’nofs dan il-qtiegħ il-qalb kollu, Ġwanni l-evanġelista jwassalna biex nitfgħu ħarsitna fuq dettal żgħir u jieqaf fuqu b’mod solenni. Demm u ilma jgelglu mill-kustat tal-Imsallab. Ħaġa tal-għaġeb! Il-ferita miftuħa mil-lanza tas-suldat tħalli joħorġu ilma u demm, li jfakkruna fil-ħajja u fit-twelid.

 

Il-messaġġ hu wieħed moħbi, imma li jfisser ħafna għall-qlub li kapaċi jiftakru. Mill-ġisem ta’ Ġesù tgelgel in-nixxiegħa li l-profeta ra ħierġa mit-Tempju. In-nixxiegħa li tikber u ssir xmara mdaqqsa, li bl-ilma tagħha tagħti l-ħajja lil dak kollu li ssib fi triqitha. Mhuwiex minnu li Ġesù darba qal li ġismu huwa t-tempju l-ġdid? U d-“demm tal-patt” jingħaqad mal-ilma. Mhuwiex minnu li Ġesù ddeskriva lil ġismu u demmu bħala ikel għall-ħajja ta’ dejjem?

 

It-Tlettax-il Stazzjon: Ġesù jitniżżel mis-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

[Ġużeppi minn Arimatea] niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. (Lq23:53)

 

Meditazzjoni

 

Ġesti mimlija għożża u unur għall-ġisem imżeblaħ u umiljat ta’ Ġesù. Xi rġiel u nisa jsibu ruħhom f’riġlejn is-salib. Ġużeppi, minn Arimatea, raġel “tajjeb u ġust” (Lq23:50), li jitlob il-ġisem lil Pilatu, kif jgħid San Luqa; Nikodemu, dak li kien mar għand Ġesù bil-lejl, iżid San Ġwann; u xi nisa li, fidili sal-aħħar, qed jaraw dak li qed jiġri.

 

Il-meditazzjoni tal-Knisja żiedet magħhom lill-Verġni Marija, li ma setgħetx ma kinitx preżenti wkoll f’dan il-mument.

 

Marija, Omm tal-ħniena, li tilqa’ f’idejha il-ġisem li twieled minnha u li miegħu mxiet, bil-ħlewwa, fis-silenzju, tul is-snin, bħalma kull omm tieħu ħsieb lil binha.

 

Issa, qed jagħtuha lura ġisem li sar bla qies, bla qies daqs id-dulur tagħha, bla qies daqs il-ħolqien ġdid, li ġej mill-passjoni u mill-imħabba li nifdu l-qlub tal-iben u tal-omm.

 

Fis-skiet kbir li waqa’ wara li waqaf l-għajjat tas-suldati, iż-żebliħ tan-nies, u l-ħsejjes tat-tislib, il-ġesti issa juru biss ħlewwa u rispett. Ġużeppi jniżżel il-ġisem li jintelaq f’idejh. Igeżwru f’liżar, iqiegħdu f’qabar ġdid, f’post fil-qrib, bħal donnu lest apposta għalih.

 

Ġesù jittieħed minn idejn dawk li qaltuh. Issa, fil-mewt, isib ruħu f’idejn mimlija ħlewwa u kompassjoni.

 

Il-vjolenza tal-qattiela issa tinsab ’il bogħod. Fejn seħħ il-qtil, issa reġgħet sabet postha l-ħlewwa.

 

Il-ħlewwa ta’ Alla u ta’ dawk li huma tiegħu, dawk il-qlub umli li Ġesù kien wiegħedhom li tagħhom kienet se tkun l-art kollha. Ħlewwa li ssib il-bidu tagħha fil-ħolqien, speċjalment dak tal-bniedem xbieha ta’ Alla. Ħlewwa sat-tmiem, meta ħadd ma jxerred dmugħ iktar, meta l-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, għaliex kulħadd ikun għaraf lill-Mulej. (ara Is11:6, 9)

 

L-Erbatax-il Stazzjon: Ġesù fil-Qabar u n-Nisa

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù marru wara Ġużeppi u raw  il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond  il-preċett tal-Liġi. (Lq23:55-56)

 

Meditazzjoni

 

In-nisa telqu. Dak li kienu mxew miegħu, b’kuraġġ u premura, fit-toroq tal-Galijia, ma kienx għadu magħhom. Lilhom dik il-lejla ma ħalla xejn x’jagħmlilhom kumpanija, ħlief ix-xbieha li se tibqa’ magħhom tal-qabar u tal-liżar fejn issa jinsab mistrieħ. Ir-rikordju umli imma prezzjuż tal-jiem mimlijin fervur issa għeb. Solitudni u silenzju. Wara kollox, riesaq shabbat, u Israel mistieden jieqaf mix-xogħol, bħalma Alla waqaf meta temm il-ħolqien, li seħħ permezz tal-barka tiegħu.

 

Dakinhar seħħ tmiem ieħor; moħbi u imperskrutabbli. Shabbat li fih ma jagħmlu xejn, fil-ġabra tal-qalb u fil-memorja miżgħuda bid-dmugħ. Jippreparaw ukoll il-fwejjaħ li bihom jagħtu l-aħħar tislima lill-ġisem tiegħu, l-għada, filgħodu kmieni.

 

Iżda, b’dak il-ġest, qegħdin biss jippreparaw rwieħhom biex jibbalzmaw it-tama tagħhom? U jekk Alla, bħala risposta għad-devozzjoni tagħhom, ppreparalhom xi ħaġa li qatt ma setgħu jimmaġinaw, jissoponu, jobsru?... Is-sejba ta’ qabar vojt... Il-messaġġ li hu m’għadux hemm, għax ġarraf il-bibien tal-mewt...

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti

minn Rossana Cremona

It-test kollu tal-Ċelebrazzjoni sħiħa jkun fuq il-Laikos aktar tard