|
IR-RIT ORDINARJU TAT-TQARBIN U L-VJATKU TAL-MORDA
MINN MINISTRU STRAORDINARJU
1. Meta l-ewkaristija tittieħed lill-marid minn akkoltu, jew minn ministru straordinarju tat-tqarbin magħżul skont il-liġi, wieħed għandu jimxi skont kif hu mfissr hawn.
2. Lill-morda wieħed jista’ jqarbinhom biss bl-inbid ikkonsagrat, meta ma bl-ostja.
Demm il-Mulej jittieħed lill-marid f’reċipjent magħluq sewwa, biex ma jkunx hemm il-biża li jixxerred. F’kull każ, it-tqarbin tal-marid isir bl-aħjar mod għall-marid minn dawk li hemm imsemmija għat-tqarbin biż-żewġ speċi. Il-Ministru jixrob dak li jifdal wara t-tqarbin, u jippurifika.
Ir-Rit Ordinarju tat-Tqarbin
Ir-Rit tal-Bidu
3. Il-ministru, liebes l-ilbies xieraq għall-ministeru tiegħu jersaq lejn il-marid u jsellimlu u lil dawk li jinsabu madwaru, billi jgħid:
Is-Sliem lil din id-dar u lil kull min igħammar fiha.
4. Il-Ministru jistieden lill-marid u lil kull min jinsab madwaru biex jagħmlu l-att penitenzjli.
Ħuti, nagħrfu ħtijietna biex nitħejjew tajjeb għal din iċ-ċelebrazzjoni qaddisa.
5. U wara ftit mumenti ta’ skiet, kulħadd jagħmel din l-istqarrija:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti: (waqt li jħabbtu fuq sidirhom, igħidu) ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi.
(imbagħad ikomplu):
Għalhekk nitlob lill-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u lill-qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Il-ministru igħid:
Iħenn għalina, Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
u kulħadd iwieġeb: Ammen.
6. Wara ssir ċelebrazzjoni qasira tal-Kelma ta’ Alla.
7. Imbagħad il-ministru jistieden lil kulħadd igħid il-Missierna billi jgħidilhom:
Issa ngħidu flimkien it-talba li għallimna Sidna Ġesù Kristu.
U kulħadd jghid il-Missierna.
8. Il-ministru imbagħad juri s-Sagrament u jgħid:
Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.
Kulħadd flimkien jgħid:
Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taht is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.
9. Il-ministru jersaq lejn il-marid, jurih is-sagrament, u jgħidlu:
Il-Ġisem ta’ Kristu
jew jekk ikun il-każ kif indikat f’paragrafu 2 hawn fuq ...
Id-Demm ta’ Kristu.
Il-marid iwieġeb: Ammen.
u jitqarben.
10. It-tqarbin isir bħas-soltu, u meta jintemm, il-ministru jippurifika bħas-soltu; wara ftit mumenti ta’ skiet, il-mistru jgħid din it-talba:
Nitolbu.
Mulej, Missier Qaddis,
Alla ta’ dejjem u li tista’ kollox,
b’fidi kbira nitolbuk għal dan ħuna (għal din oħtna) (għal dawn ħutna)
agħmel li din it-tqarbina bil-Ġisem (bid-Demm) għażiż
ta’ Sidna Ġesu Kristu
tibqa’ dejjem tiswielu (tiswielha) (tiswielhom)
ta’ ġid fir-ruħ u l-ġisem.
Bi Kristu Sidna. Ammen.
Ir-rit tal-egħluq
11. Fl-aħħar il-ministru jrodd is-salib hu u jitlob il-barka ta’ Alla:
Il-Mulej iberikna, u jeħlisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
jew
Iberikna u jħarisna il-Mulej ħanin li jista’ kollox, il-Missier u l-Iben + u l-Ispirtu s-Santu.
Kulħadd iwieġeb.
Ammen.
Mill-ktejjeb ta' Normi dwar il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin li kienu annessi mad-digriet tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. 26 ta' Ottubru 1988.