Sinteżi tal-Eżortazzjoni Appostolika Postsinodali

“Verbum Domini”

 tal-Papa Benedittu XVI

Maħruġa mill-Vatikan fil-11 ta’ Novembru 2010

 

“Niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla” fil-ħajja personali tal-Knisja u “l-urġenza u l-ġmiel” li nxandruha għas-salvazzjoni tal-umanità bħala “xhieda konvinti u kredibbli tal-Irxoxt”: dan hu fil-qosor il-messaġġ ta’ Benedittu XVI fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini, li tiġbor ir-riflessjonijiet u l-proposti li ħarġu mis-Sinodu tal-Isqfijiet li ltaqa’ l-Vatikan f’Ottubru 2008 fuq it-tema “Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja”. Id-dokument, twil kważi 200 paġna, hu sejħa ħierġa mill-qalb tal-Papa lir-Ragħajja, lill-membri tal-ħajja kkonsagrata u lil-lajċi biex “isiru dejjem iżjed familjari mal-Iskrittura Mqaddsa”, u ma jinsew qatt “li fil-bażi ta’ kull spiritwalità Nisranija awtentika u ħajja hemm il-Kelma ta’ Alla mħabbra, milqugħa, iċċelebrata u mmeditata fil-Knisja” (121).

 

Alla juri lilu nnifsu…

Benedittu XVI jiżviluppa r-riflessjoni tiegħu billi jitlaq mill-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni li jqegħidna quddiem il-misteru ta’ Alla li jikkomunika lilu nnifsu permezz tad-don tal-Kelma tiegħu il-Verb tiegħu ‘sar bniedem’ (Ġw 1:14). Din hija l-Bxara t-tajba” (1). “F’dinja li spiss tara lil Alla bħala żejjed jew barrani, jistqarr,ma teżistix prijorità ikbar minn din: li niftħu mill-ġdid għall-bniedem tal-lum l-aċċess għal Alla, għal Alla li jitkellem u jagħtina mħabbtu biex ikollna l-ħajja bil-kotra” (2).

 

Alla mhuwiex barrani għall-bniedem

Il-Papa jisħaq bil-qawwa kollha li Alla jitkellem u jindaħal fl-istorja għall-ġid tal-bniedem”, u dan jista’ biss jifhem lilu nnifsu u jissodisfa l-aktar xenqat profondi tiegħu jekk jinfetaħ għad-djalogu mal-Ħallieq tiegħu.Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla”, naqraw f’dan id-dokument, “ma teħodhiex kontra l-bniedem, ma tinjorax ix-xewqat l-aktar awtentiċi tiegħu, anzi ddawwalhom, issaffihom u twassalhom għall-milja tagħhom Fi żmienna b’xorti ħażina”, jikteb Benedittu XVI, “xterdet, l-aktar fil-Punent, l-idea li Alla hu barrani għall-ħajja u għall-problemi tal-bniedem u li, anzi, il-preżenza tiegħu tista’ tkun theddida għall-awtonomija tiegħu”. Fir-realtà, “Alla waħdu jista’ jwieġeb għall-għatx li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem!”. Għall-Papa,mill-perspettiva pastorali, hu deċiżiv li nippreżentaw il-Kelma ta’ Alla fil-ħila tagħha li tiddjaloga mal-problemi li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum Il-ħidma pastorali tal-Knisja għandha turi tajjeb kif Alla jagħti widen għall-ħtiġijiet tal-bniedem u għall-karba tiegħu biex joffrilu l-milja tal-ferħ etern” (22-23). F’dan is-sens importanti nedukaw lill-fidili biex jagħrfu l-għeruq tad-dnub li hemm fin-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma tal-Mulej u f’Ġesù, il-Verb ta’ Alla, jilqgħu l-maħfra li tiftħilna qalbna għas-salvazzjoni” (26).

 

Il-Kristjaneżmu, “reliġjon tal-Kelma ta’ Alla”

Waqt li jfakkar fl-iżvilupp ewlieni li wettaq il-Konċilju Vatikan II biex erġajna skoprejna l-importanza tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja (3), id-dokument jagħfas ħafna fuq il-qima kbira lejn l-Iskrittura Mqaddsa, imqar jekk il-fidi Nisranija mhijiex ‘reliġjon tal-Ktieb’: il-Kristjaneżmu hu r-‘reliġjon tal-Kelma ta’ Alla’, mhux ta’ ‘kelma miktuba u muta, imma tal-Verb inkarnat u ħaj’” (7) li fid-dawl tagħha jiġi ċċarat darba għal dejjem il-misteru tal-qagħda umana” (6). Fil-fatt, Ġesù Kristu huwa l-Kelma definittiva ta’ Alla”: għalhekk “ma għandna nistennew l-ebda rivelazzjoni pubblika oħra qabel id-dehra glorjuża ta Sidna”. F’dan id-dawl jeħtieġ ngħinu lill-fidili jagħżlu tajjeb il-Kelma ta’ Alla mir-rivelazzjonijiet privati”, li r-rwol tagħhom mhux li… ‘jagħmlu iktar sħiħa’ r-Rivelazzjoni definittiva ta’ Kristu, imma li jgħinu biex wieħed jgħixha b’mod iżjed sħiħ f’xi żmien tal-istorja tal-bniedem”. Ir-rivelazzjoni privata higħajnuna, offruta, imma li m’aħniex obbligati nużawha” (14).

 

Il-Kelma ta’ Alla mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu…

B’riferenza għall-interpretazzjoni xierqa tal-Kelma, il-Papa jisħaq li ma nistgħux nifhmu tassew ir-Rivelazzjoni Nisranija ’l barra mill-azzjoni tal-Paraklitu” (15), kif jgħid San Ġlormu: “ma nistgħux naslu biex nifhmu l-Iskrittura mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nebbaħha” (16); dan hu għarfien li jikber maż-żmien, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, grazzi għat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u għall-Maġisteru, li għandu d-dmir li jinterpreta awtentikament il-Kelma ta’ Alla miktuba jew imwassla” (33). “Il-post oriġinali tal-interpretazzjoni tal-Iskrittura hu l-ħajja tal-Knisja”, ladarba “l-ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu” (29); mill-bqija, dejjem San Ġlormu jfakkar li ma nistgħu qatt naqraw l-Iskrittura waħidna. Sa nsibu wisq bibien magħluqa u faċilment niżolqu fl-iżball” (30).

 

L-għaqda taż-żewġ livelli interpretattivi tal-Kelma ta’ Alla

Il-Papa jgħarbel il-qagħda attwali tal-istudji bibliċi, u jurina li mir-relazzjoni għammiela bejn eseġesi u teoloġija tiddependi l-parti l-kbira tal-effikaċja pastorali tal-azzjoni tal-Knisja u tal-ħajja spiritwali tal-fidili” (31). Jagħraf il-kontribut importanti mogħti mill-eseġesi storika-kritika u minn metodi oħra (32), imma jfakkar fir-riskju serju li fi żmienna jinħoloq duwaliżmu bejn eseġesi u teoloġija: minn naħa, eseġesi li tillimita ruħha għall-metodu storiku-kritiku, u ssir ermenewtika sekularizzata”, fejn kollox jirriduċi ruħu għall-element uman”, sa ma jasal biex jiċħad l-istoriċità tal-elementi divini”; min-naħa l-oħra, teoloġija li xxaqleb lejn spiritwalizzazzjoni tas-sens tal-Iskrittura li ma tirrispettax il-karattru storiku tar-Rivelazzjoni”. Il-Papa jawgura li jkun hemm l-għaqda taż-żewġ livelli” interpretattivi, li qabelxejn bilfors titlob “armonija bejn il-fidi u r-raġuni”, hekk li l-fidi ma taqa’ qatt f’fideiżmu”, bil-konsegwenza ta’ qari fundamentalista tal-Bibbja, u raġuni li turi li hi miftuħa u ma tirrifjutax sa minn qabel dak kollu li jmur lil hemm minn fejn tista’ tasal hi” (33-36). Għalhekk Benedittu XVI jesprimi t-tama tiegħu li fil-qasam tal-interpetazzjoni tat-testi sagri t-tiftix jista’ joktor”, biex iġib frott għax-xjenza biblika u għall-ħajja spiritwali tal-fidili” (19), u fl-istess waqt li jista’ jitwessa’ d-djalogu bejn Ragħajja, eseġeti u teologi (45) fl-għarfien li, f’dan il-qasam, it-Tradizzjoni Mqaddsa, l-Iskrittura Mqaddsa u l-Maġisteru tal-Knisja, b’dispożizzjoni l-aktar għarfa ta’ Alla huma hekk marbutin u magħqudin flimkien li ma jistgħux jeżistu indipendentement” (47).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-ħajja

Jisħaq ukoll li l-Iskrittura tista’ tifhimha biss jekk tgħixha” (47): fil-fatt l-interpretazzjoni l-aktar profonda tal-Iskrittura… tiġi sewwasew minn dawk li ħallew il-Kelma ta’ Alla tagħġinhom”, il-qaddisin. “Meta noqogħdu fl-iskola tagħhom inkunu qed nimxu fi triq żgura lejn ermenewtika ħajja u effikaċi tal-Kelma ta’ Alla” (48-49). U xħin jirriferi għal Marija, “il-figura tal-Knisja li tisma’ l-Kelma ta’ Alla li fiha titlaħħam”, il-Papa jsejjaħ “lill-istudjużi biex jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni bejn il-Marjoloġija u t-Teoloġija tal-Kelma” (27).

 

Il-Kelma ta’ Alla, l-ekumeniżmu u d-djalogu interreliġjuż

Id-dokument jisħaq ukoll fuq iċ-ċentralità tal-istudji bibliċi fid-djalogu ekumeniku”, u japprezza l-promozzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ekumeniċi tal-Kelma ta’ Alla”, għax is-smigħ komuni tal-Iskrittura jwassal għad-djalogu tal-imħabba u jkattar dak tal-verità” (46). Il-Papa, waqt li jtenni li r-rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim tibqa’ tgħodd għalina l-Insara għax hi Kelma ta’ Alla, jisħaq li l-għeruq tal-Kristjaneżmu jinsabu fit-Testment il-Qadim u l-Kristjaneżmu jixrob dejjem minn dawn l-għeruq” (40). Minn hawn toħroġ ir-rabta partikulari… bejn l-Insara u l-Lhud, rabta li ma għandha qatt tintesa u li għandha twassal lill-Insara għal atteġġjament ta’ rispett, ta’ stima u ta’ mħabba għall-poplu Lhudi”. “Nixtieq nisħaq mill-ġdid”, jikteb Benedittu XVI, “kemm hu prezzjuż għall-Knisja d-djalogu mal-Lhud” (43). Min-naħa l-oħra, bħala parti essenzjali mit-tħabbira tal-Kelma, il-Knisja tagħraf il-laqgħa, id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, b’mod partikulari mal-persuni li ġejjin mid-diversi tradizzjonijiet reliġjużi tal-umanità, waqt li tevita kull xorta ta’ sinkretiżmu u ta’ relattiviżmu” (117). Waqt li jisħaq li l-Knisja tħares bi stima kbira lejn il-Musulmani, li jagħrfu l-eżistenza ta’ Alla wieħed”, is-Sinodu jawgura l-iżvilupp tad-djalogu msejjes fuq fiduċja reċiproka, fl-approfondiment ta’ valuri bħalma huma r-rispett tal-ħajja”, “id-drittijiet inaljenabbli tal-mara u tar-raġel u d-dinjità tagħhom indaqs”, u mhux b’inqas is-sehem tar-reliġjonijiet b’risq il-ġid komuni, huma u jżommu quddiem għajnejhom “id-distinzjoni bejn l-ordni soċjopolitiku u l-ordni reliġjuż” (118). Għalhekk il-Papa jesprimi r-rispett tal-Knisja għar-reliġjonijiet u t-tradizzjonijiet spiritwali l-qodma tad-diversi kontinenti”, li jiġbru fihom valuri li jistgħu jiffavorixxu bil-kbir il-ftehim bejn il-persuni u l-popli” (119). Madankollu, huwa jisħaq,id-djalogu ma jistax iħalli frott jekk ma jinkludix fih… il-libertà li jistqarru r-reliġjon tagħhom fil-privat u fil-pubbliku, kif ukoll il-libertà tal-kuxjenza” (120).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Liturġija

Imbagħad id-dokument jaffronta r-rabta li teżisti bejn il-Kelma ta’ Alla u l-Liturġija: “dan hu l-post ipprivileġġjat”, naqraw, “fejn Alla… ikellem illum lill-poplu tiegħu, li jagħti widen u jwieġeb”;meta fil-Knisja jinqraw il-Kotba Mqaddsa” huwa Kristu nnifsu li jitkellem” (52). Madankollu, jeħtieġ nedukaw lill-fidili biex jifhmu l-għaqda li hemm bejn Kelma u Sagrament fil-ministeru tal-Knisja. Fil-fatt, “fir-relazzjoni bejn Kelma u ġest sagramentali tidher f’għamla liturġika l-azzjoni ta’ Alla nnifsu fl-istorja permezz tal-karattru performattiv tal-Kelma nfisha. Fil-fatt, fl-istorja tas-salvazzjoni m’hemmx firda bejn dak li Alla jgħid u jagħmel… Bl-istess mod, fl-azzjoni liturġika aħna ninsabu quddiem il-Kelma tiegħu li twettaq dak kollu li tgħid” (53). Il-Papa jerġa’ jsejjaħ biex “jiġi kkurat iktar ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla”: il-letturi “jkunu tabilħaqq idonji u mħejjija b’impenn. Din it-tħejjija għandha tkun kemm biblika u kemm liturġika, kif ukoll teknika” (58). Imbagħad isejjaħ ukoll biex intejbu l-kwalità tal-omeliji: “Għandhom jevitaw omeliji ġeneriċi u astratti, li jdallmu s-sempliċità tal-Kelma ta’ Alla, kif ukoll żvijar bla siwi li jirriskja li aktar jiġbed l-attenzjoni fuq il-predikatur milli fuq il-qalba tal-messaġġ tal-Evanġelju. Għandu jkun ċar għall-fidili li dak li hu għal qalb il-predikatur hu li jurihom lil Kristu, li għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull omelija” (59). Il-Papa għalhekk itenni kemm hu importanti li jkun hemm Direttorju omeletiku “biex jgħin lill-ministri jiżvolġu dmirhom bl-aħjar mod” (60). Fid-dokument jesprimi wkoll ix-xewqa li l-Liturġija tas-Sigħat “tixtered iżjed fost il-Poplu ta’ Alla, speċjament it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u l-Għasar. Dan ma jistax ma jżidx fost il-fidili l-familjarità mal-Kelma ta’ Alla” (62).

 

Il-Kelma ta’ Alla u s-skiet

Waqt li jfakkar li dwar dan is-suġġett mhux wieħed jew tnejn kienu l-interventi tal-Padri Sinodali”, il-Papa jisħaq fuq il-valur tas-skiet fiċ-ċelebrazzjonijiet; fil-fatt, “il-kelma tista’ tiġi mlissna u mismugħa biss fis-skiet, kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Iż-żminijiet tagħna ma tantx jgħinu għall-ġabra u xi drabi l-impressjoni hi li kważi nibżgħu ninqatgħu, imqar għal waqt wieħed biss, mill-għodda ta’ komunikazzjoni tal-massa. Għalhekk illum jeħtieġ nedukaw lill-Poplu ta’ Alla fil-valur tas-skiet” (66). Imbagħad insibu xi eżortazzjonijiet: “ma nittraskuraw qatt l-akustika, f’rispett lejn in-normi liturġiċi u arkitettoniċi” biex “jgħinu iktar l-attenzjoni tal-fidili” (68); “il-qari meħud mill-Iskrittura Mqaddsa m’għandhom qatt jeħdulu postu testi oħra, ikunu kemm ikunu sinifikattivi mill-perspettiva pastorali jew spiritwali” (69); il-preferenza tkun għal kant b’ispirazzjoni biblika ċara li jista’ jesprimi, “permezz tal-fehma waħda fil-kliem u l-mużika, il-ġmiel tal-Kelma divina”. Hawnhekk ifakkar ukoll fl-importanza tal-kant Gregorjan (70); fl-aħħar nett, jirrakkomandaattenzjoni partikulari għall-persuni neqsin mill-viżta u mis-smigħ (71).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Iskrittura Mqaddsa

Il-Papa, flimkien mal-Padri Sinodali, jesprimi x-xewqa qawwija li jwarrad “staġun ġdid ta’ mħabba ikbar għall-Iskrittura Mqaddsa min-naħa tal-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla, biex hekk mill-qari tagħha fit-talb u b’fedeltà tul iż-żmien huma jistgħu jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni tagħhom mal-istess persuna ta’ Ġesù” (72). Jitlob li nkattru l-pastorali biblika”, li tiswa wkoll biex inwieġbu għall-fenomenu tat-“tifrix ta’ setet, li qed ixerrdu qari mgħawweġ u qarrieq tal-Iskrittura Mqaddsa”, u biex ngħixu fit-“tixrid ta’ komunitajiet żgħar… fejn nistgħu nippromovu l-formazzjoni, it-talb u l-għarfien tal-Bibbja skont il-fidi tal-Knisja” (73). Hemm bżonn ta’ formazzjoni xierqa tal-Insara u, b’mod partikulari, tal-katekisti”, b’attenzjoni għall-appostolat bibliku” (75). Il-Poplu kollu ta’ Alla, ibda mill-isqfijiet, għandu jerġa’ jdur għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Il-Papa jesprimi gratitudni partikulari għall-monaċi u s-sorijiet tal-klawsura li bil-ħajja tagħhom ta’ talb, ta’ smigħ u ta’ meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, ifakkruna li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (83).

 

Il-Bibbja f’kull dar

Imbagħad, fejn jidħlu l-familji, “is-Sinodu jawgura li kull dar ikollha l-Bibbja tagħha u tieħu ħsiebha b’mod dinjituż, biex tista’ taqraha u tużaha għat-talb”. Hekk juri l-kontribut tal-ġenju femminili fl-istudji bibliċi, kif ukoll ir-rwol indispensabbli tan-nisa fil-familja, fl-edukazzjoni, fil-katekeżi u fit-trażmissjoni tal-valuri”. Id-dokument jistieden għall-prattika tal-lectio divina u biex nippromovu t-talb Marjan bħar-Rużarju u l-Anġelus “bħala għajnuna biex nimmeditaw il-misteri mqaddsa li tirrakkonta l-Iskrittura”. Jikkwota wkoll “xi talbiet qodma tal-Lvant Nisrani” bħall-innijiet Marjani tal-Akathistos u tal-Paraklesis (78-88).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-missjonarjetà

Il-Papa għalhekk jisħaq bil-qawwa fuq is-sejħa li għamel is-Sinodu biexinħeġġu aktar fil-Knisja l-kuxjenza missjunarja”, fl-għarfien li “dak li hu rivelat fi Kristu hu tabilħaqq is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha”: “il-bniedem għandu bżonn tat-‘Tama l-kbira’ biex jista’ jgħix il-preżent tiegħu, it-tama l-kbira li hi ‘dak Alla li għandu wiċċ ta’ bniedem u li ħabbna sal-aħħar (Ġw 13:1)’. Għalhekk, fl-essenza tagħha l-Knisja hija missjunarja. Ma nistgħux inżommuh għalina l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem li aħna rċivejna fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu: dan il-kliem huwa għal kulħadd, għal kull bniedem. Kull persuna ta’ żmienna, taf jew ma tafx, għandha bżonn ta’ din il-bxara… Issa hi r-responsabbiltà tagħna li ngħaddu lil ħaddieħor dak li, bi grazzja, aħna stess irċivejna” (91-92). “Għalhekk, il-missjoni tal-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala realtà fakultattiva jew miżjuda mal-ħajja tagħha… Hawn m’aħniex nitkellmu fuq it-tħabbira ta’ kelma li tfarraġ, imma li taħsad, li ssejjaħ għall-konverżjoni, li tiftaħ it-triq għal-laqgħa mal-Mulej, li permezz tagħha twarrad umanità ġdida” (93). Jisħaq li l-missjoni tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla hi dmir tal-imgħammdin kollha. “L-ebda bniedem li jemmen fi Kristu ma jista’ jħossu barrani għal din ir-responsabbiltà”. “Dan l-għarfien għandu jkun xprunat f’kull familja, parroċċa, komunità, għaqda u moviment ekkleżjali”. B’mod partikulari, is-Sinodu jagħraf “bi gratitudni li l-movimenti ekkleżjali u l-komunitajiet il-ġodda huma, fil-Knisja, forza kbira ta’ evanġelizzazzjoni f’dan iż-żmien, li jwasslu għall-iżvilupp ta’ xejriet ġodda ta’ tħabbira tal-Evanġelju” (94). “Bl-ebda mod”, naqraw fid-dokument, “il-Knisja ma tista’ tillimita ruħha għal ħidma pastorali ta’ ‘manteniment’, għal dawk li diġà jafu l-Evanġelju ta’ Kristu. Il-ħeġġa missjunarja hi sinjal ċar tal-maturità ta’ komunità ekkleżjali”. “It-tħabbira għandha tkun espliċita”: “il-Knisja għandha tmur għand kulħadd bil-qawwa tal-Ispirtu (ara 1 Kor 2:5) u tissokta profetikament tiddefendi l-jedd u l-libertà tal-persuni li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, billi tfittex mezzi iktar b’saħħithom biex ixxandarha, imqar bir-riskju tal-persekuzzjoni. Ma’ kulħadd il-Knisja tħossha midjuna biex ixxandarlu l-Kelma li ssalva”: lill-bosta popli li sal-lum għadhom ma jafux biha u lil dawk kollha li “għandhom bżonn li tixxandar mill-ġdid lilhom b’mod persważiv” minn xhieda kredibbli tal-Evanġelju”. Il-Papa jdur kommoss bil-ħsieb tiegħu lejn dawk kollha ppersegwitati minħabba fi Kristu, lejn “tant ħutna li mqar f’din l-epoka tagħna taw ħajjithom biex iwasslu l-verità tal-imħabba ta’ Alla li dehret lilna fi Kristu mislub u rxoxt”. B’mod partikulari, jikteb Benedittu XVI, “inħossuna hekk qrib bl-imħabba u s-solidarjetà tagħna lejn il-fidili ta’ dawk il-komunitajiet Insara kollha, b’mod partikulari fl-Asja u fl-Afrika, li fi żmienna qed jirriskjaw ħajjithom jew l-emarġinazzjoni soċjali minħabba l-fidi… Fl-istess ħin, ma nehdew qatt ngħollu leħinna biex il-gvernijiet tan-nazzjonijiet jiggarantixxu lil kulħadd il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, anki li kulħadd ikun jista’ jagħti xhieda tal-fidi tiegħu pubblikament” (95-98).

 

Il-Kelma ta’ Alla u d-dinja tal-lum

Barra minn hekk, Benedittu XVI jfakkarna li s-smigħ tal-Kelma ma jwassalx lill-bniedem għal ħarba mid-dinja imma biex jinvolvi ruħu iktar fiha “biex jagħmel id-dinja iżjed ġusta u post li hu iżjed ta’ min jgħix fih. Hija l-istess Kelma ta’ Alla li tikkundanna b’mod ċar l-inġustizzji u tippromovi s-solidarjetà u l-ugwaljanza”. “L-impenn b’risq il-ġustizzja u t-trasformazzjoni tad-dinja hu kostituttiv għall-evanġelizzazzjoni”. “Bla dubju”, itenni, “mhuwiex obbligu dirett tal-Knisja li toħloq soċjetà iżjed ġusta, anki jekk għandha d-dritt u d-dmir li tintervieni dwar il-kwistjonijiet etiċi u morali li jolqtu l-ġid tal-persuni u tal-popli. Hu fuq kollox dmir tal-fidili lajċi, edukati fl-iskola tal-Evanġelju, li jsemmgħu leħinhom direttament fl-azzjoni soċjali u politika” billi jippromovu “d-drittijiet umani ta’ kull persuna, imsejsa fuq il-liġi naturali miktuba fil-qalb tal-bniedem, u li bħala tali huma ‘universali, ma jistgħux jinkisru u li fl-ebda mod ma jista’ jiġi mċaħħad minnhom’”. Il-Kelma ta’ Alla hija wkoll “għajn ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ sliem”. “Għal darba’oħra”, jistqarr il-Papa, “nixtieq intenni li r-reliġjon ma tista’ qatt tiġġustifika l-intollerenza jew il-gwerer. Ma nistgħux nużaw il-vjolenza f’isem Alla! (99-103).

 

Id-dokument imbagħad jaffronta l-kwistjoni tat-tħabbira liż-żgħażagħ, lill-migranti, lil dawk li qed ibatu u lill-foqra. L-attenzjoni għad-dinja taż-żgħażagħ “titlob il-kuraġġ ta’ tħabbira ċara… huma għandhom bżonn ta’ xhieda u ta’ għalliema, li jimxu magħhom u jmexxuhom biex iħobbu u huma stess imbagħad jgħaddu l-Evanġelju fuq kollox lil sħabhom tal-istess età tagħhom, u hekk isiru huma nfushom ħabbara awtentiċi u kredibbli”.

 

Il-movimenti migratorji “joffru possibbiltajiet imġedda għat-tixrid tal-Kelma ta’ Alla. Għal dan il-għan, il-Padri Sinodali affermaw li l-migranti għandhom il-jedd li jisimgħu l-kérygma, li tiġi proposta lilhom, u mhux imposta fuqhom. Jekk huma Nsara, għandhom bżonn ta’ għajnuna pastorali xierqa biex issaħħaħ il-fidi”. Isejjaħ imbagħad għall-qrubija lejn dawk li qed ibatu: “dawn iċ-ċirkustanzi huma misterjożament ‘imħaddna’ mill-ħlewwa ta’ Alla. Il-fidi li titwieled mil-laqgħa mal-Kelma divina tgħinna nżommu li l-ħajja umana hi denja li ngħixuha fil-milja tagħha mqar meta jkollha tħabbat wiċċha mal-ħażen”. Fl-aħħar nett, il-foqra: “id-djakonija tal-karità, li m’għandha qatt tonqos fil-Knejjes tagħna, għandha dejjem tkun marbuta mat-tħabbira tal-Kelma u maċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa… Il-Knisja ma tistax tiddeludi lill-foqra: ‘Ir-ragħajja huma msejħa jagħtuhom widen, jitgħallmu minnhom, idawluhom fil-fidi tagħhom u jimmotivawhom biex ikunu dawk stess li jsawru l-istorja tagħhom’”. Hekk jesprimi wkoll ir-rabta bejn is-smigħ tal-Kelma u l-ħarsien tal-Ħolqien (104-108).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-evanġelizzazzjoni tal-kulturi

Id-dokument jagħmel sejħa għal “laqgħa mġedda bejn il-Bibbja u l-kulturi”: “nixtieq intenni lill-operaturi kulturali kollha”, jikteb il-Papa, “li m’għandhomx minn xiex jibżgħu jekk jinfetħu għall-Kelma ta’ Alla; hi qatt mhi se teqred il-vera kultura, imma ssir tħeġġiġa kostanti għat-tiftix ta’ espressjonijiet umani dejjem iżjed xierqa u sinifikattivi”. Barra minn hekk, “jeħtieġ nirkupraw it-tifsira sħiħa tal-Bibbja bħala kodiċi kbir għall-kulturi”. Jawgura wkoll il-promozzjoni tal-għarfien tal-Bibbja fl-iskejjel u l-universitajiet, billi “negħlbu kull preġudizzju antik u ġdid”. Jesprimi l-apprezzament, l-istima u l-ammirazzjoni tal-Knisja kollha għall-artisti nnamrati mill-ġmiel”, li ħallew it-testi sagri jnebbħuhom, “biex b’xi mod jgħinuna naqraw fiż-żmien u fl-ispazju r-realtajiet inviżibbli u eterni”. Iħeġġeġ għal “impenn usa’ u iktar kwalifikat” fid-dinja tal-midja biex jista’ “joħroġ il-wiċċ ta’ Kristu u jinstema’ leħnu”. B’mod partikulari, jisħaq fuq ir-rwol dejjem jikber tal-internet, “li hu forum ġdid li fih għandna nħallu jidwi l-Evanġelju, fl-għarfien, imma, li d-dinja virtwali ma tista’ qatt tieħu post id-dinja reali” (109-113).

 

Xħin jitkellem fuq l-evanġelizzazzjoni tal-kulturi, il-Papa josserva li l-Kelma ta’ Alla għandha “karattru profondament interkulturali, kapaċi tiltaqa’ ma’ kulturi differenti minn xulxin u tlaqqagħhom flimkien”; imma “m’għandniex inħalltuha ma’ proċessi ta’ adattament superfiċjali u lanqas mal-konfużjoni sinkretista li ġġib fix-xejn l-oriġinalità tal-Evanġelju biex tagħmlu iktar aċċettabbli b’mod faċli” (114).

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida

Il-Kelma divina… tmur lil hinn mil-limiti tal-kulturi partikulari billi toħloq komunjoni bejn id-diversi popli” u tistedinna “nersqu lejn komunjoni usa’… tabilħaqq universali” li “torbotna lkoll flimkien, tgħaqqad lil kulħadd, tagħmilna lkoll aħwa” (114-116)

 

Iż-żmien tagħna, jagħlaq il-Papa, “għandu jsir dejjem iżjed iż-żmien ta’ smigħ ġdid tal-Kelma ta’ Alla u ta’ evanġelizzazzjoni ġdida”, għax “illum ukoll Ġesù Rxoxt qed jgħidilna: ‘Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu’ (Mk 16:15)”. “Aħna u nxandru l-Kelma ta’ Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nixtiequ nikkomunikaw ukoll l-għajn tal-veru ferħ, mhux ta’ ferħ tal-qoxra u li jgħaddi malajr, imma ta’ dak li joħroġ mill-għarfien li l-Mulej Ġesù biss għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:68) (121-124).

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.