Home          |          Email          |          Blog          |         Librerija          |                                                                                                         Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

        

IS-SIEGĦA TA’ ĠESÙ

(Riferenzi fl-Evanġelju skont San Ġwann)

Għalkemm fl-evanġelji sinottiċi, dawk skont San Mattew, San Mark u San Luqa nsibu xi refernzi għas-Siegħa ta’ Ġesù, madankollu huwa fl-evanġelju skont San Ġwann li din il-frażi toħroġ l-importanza tagħha.

L-ewwel darba li f’dan l-evanġelju Ġesù jsemmi s-siegħa tiegħu huwa waqt it-tieġ f’Kana tal-Galileja, meta Ommu tiġbidlu l-attenzjoni li l-għarajjes kien naqashom l-inbid.  It-tweġiba ta’ Ġesù f’dan il-kuntest, li s-siegħa tiegħu kienet għada ma waslitx, jista’ forsi jwassal lil min jifhem li bħal donnu kien hemm xi jum u siegħa stabilitti li qabel jaslu, Ġesù ma setgħax iwettaq mirakli. Iżda meta wieħed jifli d-drabi l-oħra li fihom jew Ġesù nnifsu, inkella l-Evanġelista jsemmu s-siegħa ta’ Ġesù, allura mill-ewwel joħroġ ċar li dak li ried jgħid Ġesù lil ommu kellu tifsira ferm aktar profonda.

Is-siegħa li Ġesù tant drabi rrefera għaliha kienet is-siegħa tal-glorja, meta l-Missier nnifsu kien se jagħti glorja lill-Ibnu (Ġw 17:1).  Forsi ma nkunux eżatti jekk ngħidu li l-għan aħħari kien is-salib, għaliex fidi f’salib bla qawmien hija waħda fiergħa. (1 Kor 15:14)  Is-siegħa li għaliha tant ixxennaq Ġesù, kienet dik li fiha huwa kellu jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier. (Ġw 13:1)  F’dan id-dawl, il-ġrajja tal-Kalvarju tintrabat ma’ dak li seħħ fit-tielet jum fl-esperjenza tal-qabar vojt u f’dik ta' erbgħin jum wara fit-tlugħ tal-Mulej lura għand il-Missier.

Hawn taħt jidhru s-siltiet kollha mill-evanġelju skont San Ġwann, fejn insibu referenza għas-siegħa ta’ Ġesù, minn dakinhar tal-ewwel sinjal tiegħu f’Kana tal-Galileja, meta jgħid lill-Ommu li s-siegħa tiegħu għadha ma waslitx, sa dakinhar ta’ l-aħħar ċena meta huwa jgħid jiddikkjara, “Missier, waslet is-siegħa.”

[Ġw:2:4] U Ġesù qalilha: "X'hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx."

[Ġw:4:23] Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.

[Ġw:5:25] Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen ta' l-Iben ta' Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu.

[Ġw:7:30] Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

[Ġw:8:20] Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor, huwa u jgħallem  fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

[Ġw:12:23] U Ġesù weġibhom: "Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.  [Ġw:12:24] Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.

[Ġw:12:27] "Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x'naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.

[Ġw:13:1] Qabel il-festa ta' l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.

[Ġw:17:1] Wara li qal dan, Ġesù rafa' għajnejh lejn is-sema u qal: "Missier, waslet is-siegħa.”