SLIEM GĦALIK, SULTANA Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna. Sliem għalik, lilek ingħajtu, aħna, turufnati, ulied Eva. Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. Ejja mela, avukata tagħna; dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena. Urina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa, Verġni Marija.
Mhemmx qbil dwar l-oriġini ta’ din it-talba magħrufa wkoll bħala s-Salve Regina. Hemm min jaħseb li kitibha Pietru ta’ Monsoro, isqof ta’ Compostella li miet madwar tmiem l-ewwel millenju. Oħrajn isostnu li l-awtur huwa Adhémar, isqof ta’ Podium. Żgur li t-talba saret popolari bil-ħidma ta’ Bernardu ta’ Clairvaux u l-Abbati ta’ Cluny matul it-tnax-il seklu. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienet bdiet tiġi użata regolarment saħansitra fil-liturġija, kemm fil-Quddiesa kif ukoll fl-Uffiċjju Divin.
|