Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Strument meħtieġ li bih id-divin jidħol fl-uman, u l-bniedem jieħu sehem iżjed bis-sħiħ fil-ħajja ta’ Alla. ...

 

IS-SALIB

Kitba ta’ Chiara Lubich

(Ħajr lil Fr Roy Galdes)
 


Strument meħtieġ li bih id-divin jidħol fl-uman, u l-bniedem jieħu sehem iżjed bis-sħiħ fil-ħajja ta’ Alla...

“Erfa’ salibek...”

Kliem strambi u uniċi. U anke dawn, bħall-kliem l-oħra ta’ Ġesù, għandhom xi ftit minn dak id-dawl li d-dinja ma tafx bih. Huma kelmiet tant imdawla li bihom l-għajnejn tal-bnedmin, u anke dawk ta’ l-insara bla ħeġġa, jibqgħu mogħmija. Forsi mhemm xejn misterjuż iżjed mis-salib. Huwa diffiċli ħafna biex il-bniedem jifhem is-salib. Ma jistax jidħol fil-moħħ u fil-qalb tal-bniedem! Ma jidħolx għaliex ma nifhmuhx, għaliex ħafna drabi aħna sirna insara ta’ l-isem, insara għax mgħammdin, forsi insara li nipprattikaw xi ftit, imma tant ‘il bogħod minn dak li jrid Ġesù.

Nisimgħu dwar is-salib fir-Randan, inbusuh fil-Ġimgħa l-Kbira, indendluh fil-klassijiet ta’ l-iskola. Bih nibdew u ntemmu xi wħud mill-azzjonijiet tagħna, iżda mhuwiex mifhum. U forsi l-iżball huwa dan: li fid-dinja ma nifhmux x’inhi l-imħabba. IMĦABBA. L-isbaħ kelma, imma l-iżjed kelma deformata u sfigurata li teżisti. L-imħabba Hija l-essenza ta’ Alla, hija l-ħajja ta’ wlied Alla, in-nifs tan-nisrani u saret wirt, monopolju tad-dinja; tinsab fuq ix-xufftejn ta’ dawk li m’għandhomx dritt isemmuha.

Ċertament fid-dinja, mhux l-imħabba kollha hija hekk: hemm l-imħabba ta’ l-omm, per eżempju, li jagħti valur kbir lill-imħabba – għax hemm it-tbatija! Hemm l-imħabba ta’ l-aħwa, l-imħabba bejn il-miżżewġin, l-imħabba lejn l-ulied: imħabba tajba u sabiħa li hi xbieha tal-imħabba tal-Missier. Imma dak li ma nistgħux nifhmu llum hija l-imħabba perfetta: li Alla li ħalaqna, niżel fostna bħala bniedem fost il-bnedmin, għex magħna u baqa’ magħna u ħalla ’l min isallbu ma’ salib għalina biex isalvana.

Din hija ħaġa tant kbira, għolja, tant divina, wisq imdemmija u mimlija tbatija biex nifhmuha. Forsi nistgħu nifhmu xi ħaġa minnha meta naraw l-imħabba ta’ omm. Għax l-imħabba ta’ l-omm mhix karezzi u bews biss, imma fuq kollox hi sagrifiċċju. L-istess Ġesù. L-imħabba wasslitu sas-salib, li għal ħafna jfisser ġenn. Imma kien biss dak il-ġenn li salva l-bnedmin u kien dak il-ġenn li fassal tant qaddisin.

Infatti l-qaddisin huma bnedmin li kapaċi jifhmu s-salib. Bnedmin li, mexjin wara Ġesù, il-Bniedem-Alla, refgħu salibhom kuljum bħala l-iżjed ħaġa prezzjuża li għandhom, ħabbewh ħajjithom kollha, u skoprew li s-salib hu ċ-ċavetta , l-unika ċavetta li tiftaħ teżor, anżi it-teżor. Is-salib jiftaħ bil-mod il-mod ir-ruħ biex tidħol f’komunjoni ma’ Alla. U hekk permezz tal-bniedem, Alla jerġa’ jittawwal fuq id-dinja tagħna, u jerġa’ jagħmel mill-ġdid dak li kien jagħmel meta kien fostna, bniedem fost il-bnedmin: ibierek lil min jisħtu, jaħfer lil min jinsultah, isalva, ifejjaq, jippriedka l-kliem tas-sema, jitma’ lil min hu bil-ġuħ, u jwaqqaf soċjeta’ ġdida.

Insomma, is-salib hu dak l-istrument meħtieġ li bih id-divin jidħol fl-uman u l-bniedem jieħu sehem sħiħ fil-ħajja ta’ Alla, u jogħla ’l fuq mis-saltna ta’ din id-dinja għas-Saltna tas-Sema.

Imma jeħtieġ “li terfa’ salibek”. Kif tqum filgħodu stennieh (is-salib). Għax inti taf li bih biss jaslulna dawk id-doni li d-dinja ma tafx bihom: dik il-paċi, dak il-ferħ, u l-għarfien tal-ħwejjeġ ta-sema, li ħafna ma jafux bihom.

Is-salib…. ħaġa tant komuni. Tant fidil, fis-sens li ma jonqsilna qatt fil-ħajja ta’ kuljum. Biżżejjed għalina li nilqgħuh biex insiru qaddisin.

Is-Salib... is-sinjal tan-nisrani... li d-dinja ma tridx. Għax id-dinja temmen li jekk taħrab is-salib, taħrab it-tbatija. Imma d-dinja ma tafx ħaġa: li s-salib jiftaħ beraħ ir-ruħ ta’ min jifhmu u jimlieha bid-dawl u bl-imħabba.

Is-Salib… sinjal ta’ l-ikbar imħabba. Imħabba vera. U għax hi imħabba vera tweġġagħna u tniggiżna. Għalhekk irridu nneħħuh u naħirbuh! Għax hi l-imħabba li d-dinja tant tfittex, imma ma tistax issib.

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta