Siltiet Patristiċi għat-Tielet Ġimgħa tal-Għid

Magħżula minn Dun Mark Sultana u maqluba għall-Malti mill-Mixja Neo-katekumenali (riprodotti bil-permess)

 

22. Mill-Kumment dwar l-evanġelju skont San Ġwann ta’ Ċirillu ta’ Lixandra, 12

 

Ara b’liema mod Ġesù, billi nifed b’mod mirakoluż il-bibien magħluqa, wera lid-dixxipli li huwa kien Alla min-natura tiegħu, iżda wriehom ukoll li huwa ma kienx differenti minn dak li qabel kien jgħix magħhom: waqt li fil-fatt huwa kixef ġenbu u wriehom is-sinjali fejn kien hemm l-imsiemer, urihom b’mod ċark kif it-tempju ta’ ġismu, li kien imdendel mas-salib, kien ġie mqajjem, minnu stess, mill-imwiet, wara li huwa kien qered il-mewt tal-ġisem. Huwa, mela, huwa l-ħajja fiha nnifisha, jiġifieri Alla.

Tant Ġesù ried li jagħti xhieda tal-qawmien mill-imwiet ġejjieni tal-ġisem illi, hekk kif wasal iż-żmien li jgħaddi bil-ġisem tiegħu għall-glorja sopranaturali li ma tistax tiġi mfissra, illi huwa madankollu, għaliex Alla hekk ried, xorta deher kif kien qabel, sabiex ma jġegħilhomx jaħsbu illi Huwa kellu xi ġisem ieħor, differenti minn dak li kien miet fuq is-salib.

Tifhem malajr illi għajnejna ma kinux ikunu jistgħu iġerrgħu il-glorja tal-ġisem imqaddes tiegħu – ukoll li kieku huwa nnifsu ried jurihielna qabel ma jitla’ għand il-Missier – jekk iġġib quddiem għajnejk it-trasfigurazzjoni li twettqet darba fuq muntanja quddiem id-dixxipli mqaddsa. Fil-fatt, il-hieni evanġelista Mattew kiteb li ħa miegħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tela’ fuq il-muntanja u hemmhekk inbidel quddiemhom: wiċċu sar jiddi bħax-xemx u lbiesu kienu bojod bħas-silġ, tant illi huma, ma felħux iħarsu lejh u waqgħu wiċċhom fl-art.

Bi pjan tiegħu tal-għaġeb il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li kien għadu ma wasalx għall-glorja li kienet tiegħu bi dritt u li kienet taqbel mat-tempju tiegħu mibdul, issa deher taħt l-aspett li kellu qabel, billi ma riedx li t-twemmin fil-qawmien mill-mewt, ikun imdawwar lejn ġisem differenti minn dak li huwa kien ħa fil-Verġni Marija, u li bih ġie maqtul, skont l-Iskrittura. Il-mewt, fil-fatt, kellha setgħa fuq il-ġisem tiegħu u din ġiet meħuda lilha. Li kieku ma qamx proprju bl-istess ġisem li kellu qabel, kif kienet se tkun mirbuħa il-mewt? Jew b’liema mod kienet se tasal fi tmiemha is-saltna tat-taħsir, jekk mhux bil-ħila ta’ ħlejqa razzjonali li għaddiet mill-mewt? Żgur li dan ma kellux jitwettaq permezz ta’ ruħ, anqas permezz ta’ anġlu u anqas mill-istess Kelma ta’ Alla nnifisha. Billi, mela, il-mewt kienet kisbet setgħa hekk kbira illi setgħet teqred fih, dak li min-natura tiegħu seta’ jiġi meqrud, kienet ħaġa sewwa illi s-setgħa tal-qawmien mill-imwiet kellha tiġi applikata qabelxejn fih, fejn kienet ġiet imxejna is-setgħa ta’ tirann li l-mewt innifisha kellha.

 

23. Mid-Diskors 88 ta’ Wistin ta’ Ippona, 1-2

 

Tafu tajjeb, ħuti, illi l-Mulej u Salvatur tagħna Ġesù Kristu huwa t-tabib għas-saħħa tagħna eterna; kien għalhekk illi huwa ħa fuqu n-nuqqas ta’ saħħa tan-natura tagħna, sabiex dan in-nuqqas ma jtulx għal dejjem; ħa ġisem li jmut sabiex fih jkun jista’ joqtol il-mewt. U billi huwa ġie msallab minħabba d-dgħufija tagħna, issa, bħalma jgħid l-appostlu, “Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt m’għadhiex taħkem fuqu” (Rum 6,9). Dawn il-ħwejjeġ huma magħrufa tajjeb mill-fidi tagħkom. Billi għarafna il-mirakli kollha li ġew imwettqa minnu għal ftit żmien, dan iservina ta’ twissija sabiex nifhmu wkoll il-verità ta’ dejjem. Huwa raġa’ ta lill-għomja dawk l-għajnejn li l-mewt kellha xi darba terġa’ tagħlaq; qajjem mill-mewt lil Lazzru, li kellu jerġa’ jmut. U dak kollu li għamel sabiex jagħti s-saħħa lill-ġisem m’għamlux sabiex jibqa’ għal dejjem peress li fl-aħħar nett ried jagħti s-salvazzjoni ta’ dejjem lill-ġisem ukoll. Imma ladarba aħna ma konniex nemmnu dak li ma stajniex naraw, meta wettaq dawk il-mirakli għal ftit żmien, huwa qanqal ġewwa fina l-fidi f’dawk il-ħwejjeġ li ma kinux jidhru. Ħadd, mela, ħuti, ma għandu jażżarda jiċħad li l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, ħadem b’dan il-mod sabiex iqiegħed is-sisien għas-siegħa attwali tal-Knisja.

Tassew, li f’diversi okkażjonijiet il-Mulej innifsu qiegħed qabel dawk li raw u emmnu lil dawk illi emmnu mingħajr ma raw. Fil-fatt id-dgħufija tad-dixxipli kienet wasslithom li saħansitra meta raw ħassew il-ħtieġa li li jmissu wkoll qabel ma jemmnu. Ma kienx biżżejjed għalihom li jaraw iżda riedu wkoll imissu ġismu b’idejhom ukoll il-ġrieħi friski: hekk li dak id-dixxiplu li kien iddubitha, hekk kif mess u għaraf l-ġrieħi għajjat: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20,28). Il-ġrieħi wrew ‘il dak li kien fejjaq il-grieħi kollha tal-oħrajn. Ma setax, il-Mulej, iqum mill-imwiet mingħajr il-ġrieħi? Iżda huwa kien jaf illi fi-qlub tad-dixxipli kien għad hemm ġrieħi li l-ġrieħi miżmuma fil-ġisem tiegħu kellhom is-setgħa li jfejqu. U x’qal lil dak li kien għajjat “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”? “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu!” (Ġw 20,29). Dwar min kien qiegħed jitkellem, ħuti, jekk mhux dwarna? U mhux biss dwarna iżda wkoll dwar dawk li għad jiġu warajna. Fil-fatt, ftit żmien wara, meta l-Mulej ittieħed minn quddiem għajnejn dawk il-bnedmin sabiex fi qlubhom tkun ikkonfermata l-fidi, dawk kollha li emmnu fih, ma emmnux il-għaliex kienu raw, u hekk il-fidi tagħhom kienet tiswa’ aktar. Jekk tridu nagħmlu xebh, nistgħu ngħidu li qabdu mal-fidi bid-devozzjoni tal-qalb u mhux il-għaliex kienu messew b’idejhom.

 

24. Mid-Diskors 56 ta’ Massimu ta’ Turin, 1-3

 

“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12,24). Reġa warrad, mela, il-Mulej, bil-qawmien tiegħu mill-qabar; u jagħti l-frott meta jitla’ fis-sema. Huwa blanzun meta jinbet mill-qiegħ l-aktar fond tal-art, u huwa frott meta jkun imqiegħed fi-għoli tas-smewwiet. Huwa ħabba tal-qamħ, bħalma jgħid huwa stess, meta jbati waħdu fuq is-salib, huwa frott meta jsib ruħu mdawwar bil-fidi kbira tal-appostli. Fil-fatt, matul l-erbgħin jum li huwa qatta’ mad-dixxipli wara l-qawmien mill-mewt, huwa għallimhom bl-għerf kollu kemm hu tal-maturità u ħejjihom biex jagħtu frott tajjeb bit-tagħlim tiegħu hekk għammieli. Imbagħad tela’ fis-smewwiet, jiġifieri għand il-Missier, waqt li ħa miegħu il-frott tal-ġisem u ħalla ż-żerriegħa tal-ġustizzja lid-dixxipli.

Il-Mulej, mela, tela’ għand il-Missier. Tiftakru li konna xebbahna s-Salvatur ma’ ajkla, dik li dwarha naqraw fis-salterju, illi ġġedded żgħożitha. Dan mhuwiex xebh ċkejken. L-istess, fil-fatt, bħalma l-ajkla tħalli l-pjanura u waqt li tħares ‘il fuq togħla sas-smewwiet, hekk ukoll is-salvatur iħalli l-fond tal-abbiss u waqt li jħares lejn l-għoli tal-ġenna jinfed sa fil-għoli tas-smewwiet. U l-istess bħall-ajkla,  darba mitluqa warajha d-dinja maħmuġa u hemm fl-għoli hi tkun qed tgawdi s-saħħa li tagħti l-arja safja, il-Mulej darba ħalla warajh it-tajn tad-dnubiet tad-dinja u merfugħ ‘il fuq flimkien mal-qaddisin tiegħu, huwa jifraħ bis-sempliċità ta’ ħajja aktar safja.

F’kollox, mela, nistgħu inqabblu l-ajkla mas-Salvatur. Xi ngħidu allura, għall-fatt li ta’ spiss l-ajkla taħtaf il-priża, jiġifieri tieħu għaliha dak li huwa ta’ ħaddieħor? Anqas f’dan is-Salvatur ma hu differenti minnha. Huwa ħataf il-priża meta ġibed lill-bniedem minn ħalq l-infern u tellgħu fis-sema, waqt li wassal bħala priġunier tiegħu fl-inħawi l-aktar għolja lill-qaddej li huwa kien ħeles mill-jasar, jiġifieri mill-ħakma tax-xitan, bħalma jikteb il-Profeta: “Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta don lill-bnedmin” (Efes 4,8). Din il-frażi tfisser illi huwa bħala wieħed rebbieħ talla’ sas-smewwiet il-ħabsin. Fil-fatt iż-żewġ ħabsijiet hawnhekk ġew murija permezz ta’ kelma waħda, iżda t-tnejn li huma huma diversi il-wieħed mill-ieħor! Il-ħabs tax-xitan idaħħal lill-bniedem fil-jasar; il-ħabs ta’ Kristu jrodd il-libertà lura lill-bniedem.

“Tela’ fil-għoli, jassar l-ilsiera”. Kemm pinġiha sew il-Profeta, din ir-rebħa tal-Mulej! Kien normali li l-pompa tal-priġunieri kienet timxi quddiem il-karru trijonfali tas-sultan. Araw, imma, il-priġunieri glorjużi ma jimxux qabel imma jakkumpanjaw lill-Mulej li tiela’ fis-sema; mhumiex mqiegħda quddiem il-karru, iżda jkunu huma stess li jġorru lis-Salvatur. B’mod misterjuż, fil-fatt, waqt li l-Iben ta’ Alla qiegħed jerfa’ ‘l fuq lejn is-sema lil Bin il-bniedem, il-priġunieri nnifishom huma mwasslin minnu u qegħdin jerfgħuh, skont il-kelmiet: “ta’ don lill-bnedmin”: huma  s-sinjal tar-rebbieħ.

 

25. Mill-Omelij 26 ta’ Girgor il-Kbir, 1-2

 

L-ewwel mistoqsija li tqegħdilna quddiemna din is-silta tal-Evanġelju hija kif sata’ jkun tabilħaqq il-ġisem tal-Mulej wara l-qawmien mill-imwiet, ladarba dan kellu setgħa li jgħaddi minn bibien magħluqa. Imma jinħtieġ inkunu nafu li l-ħidmiet ta’ Alla ma ikunux aktar tal-għaġeb li kieku konna nistgħu nifhmuhom; anqas ma jkollna l-mertu tal-fidi jekk ir-raġuni tal-bniedem tkun tista’ turina l-provi.

Irridu naraw dawk l-azzjonijiet illi fihom infushom ma tantx jistgħu jiftehmu fid-dawl tal-ħidma kollha tal-Feddej, sabiex il-fatti tal-għaġeb tal-ħajja tiegħu joffru argumenti ta’ fidi għal dak li jidhrilna li hu daqshekk sorprendenti. Fil-fatt, il-ġisem tal-Mulej li daħal ġewwa ċ-ċenaklu bil-bibien magħluqa kien dak stess illi filwaqt tat-twelid tiegħu ħareġ quddiem għajnejn il-bnedmin mill-ġuf bla mittiefes tal-Verġni. Għaliex mela nistagħġbu jekk wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet daħal minn bibien magħluqa, ġa rebbieħ għal dejjem, huwa li kien ħareġ mill-ġuf bla mittiefes tal-Verġni meta huwa ġie sabiex imut? Iżda billi l-fidi ta’ dawk li kienu qed jaraw il-ġisem tiegħu ma kinitx soda mill-ewwel urihom idejh u ġenbu, u ġegħilhom imissu dak il-ġisem li kien għadda minn bibien magħluqa.

B’mod tal-għaġeb li ma nistgħux inqabbluh ma’ ġrajjiet oħra il-Feddej tagħna wera l-qawmien mill-mewt tal-ġisem tiegħu li ma setax jitħassar, imma li sata’ jintmess, sabiex l-inkorruttibilità tistedinna sabiex nirbħu l-premju,  u l-possibilità li kellu dan il-ġisem li jintmess kellha sservi ta’ konferma għall-fidi. Wera lilu nnifsu bħala dak li ma jistax jitħassar u li wkoll jista’ jintmess sabiex jurina li ġismu wara l-qawmien mill-imwiet, kellu l-istess natura, imma glorja li kienet diversa.

Qal lid-dixxipli: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” (Ġw 20,21). Jiġifieri, bħalma l-Missier, li huwa Alla, bagħat lili, li jiena Alla, hekk jiena wkoll, li jiena bniedem, nibgħat lilkom, bnedmin.

Il-Missier bagħat lill-Iben sabiex jitlaħħam u jsir bniedem għall-fidwa tan-nisel uman. U għalkemm bagħtu fid-dinja lejn il-Passjoni, madankollu Huwa ħabb lil dak l-Iben li bagħtu sabiex ibati. Il-Mulej ukoll bagħat fid-dinja lill-appostli li huwa kien għażel, mhux sabiex igawdu iżda sabiex ibatu bħalu. Mela l-Iben kien maħbub mill-Missier, madankollu ġie mibgħut sabiex ibati; bl-istess mod id-dixxipli wkoll huma maħbubin mill-Mulej, u madankollu ġew mibgħuta fid-dinja sabiex ibatu.

Għalhekk huwa nnifsu jgħidilhom: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” (Ġw 20,21); jiġifieri: nitlaqkom għall-iskandlu ta’ dawk li se jippersegwitawkom, jiena nħobbkom bl-istess imħabba li biha l-Missier ħabb lili, minkejja li bagħatni għat-tbatijiet tal-Passjoni.

 

26. Mill-Eżortazzjoni għall-martirju ta’ Oriġene, 42-43.

 

Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja (ara 1 Ġw 3,14) għax ma konniex nemmnu, u issa sirna nemmnu. Mela mhux għaġeb li d-dinja tobgħodna. Min baqa’ fil-mewt u ma għaddiex mill-mewt għall-ħajja ma jistax iħobb lil dawk li ħarġu mid-dar mudlama tal-mewt, biex ngħid hekk u daħlu fid-dawl ta’ dar il-ħajja mibnija b’ġebel ħaj.

Ġesù ta ħajtu għalina; aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna, ma ngħidx għalih, imma għalina, jew aħjar, għal dawk li jieħdu eżempju tajjeb mill-martirju tagħna.

Nisrani ħija, aħna għandna biex niftaħru. L-appostlu jgħid: “Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li t-tbatija ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina”. Sa dak il-punt li “l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5,3-35).

“Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ” (2 Kor 1,5). Ladarba hu hekk, ejjew nilqgħu t-tbatijiet ta’ Kristu b’ħeġġa kbira, u nħalluhom joktru fina jekk nixtiequ li fina joktor ukoll il-faraġ imwiegħed lil dawk li jibku. Forsi mhux kulħadd jitfarraġ l-istess, imma skont kemm wieħed ikollu t-tbatijiet, għax kieku ma kienx jikteb: “Bħalma joktru fina t-tbatijiet ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ”.

Min jaqsam ma’ Kristu fit-tbatijiet, jaqsam miegħu wkoll il-faraġ, skont il-qjies tal-istess sofferenzi. Hekk jgħallimhom dak li b’fiduċja kbira qalilhom: “kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ tagħna” (2 Kor 1,7).

Alla permezz tal-profeta jgħid: “Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, u f’jum is-salvazzjoni għentek” (2 Kor 6,2; Is 49,8). U liema żmien hu aktar tajjeb minn dak li fih, minħabba r-rabta ta’ mħabba tagħna ma’ Alla fi Kristu, nimxu f’din l-art imdawrin bl-għases qisna f’purċissjoni, u jeħduna aktar rebbieħa milli mirbuħa?

Flimkien ma’ Kristu, il-martri tiegħu ineżżgħu il-prinċipati u s-setgħat u jġibu r-rebħa fuqhom, biex kif issieħbu miegħu fit-tbatijiet, hekk ukoll jieħdu sehem miegħu fil-qawwa li wera. U għalhekk, liema hu jum is-salvazzjoni jekk mhux dak li bih tgħaddu għall-ħajja l-oħra b’dan il-mod?

Imma, nitlobkom,  tagħmlu xejn li jista’ jkun ta’ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. F’kollox qisu rwieħkom bħala ministri ta’ Alla bis-sabar kollu (ara 2 Kor 6,3), u għidu: “U issa, Mulej, jien x’nistenna? Fik biss hija t-tama tiegħi” (S 38,8).

 

27. Mid-Diskors 74 ta’ Ljun il-Kbir, 1-2.

 

Għeżież, il-misteru tas-salvazzjoni tagħna, li l-Ħallieq ta’ kollox, stmaha bil-prezz ta’ demmu, kien imwettaq minnu fl-umiltà, mill-jum li fih twieled sat-tmiem tal-passjoni tiegħu.

U wkoll jekk fis-sura ta’ qaddej huwa xorta waħda wriena ħafna sinjali tad-divinità, il-ħidma li huwa wettaq matul dawk iż-żmien riedet kollha kemm hi turi r-realtà ta’ bniedem li huwa kien libes.

Imma, bil-maqlub, wara l-passjoni, ladarba ġew imkissra l-ktajjen tal-mewt, li kienet tilfet il-qawwa tagħha meta ħakmet lil dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, id-dgħufija ġiet mibdula f’qawwa, il-kundizzjoni tiegħu mortali fl-immortalità, it-tmaqdir fi glorja. Il-Mulej Ġesù Kristu wera dan kollu taħt il-ħarsa ta’ ħafna nies f’xhieda numeruża u ċara, sakemm wassal fis-smewwiet it-trijonf tar-rebħa li huwa kien għamel fuq il-mejtin. Bħalma fis-solennità tal-Għid il-Qawmien tal-Mulej mill-mewt kien ir-raġuni tal-ferħ tagħna, hekk ukoll illum it-Tlugħ tiegħu fis-sema huwa għalina raġuni ta’ hena, għaliex qed niftakru u nqimu dak il-jum li fih in-natura umli tagħna kienet mgħollija fi Kristu, fuq il-qtajja’ kollha tas-sema: fuq l-ordnijiet kollha tal-anġli u fuq il-qawwiet kollha, saħansitra ġiet imqiegħda fuq it-tron flimkien mal-Missier.

Aħna ġejna msejsa u mibnija fuq dan it-twettiq tal-ħidma ta’ Alla, ħalli b’hekk tidher aktar meraviljuża l-grazzja ta’ Alla meta, darba li jkunu mneħħija minn quddiem għajnejn il-bnedmin dawk il-ħwejjeġ li  b’mod xieraq kienu jqanqlu qima, ma tonqosx il-fidi, it-tama ma tkunx għotrot, u anqas ma tkun birdet l-imħabba.

Din hija l-enerġija tal-erwieħ il-kbar, dan huwa d-dawl kbir tal-qlub fidili, it-twemmin mingħajr tnikkir fil-ħwejjeġ li ma jidhrux bl-għajnejn u li titfa’ xewqtek hemmhekk fejn ma tistax titfa’ ħarstek.

Iżda minn fejn tnixxi din id-devozzjoni fi qlubna jew b’liema mod aħna ser inkunu ġustifikati bil-fidi, li kieku s-salvazzjoni tagħna tikkonsisti biss f’dak li aħna nistgħu naraw b’għajnjena?

Kien minħabba f’hekk li l-Mulej qal lil dak li ma kienx jemmen fil-Qawmien mill-mewt ta’ Kristu qabel ma jkun mess b’idejh il-ġrieħi tal-passjoni: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20,29).

Biex ikun jista’ jkollna hena bħal din, għeżież tiegħi, il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, wara li kien wettaq dak kollu li kien jaqbel għax-xandir tal-evanġelju u għall-misteri tar-Rabta l-Ġdida, erbgħin jum wara l-Qawmien, refa’ ruħu lejn is-sema quddiem id-dixxipli, u hekk temm il-preżenza tiegħu fil-ġisem fid-dinja.

U jibqa’ fuq il-lemin tal-Missier, sa tmim iż-żminijiet stabbilit minn Alla biex ikattar l-ulied għall-Knisja; imbagħad jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin b’dak l-istess ġisem illi huwa tela’ bih. Għalhekk, dak kollu tar-Redentur tagħna li kien fid-dieher, għadda taħt is-sinjali sagramentali u biex il-fidi tkun aktar sabiħa u qawwija, it-tagħlim ħa post id-dehra, sabiex il-qlub ta’ dawk li jemmnu, imdawlin mid-dawl ta’ Alla, ikunu jistgħu jimxu wara l-awtorità.

 

28. Mill-Kumment dwar l-evanġelju ta’ San Ġwann ta’ Ċirillu ta’ Lixandra, 9.

 

Li kieku ħdejn il-Missier – qal il-Mulej – ma kienx hemm ħafna għamajjar, kont nitlaq ħafna qabel ħalli nħejji l-għamara għall-qaddisin. Iżda billi naf li ġa hemm ħafna mħejjija, li qed jistennew il-wasla ta’ dawk li jħobbu lil Alla, mhuwiex minħabba f’hekk – qal – li se nitbiegħed minnkom, iżda għaliex il-mawra lura tagħkom fit-triq tas-sema hija xi ħaġa li trid tiġi mħejjija, f’post, li darba ma kienx jista’ jintlaħaq, u li jinħtieġ jitwitta. Is-sema hija fil-fatt, post li ma jistax jintlaħaq mill-bnedmin, u qatt qabel issa, in-natura umana, ma kienet daħlet fil-post safi u qaddis tal-anġli. Kristu kien l-ewwel wieħed li nieda għalina dik it-triq li ddaħħalna hemm u li ta lill-bniedem il-mezz biex jitla’, billi offra lilu nnifsu lil Alla l-Missier bħala l-ewwel frott ta’ dawk li mietu u ta’ dawk li huma mimduda taħt l-art u hekk wera lilu nnifsu, l-ewwel bniedem, lill-ispirti tas-sema.

Minħabba f’hekk l-anġli tas-sema, waqt li injoraw il-misteru kbir u venerabbli ta’ dik il-miġja fil-ġisem ta’ bniedem, mistagħġba, iħarsu b’meravilja lejn dak li tela’, u mħawdin mill-wirja ġdida u li bħala qatt ma dehret, kienu se jgħidu: “Min hu dan li ġej minn Edom” (Is 63,1), jiġifieri mid-dinja. Imma l-Ispirtu ma ħalliex li din il-qatgħa tas-sema tibqa’ sajma mill-għerf li jgħaġġbek ta’ Alla l-Missier; ordna, anzi, li għandhom jinfetħu bibien is-sema għas-Sultan u Mulej tal-ħolqien kollu, u għajjat: . “Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!” (S 23,7 Vulg.).

Mela, il-Mulej tagħna Ġesù Kristu nieda għalina din it-triq ġdida kollha ħajja, bħalma jgħid Pawlu: “Għax Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla” (Lhud 9,24).

Fil-verità Kristu ma telax sabiex juri lilu nnifsu quddiem Alla l-Missier: huwa kien, u se jkun dejjem fil-Missier, u taħt il-ħarsa ta’ Dak li nisslu; huwa dejjem jibqa’ l-oġġett tal-għoġba tiegħu.

Iżda issa l-verb tala’ bħala bniedem ħalli juri lilu nnifsu b’mod ġdid u mhux tas-soltu, billi qabel huwa kien nieqes mill-umanità. U dan għamlu minħabba fina u b’riżq tagħna, għalhekk, sar jixbah lill-bnedmin, u sama’ tabilħaqq, fis-setgħa tiegħu bħala Iben u bħala bniedem: “Oqgħod fuq leminti” (S 109,1), minnfejn huwa jista’ jitrasmetti lill-bnedmin kollha, adottati fih, il-glorja ta’ wlied Alla.

Huwa tabilħaqq wieħed minna, ladarba deher fuq il-lemin ta’ Alla u Missier bħala bniedem, ukoll jekk huwa hu ‘il fuq minn kull ħlejqa oħra u ħaġa waħda mal-Missier, ladarba huwa d-dija tiegħu, Alla minn Alla u dawl minn dawl veru. Deher mela għalina quddiem il-Missier bħala bniedem, biex jippreżentalu lilna, li minħabba l-ħtija tal-qedem sibna ruħna mbegħdin minn wiċċu. Huwa qagħad ħdejh bħala Iben, sabiex aħna wkoll noqogħdu ħdejh bħala wlied u, fih, niġu msejħin ulied Alla. Għalhekk Pawlu, li kien jafferma li kellu fih lil Kristu li kien jitkellem permezz tiegħu, jgħallem li dak kollu li seħħ b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Kristu huwa komuni għan-natura tal-bniedem kollha kemm hi, meta jgħid: “Qajjimna miegħu u qegħidna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù” (Efes 2,6).

Lil Kristu jixraq prorprjament, u lilu biss ladarba huwa l-Iben bin-natura tiegħu, id-dinjità u l-glorja li joqgħod fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier. Imma billi dak li qiegħed hemm huwa l-istess bħalna, ladarba huwa deher bħala bniedem, u fl-istess ħin huwa wkoll magħruf Alla minn Alla, allura b’xi mod jittrasmetti lilna wkoll il-grazzja tad-dinjità tiegħu.