SENA B, IT-TIENI ĦADD TAR-RANDAN

 

FEJN IWASSAL IL-ĦARSIEN TAL-PATT

 

L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. - Ġen 22, 1-2.9-13.15-18

F’dak iż-żmien: Alla ried iġarrab lil Abraham, u qallu: “Abraham!” Wieġbu: “Hawn jien.” U qallu Alla: “Aqbad ’l ibnek il-waħdieni li tħobb, lil Iżakk, u erħilha lejn l-art ta’ Morija, u offrih hemm sagrifiċċju fuq waħda mill-muntanji li nurik.”


U waslu fil-post li qallu Alla. U Abraham newwel idu u qabad is-sikkina, biex joqtol lil ibnu. Iżda għajjatlu l-anġlu tal-Mulej mis-sema u qallu: “Abraham, Abraham!” Wieġeb: “Hawn jien.” U qallu l-anġlu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ, u ara li ma tagħmillu xejn, għax issa rajt li għandek il-biża’ ta’ Alla u ma ċħadtlix ’l ibnek il-waħdieni.”


U Abraham refa’ għajnejh, ħares, u ra muntun warajh, maqbud minn qrunu fil-friegħ mxebbkin. U mar Abraham u qabad il-muntun, u offrieh sagrifiċċju flok ibnu.


U għajjat l-anġlu tal-Mulej lil Abraham għat-tieni darba mis-sema, u qallu: “Naħlef fuq ruħi – dan kliem il-Mulej – li ladarba int għamilt din il-ħaġa, u ma bżajtx għal ibnek il-waħdieni, jiena nbierkek u nkattarlek nislek bħall-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar, u nislek jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. U bis-saħħa ta’ nislek jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art, talli smajt minni.”

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI - Salm 115


Jiena nimxi quddiem il-Mulej fl-art tal-ħajjin.


Bqajt nemmen, imqar meta għidt:
“Jien imdejjaq ħafna!”
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-qaddejja tiegħu. R/.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek;
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri s-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Intemm il-wegħdi tiegħi lill-Mulej
quddiem il-poplu kollu tiegħu,
Fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
f’nofsok, Ġerusalemm. R/.



IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 8, 31b-34

Ħuti: Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Forsi Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li rxoxta, li jinsab fuq il-lemin ta’ Alla u li jidħol għalina quddiemu?

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark. - Mk 9, 2-10

F’dak iż-żmien: Ġesù ħa miegħu ’l Pietru u ’l Ġakbu u ’l Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, it-tnejn jitkellmu ma’ Ġesù.


Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.


Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu.” U minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw ’il ħadd iżjed ħlief ’il Ġesù magħhom.


Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq dak li kienu raw, qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, imma bdew jistaqsu ’l xulxin x’kien ifisser “tqum mill-imwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.